Proċedura : 2019/2800(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0042/2019

Testi mressqa :

B9-0042/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/09/2019 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0020

<Date>{16/09/2019}16.9.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0042/2019</NoDocSe>
PDF 149kWORD 53k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B9‑0051/2019</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi</Titre>

<DocRef>(2019/2800(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Martin Buschmann, Sandra Pereira, Nikolaj Villumsen, Konstantinos Arvanitis, Anja Hazekamp, Manuel Bompard, Pernando Barrena Arza, Anne‑Sophie Pelletier, Leila Chaibi, Mick Wallace, Manon Aubry, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0040/2019

B9‑0042/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi

(2019/2800(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) tagħha,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[1], b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi ma jistax jingħatalhom privattivi,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 2(2) u l-Premessa 33 tad-Direttiva 98/44/KE, li jiddikjaraw li proċess għall-produzzjoni tal-pjanti u tal-annimali huwa essenzjalment bijoloġiku jekk jikkonsisti fl-intier tiegħu minn fenomeni naturali bħalma huma l-inkroċjar jew l-għażla,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-privattivi għal proċessi bijoloġiċi essenzjali[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti[3],

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Każijiet G2/12 (dwar it-tadam) u G2/13 (dwar il-brokkoli),

 wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni C/2016/6997 tat-8 ta' Novembru 2016 dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi (EPOrg) tad-29 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (CA/D 6/17),

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP tal-5 ta' Diċembru 2018 fil-Każ T 1063/18,

 wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi (O-000026/2019 – B9‑0051/2019),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-aċċess għal materjal bijoloġiku tal-pjanti li jinkludi karatteristiċi tal-pjanti huwa assolutament neċessarju biex tiġi ggarantita s-sigurtà globali tal-ikel, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u pprevenuti monopolji fi ħdan is-setturi tat-tnissil tal-annimali u tal-pjanti, sabiex jingħataw aktar opportunitajiet lill-bdiewa;

B. billi t-tnissil tal-pjanti huwa proċess li ġie pprattikat mill-bdiewa u l-komunitajiet tal-biedja mit-twelid tal-agrikoltura; billi l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali, minbarra l-metodi tat-tnissil, huma importanti għad-diversità ġenetika;

C. billi t-tnissil tal-pjanti fl-ambjent naturali tagħhom huwa partikolarment meħtieġ sabiex jiffaċċjaw l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-temp u l-igrometrija, minbarra l-emerġenza ta' parassiti ġodda u epidemiji ta' mard ġodda tal-pjanti; billi dan jeħtieġ aċċess miftuħ għal bdiewa u għal min inissel iż-żrieragħ għall-materjal tat-tnissil;

D. billi l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE u l-Artikolu 53(b) tal-KEP jistabbilixxi li l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali ma jistax jingħatalhom privattivi;

E. billi f'Marzu 2015, il-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP, fir-rigward tal-Każijiet G2/12 (dwar it-tadam) u G2/13 (dwar il-brokkoli) iddeċieda li tali prodotti bijologiċi jista' jingħatalhom privattivi u mhux kunfliġġenti mal-Artikolu 53(b) tal-KEP, li ma jippermettix privattivi għal proċessi "essenzjalment bijoloġiċi";

F. billi f'Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat avviż dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE fir-rigward tal-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-annimali miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u tal-opinjoni li, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE, tali pjanti u annimali ma jistgħux jingħataw privattivi taħt id-Direttiva;

G. billi f'Ġunju 2017, il-Kunsill Amministrattiv tal-UEP ħa d-deċiżjoni li l-privattivi mhux se jiġu permessi għall-pjanti u l-annimali meħuda minn tnissil konvenzjonali jew prodotti mingħajr l-użu ta' inġinerija ġenetika;

H. billi f'Diċembru 2018, il-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP ħabbar li waħda mill-aħħar regoli tiegħu, li pprojbixxiet l-għoti ta' privattivi għall-pjanti jew l-annimali li ġew miksuba esklużivament permezz ta' proċess essenzjalment bijoloġiku, kienet kunfliġġenti mal-artikoli msemmija fil-KEP;

I. billi, f'diversi okkażjonijiet, l-UEP injora u dgħajjef il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-KEP u d-Direttiva 98/44/KE;

J. billi, fis-snin reċenti, fl-UE qed ikun hemm numru dejjem jikber ta' applikazzjonijiet għal privattivi għall-pjanti u l-annimali, li fosthom in-numru ta' privattivi għall-pjanti li jiġu minn tnissil konvenzjonali – mhux minn inġinerija ġenetika – kiber b'mod stabbli; billi, sal-lum, aktar minn 1 600 applikazzjoni bħal din ġew ippreżentati u ngħataw madwar 220 privattiva;

K. billi d-deċiżjoni l-ġdida mill-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP potenzjalment ħolqot sitwazzjoni li tkun vantaġġjuża għal multinazzjonali kbar, bħal Bayer-Monsanto, Syngenta u BASF, li għandhom l-għan jimmonopolizzaw iż-żrieragħ u l-pjanti, u b'hekk jieħdu  kontroll tar-riżorsi bażiċi għall-produzzjoni tal-ikel permezz tad-drittijiet tal-privattivi;

