Proċedura : 2019/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0110/2019

Testi mressqa :

B9-0110/2019

Dibattiti :

PV 10/10/2019 - 2
CRE 10/10/2019 - 2

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2019 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0032

<Date>{02/10/2019}2.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0110/2019</NoDocSe>
PDF 178kWORD 56k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini</Titre>

<DocRef>(2019/2833(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>José Manuel Fernandes, Jan Olbrycht</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Eider Gardiazabal Rubial, Margarida Marques</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Valerie Hayer, Moritz Körner</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Rasmus Andresen, David Cormand</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9‑0110/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini

(2019/2833(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 310, 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2021 – 2027 u s-sistema ta' Riżorsi Proprji (OR) tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020[1] u dwar riforma tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb li jkun hemm qbil[4],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji: wasal iż-żmien li nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Jiddikjara li wasal iż-żmien li jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini u li l-impenji u l-ambizzjonijiet politiċi tal-Unjoni jingħataw il-mezzi finanzjarji meħtieġa; jinsab determinat li jiżgura QFP b'saħħtu u kredibbli li jippermetti lill-UE tirreaġixxi għal sfidi importanti b'mod effikaċi u tilħaq l-għanijiet politiċi tagħha fuq il-perjodu ta' seba' snin li jmiss; jemmen li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 taw leġittimità mġedda lill-pożizzjoni u r-rwol tal-Parlament f'dan il-proċess; jiddikjara li huwa lest li jirrifjuta kwalunkwe pożizzjoni tal-Kunsill li ma tirrispettax il-prerogattivi tal-Parlament jew li ma tikkunsidrax il-pożizzjonijiet tiegħu;

2. Jadotta r-riżoluzzjoni preżenti dwar il-konferma u l-aġġornament tal-mandat ta' negozjar tiegħu kemm rigward in-nefqa kif ukoll l-introjtu tal-QFP li jmiss; jitlob li jingħata bidu għal negozjati mal-Kunsill mingħajr aktar dewmien, fl-interess li jintlaħaq ftehim solidu b'mod f'waqtu, jenfasizza li l-Parlament ilu lest li għal dan sa minn Novembru 2018; jitlob lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' kontinġenza tal-QFP bħala xibka ta' sikurezza li tipproteġi l-benefiċjarji tal-programmi ta' finanzjament tal-UE, li jippermetti l-estensjoni tal-QFP kurrenti, fl-eventwalità li ma jintlaħaqx qbil fil-ħin dwar il-QFP li jmiss;

Konferma tal-pożizzjoni soda tal-Parlament

3. Jikkonferma l-mandat ta' negozjar tiegħu, kif stabbilit fir-rapport interim tal-QFP tal-14 ta' Novembru 2018, dwar iċ-ċifri tal-QFP (għal kull programm, intestatura u f'livell globali), ir-riżorsi proprji tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu u l-prinċipji orizzontali, bħall-allinjament tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-klima u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan il-politiki u l-inizjattivi kollha fil-QFP li jmiss, kif ukoll emendi speċifiċi għar-Regolament tal-QFP u l-Ftehim Interistituzzjonali proposti;

4. Itenni li l-QFP li jmiss għandu jiġi stabbilit fil-livell ta' EUR 1 324,1 biljun skont il-prezzijiet tal-2018, li jirrappreżenta 1,3 % tad-dħul nazzjonali gross (ING) tal-UE-27; jenfasizza li din iċ-ċifra globali hija r-riżultat ta' valutazzjoni minn isfel għal fuq tal-livell ta' finanzjament meħtieġ għal kull programm u politika tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Parlament li jagħti spinta lill-programmi emblematiċi (eż. fl-oqsma taż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent u t-tranżizzjoni klimatika, l-infrastruttura, l-SMEs, id-diġitalizzazzjoni u d-drittijiet soċjali), li jżomm il-finanzjament tal-politiki eżistenti tal-UE f'termini reali (b'mod partikolari l-koeżjoni, l-agrikoltura u s-sajd), u li jsaħħaħ ir-responsabbiltajiet addizzjonali (eż. fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-azzjoni esterna u d-difiża) b'mezzi finanzjarji addizzjonali; jemmen bis-sħiħ li l-valur miżjud Ewropew isir billi jinġabru flimkien ir-riżorsi fil-livell tal-UE bħala kwistjoni ta' effiċjenza, solidarjetà u impatt globali; jenfasizza f'dan il-kuntest, il-bżonn li jissaħħaħ il-fokus fuq ir-riżultati għan-nefqa futura;

