Proċedura : 2019/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0099/2019

Testi mressqa :

B9-0099/2019

Dibattiti :

PV 18/09/2019 - 17
CRE 18/09/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/09/2019 - 7.5
CRE 19/09/2019 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0021

<Date>{17/09/2019}17.9.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0099/2019</NoDocSe>
PDF 149kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa</Titre>

<DocRef>(2019/2819(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Kati Piri, Isabel Santos</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0097/2019

B9‑0099/2019

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa

(2019/2819(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Awwissu 2019 mill-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Jourová qabel il-Jum ta' Tifkira fl-Ewropa kollha għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha,

 wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/179 tad-19 ta' Diċembru 2016 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra l-glorifikazzjoni tan-Naziżmu, in-neo-Naziżmu u prattiki oħra li jikkontribwixxu biex jitkebbsu l-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju ta' tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fit-8 ta' Mejju 1945[2],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[3],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjioni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu, adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[5],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa (COM(2010)0783),

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Varsavja tat-23 ta’ Awissu 2011 fl-okkażjoni tal-Jum ta’ Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-23 ta' Awissu 2018, tar-rappreżentanti tal-gvern ta' tmien Stati Membri tal-UE, li tikkommemora lill-vittmi tal-Komuniżmu,

 wara li kkunsidra l-Kummissjonijiet għall-Verità u l-Ġustizzja stabbiliti f'diversi partijiet tad-dinja, li għenu lil dawk li għexu taħt għadd kbir ta' ex reġimi awtoritarji u totalitarji biex jegħlbu d-differenzi tagħhom u jaslu għar-rikonċiljazzjoni,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja adottata fit-13 ta’ Jannar 1983[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

B. billi miljuni ta' vittmi ġew deportati, mitfugħa l-ħabs, ittorturati u maqtula mir-reġimi totalitarji u awtoritarji matul is-Seklu 20 fl-Ewropa; billi n-natura unika tal-Olokawst imwettaq mir-reġim Nazista qatt ma għandha tintesa;

C. billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, u b'hekk qassmu lill-Ewropa u lit-territorji ta' stati indipendenti fi sferi ta' interess bejn iż-żewġ reġimi totalitarji u wittew it-triq biex tfaqqa' t-Tieni Gwerra Dinjija;

D. billi, bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, li kien segwit bit-Trattat dwar il-Konfini u l-Ħbiberija bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-28 ta' Settembru 1939, ir-Repubblika Pollakka ġiet invaduta l-ewwel minn Hitler u ġimagħtejn wara minn Stalin, u dan wassal għat-telfa deċiżiva tal-indipendenza Pollakka; billi fit-30 ta' Novembru 1939 l-Unjoni Sovjetika bdiet gwerra aggressiva kontra l-Finlandja, u f'Ġunju 1940 okkupat u annessat partijiet mir-Rumanija (territorji li qatt ma treġġgħu lura) u annessat bil-forza r-Repubbliki indipendenti tal-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja; billi fit-23 ta' Awwissu 1989, il-50 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji ġew ikkommemorati mill-"Katina Baltika", demostrazzjoni bla preċedent minn żewġ miljun Litwan, Latvjan u Estonjan;

E. billi wara t-telfa tar-reġim Nazista u t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, xi pajjiżi Ewropej gawdew mir-rikostruzzjoni u mir-rikonċiljazzjoni ta' wara l-gwerra, filwaqt li oħrajn baqgħu taħt dittatorjati, inklużi xi wħud taħt okkupazzjoni Sovjetika, u komplew jiġu mċaħħda mil-libertà, mi-demokrazija, mid-dinjità, mid-drittijiet tal-bniedem u mill-iżvilupp soċjoekonomiku;

F. billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji, u r-rikonoxximent u s-sensibilizzazzjoni dwar il-wirt Ewropew kondiviż tad-delitti mwettqa mid-dittatorjat Stalinist, dak Nazist u dittatorjati oħra, hija ta' importanza vitali għall-unità tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid estern tal-lum;