L. billi hemm ħtieġa urġenti għall-UEP, li qed iħabbat wiċċu ma' sitwazzjoni legalment kaotika, li jiċċara l-kamp ta' applikazzjoni u l-intepretazzjoni tar-regoli tiegħu; billi l-projbizzjoni fuq il-privattivi għall-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali għandha tiġi salvagwardjata;

1. Jesprimi t-tħassib tiegħu li d-deċiżjoni reċenti tal-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP dwar il-Każ G2/19 tista' twassal biex l-UEP jagħti aktar privattivi għal karatteristiċi naturali preżenti f'varjetajiet ġodda jew karatteristiċi tal-pjanti introdotti fihom permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi bħalma huma l-inkroċjar u l-għażla;

2. Jenfasizza li d-deċiżjoni mid-deċiżjoni tal-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP ta' Diċembru 2018 dwar il-Każ G3/19 hija kunfliġġenti mad-deċiżjoni preċedenti tal-Kunsill Amministrattiv tal-EPOrg ta' Ġunju 2017, li ddikkjarat li l-pjanti u l-annimali miksuba esklużivament permezz ta' proċess essenzjalment bijoloġiku mhux se jingħatalhom aktar privattivi;

3. Jistieden lill-UEP josserva lill-KEP, li hija l-bażi għal-liġi Ewropea dwar il-privattivi u teskludi l-pjanti u l-annimali mill-għoti ta' privattivi;

4. Jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-għoti ta' privattivi għal proċessi ħajjin, inklużi pjanti u annimali; jenfasizza li l-privattivi għall-pjanti u l-annimali u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi mogħtija mill-UEP jippromwovu l-konċentrazzjoni tas-suq, iservu biex jippromwovu drittijiet ta' monopolju mhux ġusti, u finalment jipperikolaw il-bijodiversità agrikola tal-ekosistemi u l-kapaċità tas-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel biex jadattaw għall-isfidi maħluqa mit-tibdil fil-klima;

5. Jikkritika bil-qawwa t-teħid ta' deċiżjonijiet intern tal-UEP u l-proċedimenti tiegħu, li ma jitwettqux taħt skrutinju demokratiku u politiku, b'ebda kontrolli indipendenti fis-seħħ jew spazju għall-parteċipazzjoni pubblika;

6. Jenfasizza li r-regoli tal-UEP dwar il-privattivi li jikkonċernaw prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fuq karatteristiċi tekniċi trivjali u jirrappreżentaw użu ħażin tal-liġi dwar il-privattivi, fejn tintuża bħala għodda għal miżapproprijazzjoni li ddawwar ir-riżorsi tal-agrikoltura meħtieġa għall-produzzjoni ta' kuljum tal-ikel fl-hekk imsejħa proprjetà intellettwali ta' ftit kumpaniji kbar, b'tali mod li tpoġġi s-sigurtà tal-ikel u s-sovranità reġjonali tal-ikel f'riskju;

7. Jistieden b'mod urġenti lill-UEP jiċċara r-regoli tiegħu f'din il-kwistjoni, peress li hemm ammont kbir ta' applikazzjonijiet għal privattivi li jikkonċernaw prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi li qed jistennew deċiżjoni; jenfasizza li l-għoti ta' privattivi għall-prodotti li huma miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi jdgħajjef kompletament il-projbizzjonijiet stabbiliti mil-liġi Ewropea dwar il-privattivi;

8. Jistieden lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP iwieġeb b'mod pożittiv għal żewġ mistoqsijiet stabbiliti fir-Rinviju ta' punt ta' ligi għall-Bord tal-Appell Estiż mill-President tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (l-Artikolu 112(1)(b) tal-KEP);

9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-UE tissalvagwardja l-aċċess garantit għal materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi u l-użu tiegħu għat-tnissil tal-pjanti u tal-annimali sabiex – fejn applikabbli – ma jinterferixxux mal-prattiki li jiggarantixxu eżenzjoni komprensiva ta' min inissel u drittijiet għall-bdiewa;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti dikjarazzjoni bil-miktub lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP li jikkonċerna l-Każ G3/19 dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti miksuba esklużivament permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi, sabiex jiġi żgurat li prodotti li jirriżultaw minn proċessi naturali ma jistax jingħatalhom privattivi, wara l-konklużjonijiet tal-avviż tagħha dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[4];

11. Jistieden lill-Istati Membri tal-EPOrg u l-partijiet kollha tal-KEP jieħdu azzjoni deċiżiva sabiex iwaqqfu aktar privattivi għall-pjanti u l-annimali u jsaħħu l-projbizzjonijiet eżistenti;

12. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-esklużjoni mill-għoti ta' privattivi għal proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kuntest ta' diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-liġi multilaterali dwar il-privattivi;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tal-liġi dwar il-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif meħtieġ skont l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-privattivi għal proċessi bijoloġiċi essenzjali[5];

14. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

 

[1] ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.

[2] ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 31.

[3] ĠU C 399, 24.11.2017, p. 188.

[4] ĠU C 411/03, 8.11.2016, p. 3.

[5] ĠU C 261E, 10.9.2013, p. 31.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2019Avviż legali