5. Jissottolinja li l-Parlament mhuwiex se japprova l-QFP mingħajr ftehim dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, inkluż l-introduzzjoni ta' ġabra ġdida ta' riżorsi proprji li jkunu allinjati aħjar u li jinċentivaw il-progress fil-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE; ifakkar li l-għan li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda mhuwiex biss li tittaffa l-predominanza ta' kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING, iżda wkoll biex jiġi garantit il-livell xieraq ta' finanzjament għan-nefqa tal-UE fil-QFP li jmiss; itenni l-pożizzjoni tiegħu, kif tinsab fir-rapport interim tal-QFP, rigward il-lista ta' kandidati potenzjali għal riżorsi proprji ġodda (bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, tassazzjoni tas-servizzi diġitali, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, introjtu mill-iskema ta' negozjar ta' emissjonijiet, kontribuzzjoni għall-plastik u mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri), it-tneħħija tat-tnaqqis u l-korrezzjonijiet kollha, is-semplifikazzjoni tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT, it-tnaqqis tal-"ispejjeż tal-ġbir" nazzjonali miżmuma fuq id-dazji doganali, u l-inklużjoni fil-baġit tal-UE, ta' dħul ieħor fil-forma ta' multi u tariffi;

6. Jikkonferma il-ħtieġa li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ġdid li jipproteġi l-baġit tal-UE meta l-istat tad-dritt ma jiġix irrispettat jew meta jkun hemm theddida sistemika għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u meta dan jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jissottolinja li dawn il-miżuri ma għandhomx jaffettwaw l-obbligu tal-entitajiet tal-gvern jew tal-Istati Membri li jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji aħħarija jew lir-riċevituri;

Rispons għal inizjattivi ġodda wara l-elezzjonijiet Ewropej

7. Jilqa' favorevolment l-impenji politiċi dwar inizjattivi addizzjonali meħuda mill-President elett tal-Kummissjoni wara l-approvazzjoni tagħha f'Lulju 2019 u jistenna li l-impatt baġitarju tagħhom jiġi ċċarat mingħajr dewmien; jissottolinja l-fatt li kull inizjattiva ġdida, li xi wħud minnhom diġà kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew antiċipati fir-rapport interim tal-Parlament, għandha tiġi kkalkulata qabel il-proposti oriġinali tal-Kummissjoni għall-perjodu li jmiss, u b'hekk jirriżultaw f'limiti massimi ogħla tal-QFP minn dawk inizjalment proposti; jistenna għalhekk li l-Kummissjoni tirrifletti b'mod formali dwar l-impatt baġitarju ta' dawk l-inizjattivi fil-proposta inizjali dwar il-QFP tagħha, u biex, flimkien mal-Parlament tiddefendi l-livell meħtieġ ta' finanzjament fin-negozjati dwar il-QFP li jmiss;

8. Jitlob għal aktar proposti leġiżlattivi biex jiġu stabbiliti strumenti ġodda li għandhom jitressqu immedjatament mill-Kummissjoni l-ġdida, sabiex il-finanzjament tagħhom jiġi inkluż fil-ftehim dwar il-QFP li jmiss; jistenna li kwalunkwe inizjattiva ġdida possibbli li tista' tiġi proposta wara l-adozzjoni tal-QFP 2021-2027 tiġi ffinanzjata permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;

9. Jilqa', fuq in-naħa tad-dħul, l-impenji tal-President elett biex terġa' tvara jew testendi għadd ta' inizjattivi li għandhom ikunu parti mill-ġabra ta' riżorsi proprji ġodda futuri; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunità li jintroduċu mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, li jkun mod ġust biex jirrispondu għad-domandi popolari favur tmexxija deċiżiva fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ internazzjonali;

Pass ulterjuri ieħor lejn it-tranżizzjoni klimatika

10. Itenni mill-ġdid l-appoġġ inkondizzjonat għall-prinċipju tal-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-QFP li jmiss jikkonforma bis-sħiħ mal-Ftehim ta' Pariġi u jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal qabża kbira fi sforzi politiċi u finanzjarji bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, kif ukoll tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali f'termini ta' karbonju bbażata fuq l-ogħla kriterji ta' ġustizzja soċjali sabiex ħadd u l-ebda post ma jitħalla barra; jistenna b'interess proposta konkreta dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif deskritt fil-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni li jmiss; jistenna li l-mezzi baġitarji matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss ikunu proporzjonati ma' din l-ambizzjoni, filwaqt li jenfasizza li QFP imnaqqas ovvjament jirrappreżenta pass lura;