G. billi l-gruppi u l-partiti politiċi apertament neo-Faxxisti, neo-Nazisti u ksenofobi kienu qegħdin ixewxu għall-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà, u b'hekk ifakkruna x'kienu kapaċi jagħmlu fil-passat;

H. billi t-tixrid ta' diskors ta' mibegħda online spiss iwassal għal żieda fil-vjolenza, inkluż minn gruppi neo-Faxxisti;

1. Jenfasizza li l-Jum ta' Tifkira fl-Ewropa kollha għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha, li jiġi osservat kull sena fit-23 ta’ Awwissu, huwa tfakkira li m’għandniex inqisu d-dinjità, il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem bħala fatt, u li l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali mhumiex ħwejjeġ minn ewl id-dinja;

2. Jagħti ġieh lill-vittmi kollha tan-Naziżmu, tal-Istaliniżmu u ta' reġimi totalitarji u awtoritarji oħra; jenfasizza li din il-memorja ssaħħaħ il-valur tal-paċi u l-prosperità tal-Unjoni tagħna;

3. Jisħaq fuq il-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aktar gwerra devastanti fl-istorja tal-Ewropa, inbdiet b'riżultat dirett tat-Trattat notorju ta' Non-Aggressjoni bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-23 ta' Awwissu 1939, magħruf ukoll bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, fejn żewġ reġimi totalitarji qassmu lill-Ewropa f'żewġ żoni ta' influwenza;

4. Itenni li fis-seklu 20 ir-reġim Nazista u dak Stalinist kif ukoll reġimi totalitarji u awtoritarji oħra wettqu qtil tal-massa, ġenoċidju, deportazzjonijiet u telf ta' ħajjiet fuq skala li s'issa qatt ma dehret fl-istorja tal-bniedem;

5. Jikkundanna r-reviżjoniżmu storiku u l-glorifikazzjoni tal-kollaboraturi Nazisti f'xi Stati Membri tal-UE; jinsab ferm imħasseb bin-normalizzazzjoni li kulma jmur qed tiżdied tal-Faxxiżmu, tar-razziżmu, tal-ksenofobija u ta' forom oħra ta' intolleranza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u jinsab inkwetat bir-rapporti ta' kollużjoni, f'ċerti Stati Membri, bejn mexxejja politiċi, partiti politiċi u korpi tal-infurzar tal-liġi man-neo-Faxxisti u n-neo-Nazisti;

6. Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jikkontrobattu kull forma ta' ċaħda tal-istoriċità tal-Olokawst, inklużi t-trivjalizzazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-delitti mwettqa min-Nazisti u l-kollaboraturi tagħhom, u jipprevjenu t-trivjalizzazzjoni fid-diskors politiku u ta' fuq il-medja;

7. Jappella għal kultura komuni ta' tifkira li twarrab id-delitti tar-reġimi Faxxisti, Stalinisti, u r-reġimi totalitarji u awtoritarji oħra tal-imgħoddi bħala mod kif titrawwem ir-reżiljenza kontra t-theddid modern għad-demokrazija, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa;

8. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz tal-kultura tradizzjonali dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inkluża edukazzjoni dwar l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi tagħha tul għadd ta' snin;

9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet li jxerrdu id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza fl-ispazji pubbliċi u online, u jimponu projbizzjoni effettiva fuq il-gruppi neo-Nazisti u neo-Faxxisti u fuq kwalunkwe fondazzjoni jew assoċjazzjoni oħra li tfaħħar u tigglorifika n-Naziżmu u l-Faxxiżmu, filwaqt li jirrispettaw l-ordinament ġuridiku u l-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effettiv għall-proġetti li jippromwovu l-memorja storika u t-tifkira fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropej, u talloka riżorsi finanzjarji adegwati taħt il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex jingħata appoġġ għall-kommemorazzjoni u l-memorjalizzazzjoni tar-reġimi totalitarji u awtoritarji;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0428.

[2] ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 392.

[3] ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

[4] ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 57.

[5] ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 25.

[6] ĠU C 42, 14.2.1983, p. 77.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2019Avviż legali