11. Jenfasizza l-fatt li l-azzjoni klimatika komuni fil-livell tal-UE tagħti valur miżjud sostantiv u għalhekk għandha tkun fil-qalba tal-modernizzazzjoni tal-baġit tal-UE u l-programmi ta' nefqa tiegħu; jenfasizza, għalhekk, li l-integrazzjoni klimatika u tal-bijodiversità fil-QFP li jmiss trid tmur lil hinn mil-livelli ta' azzjonijiet ta' nfiq immirati kif stabbilit fir-rapport interim tagħha, iżda wkoll f'termini tal-integrazzjoni tad-dimensjoni klimatika u soċjali fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-programmi ewlenin kollha u matul iċ-ċiklu politiku kollu; barra minn hekk, f'dan il-kuntest, jitlob metodoloġija aktar trasparenti, stretta u komprensiva, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni riformati għad-definizzjoni u t-traċċar tan-nefqa b'rilevanza għall-klima u għall-bijodiversità, il-prevenzjoni ta'ġ appoġġ finanzjarju għal miżuri ta' ħsara u l-monitoraġġ tal-impatt fuq terminu medju u fit-tul tal-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika għall-mitigazzjoni u l-adattament; jistieden lill-Parlament jipparteċipa mill-qrib fil-ħolqien ta' metodoloġija simili;

Varar immedjat tan-negozjati interistituzzjonali

12. Ifakkar li l-Artikolu 312(5) tat-TFUE jistipula li, matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-QFP, it-tliet istituzzjonijiet tal-UE "għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tiegħu"; jissottolinja l-fatt li l-Parlament ilu lest jinnegozja għal kważi sena dwar l-aspetti kollha tal-QFP u l-pakkett tar-riżorsi proprji, filwaqt li l-Kunsill, s'issa, ma aċċettax li jipparteċipa fi kwalunkwe taħditiet sinifikanti li jmorru lil hinn minn laqgħat ta' tgħarrif u ta' informazzjoni qosra u formali fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ); jemmen li tali kuntatti minimalisti ma jistgħux jitqiesu bħala forma ta' kooperazzjoni interistituzzjonali sodisfaċenti u ma jikkonformawx mar-rekwiżiti espliċiti tat-Trattat;

13. Jitlob, għalhekk, l-intensifikar immedjat tat-taħditiet interistituzzjonali dwar il-QFP u r-riżorsi proprji bil-għan li titwitta t-triq għal negozjati ġenwini, u jistieden lill-Kunsill jadotta l-mandat ta' negozjar tiegħu mingħajr dewmien; iqis, fl-interess li jiġi żgurat l-approvazzjoni tal-Parlament, li l-Kunsill diġà għandu jqis kif xieraq il-pożizzjonijiet tal-Parlament meta jiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tiegħu stess; jistenna, għal dan il-għan, li l-presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni jikkomunikaw b'mod ċar u jispjegaw il-fehmiet tal-Parlament lill-KAĠ, u jitlob il-preżenza tat-tim ta' negozjar tal-Parlament fil-laqgħat informali kollha tal-Kunsill li jittrattaw il-QFP; jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew il-laqgħat trilaterali dedikati, sabiex tiġi approfondita d-diskussjoni dwar id-diversi aspetti tal-QFP u l-proposti dwar ir-riżorsi proprji, li għandhom jissupplimentaw l-aġġornamenti eżistenti tal-KAĠ u l-laqgħat ta' tgħarrif u ta' informazzjoni; jistenna, barra minn hekk, li jiġu organizzati laqgħat ta' livell għoli bejn il-Presidenti tal-istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 324 tat-TFUE;

Salvagwardja tal-prerogattivi tal-Parlament

14. Jieħu nota tal-metodoloġija tal-Kunsill għat-tħejjija tal-kaxxi ta' negozjar tal-QFP; huwa konxju mill-fatt, madankollu, li huwa wkoll tentattiv biex jingħata rwol predominanti lill-Kunsill Ewropew fit-teħid ta' deċiżjonijiet irrevokabbli dwar diversi aspetti tal-QFP li jmiss, kif kien il-każ fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-QFP attwali; jenfasizza li l-Parlament mhux se japprova fait accompli mill-Kunsill Ewropew u huwa lest li jiċħad l-approvazzjoni tiegħu sakemm jintlaħaq ftehim sodisfaċenti;

15. Jissottolinja li dawn il-kaxxi ta' negozjar mhux biss jinkludu elementi tar-Regolament QFP, li għalihom il-Parlament jeħtieġ li jagħti l-approvazzjoni tiegħu, iżda wkoll għadd sinifikanti ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati ma' politiki settorjali tal-UE li għandha tittieħed deċiżjoni dwarhom skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; iqis, għalhekk, li tali kaxxi ta' negozjar ma għandhom bl-ebda mod jitqiesu li jirriflettu aktar minn proċedura interna tal-Kunsill li bl-ebda mod ma għandha timpedixxi lill-Parlament milli jwettaq negozjati xierqa fuq l-elementi kollha tal-pakkett tal-QFP u tal-leġiżlazzjoni settorjali; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, biex jiftaħ negozjati mal-Parlament dwar l-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni settorjali li tistabbilixxi l-programmi l-ġodda tal-UE, kif ukoll dwar il-proposta dwar l-istat tad-dritt;

16. Ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew huma ta' natura politika u li l-Artikolu 15(1) tat-TUE jipprojbixxi lill-Kunsill Ewropew milli jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; jistieden għalhekk lill-Kunsill Ewropew biex ma jadottax konklużjonijiet dettaljati u allegatament vinkolanti bbażati fuq il-kaxxa ta' negozjar tal-QFP, peress li dan ikun ifisser interferenza diretta fl-isfera leġiżlattiva; joqgħod fuq il-Kummissjoni, bħala intermedjarju onest u gwardjan tat-Trattati, biex tappoġġja lill-Parlament fl-eżerċitar tal-prerogattivi leġiżlattivi tiegħu kemm taħt il-proċeduri ta' approvazzjoni u wkoll tal-proċeduri leġiżlattivi ordinarji;

Xibka ta' sikurezza li tipproteġi l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE: l-istabbiliment ta' pjan ta' kontinġenza tal-QFP

17. Jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew diġà estenda, għal diversi drabi, il-perjodu ta' żmien biex tintlaħaq deċiżjoni politika; jibża' li, jekk il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew jibdew jiffaċċjaw aktar dewmien mingħajr ma jinvolvu lill-Parlament, hemm riskju ċar li tali negozjati kumplessi ma jkunux jistgħu jiġu ffinalizzati b'suċċess sa tmiem il-QFP kurrenti; ifakkar l-ostakli serji għall-varar ta' programmi tal-UE li rriżultaw mill-adozzjoni tardiva tal-QFP kurrenti, kif sar fil-passat;

18. Ifakkar li, jekk il-QFP l-ġdid ma jiġix adottat fil-ħin, l-Artikolu 312(4) tat-TFUE jipprovdi għal xibka ta' sikurezza fil-forma ta' estensjoni temporanja tal-limiti massimi u ta' dispożizzjonijiet oħra tal-aħħar sena tal-qafas attwali; jinsab imħasseb, madankollu, li tali xibka ta' sikurezza tista' tiddgħajjef mhux biss min-nuqqas ta' tħejjija fil-livell operattiv, iżda wkoll minħabba d-dati ta' skadenza fis-seħħ għal uħud mill-programmi attwali tal-UE; iwissi, f'dan il-kuntest, kontra l-għeluq tal-programmi tal-UE, u jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jiġix sfurzat jaċċetta ftehim ħażin minħabba pressjoni ta' ħin;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex minnufih tibda tħejji pjan ta' kontinġenza tal-QFP bil-għan li tipproteġi l-benefiċjarji u tiżgura l-kontinwità tal-finanzjament fil-każ li jkun meħtieġ li jiġi estiż il-QFP attwali; jitlob li tali pjan jiġi ppreżentat formalment fil-bidu tal-2020, sabiex jiġi adottat malajr mill-Kunsill u l-Parlament; jitlob li dan il-pjan jinkludi proposta leġiżlattiva orizzontali biex il-limiti ta' żmien stabbiliti fil-programmi rilevanti jitneħħew, biex b'hekk tiġi żgurata l-konsistenza mal-Artikolu 312(4) tat-TFUE, u biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet operattivi konkreti, b'mod partikolari għall-kontinwazzjoni tal-politiki taħt ġestjoni kondiviża;

°

° °

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 51.

[2] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 71.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0226.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0449.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Ottubru 2019Avviż legali