Proċedura : 2019/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0123/2019

Testi mressqa :

B9-0123/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 7
CRE 23/10/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0049

<Date>{21/10/2019}21.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0123/2019</NoDocSe>
PDF 169kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha</Titre>

<DocRef>(2019/2886(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Tineke Strik, Petra De Sutter, Katrin Langensiepen, Margrete Auken, Hannah Neumann, Markéta Gregorová, Gina Dowding, Alice Kuhnke, Bronis Ropė, Jutta Paulus, Mounir Satouri, Heidi Hautala, Michael Bloss, Anna Cavazzini, Caroline Roose, Ernest Urtasun, Salima Yenbou, Sergey Lagodinsky, Karima Delli, Viola Von Cramon‑Taubadel, Damien Carême, Gwendoline Delbos‑Corfield, François Alfonsi, Saskia Bricmont, Ciarán Cuffe, Yannick Jadot, Catherine Rowett, David Cormand</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0123/2019

B9‑0123/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha

(2019/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2018[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja, inklużi dawk tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-11 u tal-15 ta' Ottubru 2019 tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sirja,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sirja, inkluża r-riżoluzzjoni 2254 tat-18 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-konflitt fit-tul fis-Sirja sar wieħed mill-agħar kriżijiet umanitarji fl-istorja reċenti u għadu jħalli konsegwenzi devastanti għall-poplu Sirjan; billi dan il-kunflitt, appoġġat u aggravat minn atturi esterni, ħalla impatt ferm destabbilizzanti fuq ir-reġjun tal-madwar u lil hinn;

B. billi fis-6 ta' Ottubru 2019, il-President tal-Istati Uniti Trump informa lill-President Tork Erdogan li huwa ma kienx ser jopponi l-pjanijiet imħabbra minn dan tal-aħħar dwar it-twettiq ta' offensiva militari fl-oqsma kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS) Kurdi fil-Grigal tas-Sirja; billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tirtira t-truppi tagħha f'din iż-żona tħabbret ftit wara; billi fid-9 ta' Ottubru 2019 it-Turkija nediet operazzjoni militari bl-appoġġ tal-milizzji Għarab Sirjani; billi l-awtoritajiet Torok b'mod persistenti ikkunsidraw bi tħassib kull pretensjoni ta' awtodeterminazzjoni tal-poplu Kurd kemm fil-fruntiera Torka kif ukoll lil hinn minnha; billi dan ġie tradott f'repressjoni kontinwa fuq id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' parteċipazzjoni politika fix-Xlokk tat-Turkija, u bl-użu frekwenti ta' akkużi ta' terroriżmu mingħajr ebda evidenza konvinċenti; billi l-FDS kellhom rwol vitali fil-ġlieda kontra d-Da'esh/ISIS, u għad għandhom rwol importanti fl-iżgurar tas-sigurtà fiż-żona;

C. billi għexieren ta' persuni ċivili, il-biċċa l-kbira Kurdi, inqatlu mill-bidu tal-invażjoni Torka u mill-inqas 300 000 persuna kellhom jaħarbu minn djarhom; billi 70 000 tifel u tifla ġew spostati sa mill-bidu tal-operazzjoni militari, u mill-inqas inqatlu erbat itfal filwaqt li disa' oħra sfaw midruba fil-Grigal tas-Sirja, u ġie rrappurtat mill-UNICEF li sebat itfal inqatlu fit-Turkija; billi 170 000 tifel u tifla potenzjalment jistgħu jeħtieġu assistenza umanitarja b'riżultat tal-attakki;

D. billi l-President tat-Turkija ħabbar pjan biex tinħoloq "żona ta' lqugħ" tul it-Tramuntana tas-Sirja, filwaqt li indika l-intenzjoni tiegħu li jiddeporta sa 3 miljun refuġjat Sirjan li bħalissa qed jgħixu fit-Turkija lejn iż-"żona ta' lqugħ", u dan ikun jammonta għal refoulement minħabba s-sitwazzjoni instabbli u perikoluża fil-Grigal tas-Sirja; billi l-ispostament furzat tal-popolazzjoni jikkostitwixxi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u jikkostitwixxi reat kontra l-umanità; billi l-ispostament furzat ta' refuġjati lejn iż-żona ta' lqugħ ikollu wkoll l-għan li jibdel l-istruttura demografika fil-Grigal tas-Sirja;

E. billi l-forzi mmexxija mill-Kurdi fis-Sirja laħqu ftehim mar-reġim ta' Bachar Al-Assad li impenja ruħu li jiddefendihom mill-intervent militari tat-Turkija; billi d-dettalji tal-ftehim jibqgħu mhux ċari; billi l-preżenza tal-forzi ta' Al-Assad fit-Tramuntana tas-Sirja żżid ir-riskju ta' aktar eskalazzjoni reġjonali u kunflitt militari;

F. billi fis-17 ta' Ottubru 2019 l-Istati Uniti u t-Turkija allegatament qablu dwar waqfien mill-ġlied ta' ħamest ijiem li matulu l-forzi Kurdi huma mistennija jirtiraw miż-żona; billi l-mod li bih jiġi implimentat il-waqfien mill-ġlied jibqa' mhux ċar; billi hija prevista laqgħa bejn il-Presidenti Erdogan u Putin fit-22 ta' Ottubru;

G. billi sa mill-bidu tal-intervent militari l-awtoritajiet Torok għamlu kampanja ta' repressjoni ħarxa kontra kull min jikkritika l-operazzjoni militari bl-użu ta' liġijiet ħorox kontra t-terroriżmu fit-Turkija; billi l-awtoritajiet Torok nedew investigazzjonijiet f'aktar minn 500 kont tal-midja soċjali, b'akkużi li qed ixerrdu "propaganda terroristika"; billi skont il-Ministru tal-Intern tat-Turkija, 121 persuna diġà ġew detenuti għal posts tagħhom fuq il-midja soċjali fejn ikkritikaw l-operazzjoni militari; billi sa mill-bidu tal-operazzjoni ġew arrestati aktar minn 150 membru tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP);

H. billi, skont in-NU, hemm rapporti kredibbli ta' eżekuzzjonijiet sommarji, inkluż ta' Hevrin Khalaf, politikant Kurd, minn Ahrar al-Sharqiya, grupp armat assoċjat Tork; billi l-eżekuzzjonijiet sommarji huma ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra li għalihom it-Turkija tista' wkoll tinżamm responsabbli;

I. billi ġew irrappurtati attakki fuq faċilitajiet mediċi u fuq infrastruttura ċivili, inklużi linji tal-elettriku u provvisti tal-ilma, minn forzi Torok u gruppi armati affiljati; billi l-awtoritajiet Kurdi fil-Provinċi ta' al-Hassakeh u Ar-Raqqa kellhom jirrilokaw tagħmir tal-isptar li ma baqax jiffunzjona minħabba l-bumbardament intensifikat li kien għaddej;

J. billi skont l-FDS, 10 000 ġellied tad-Da'esh/ISIS attwalment qegħdin jinżammu f'kampijiet kontrollati mill-Kurdi fil-Grigal tas-Sirja; billi, skont il-UNHRC, f'Lulju 2019 12 300 ċittadin barrani b'rabta mad-Da'esh/ISIS ġew detenuti fi tliet kampijiet fil-Grigal tas-Sirja, inklużi aktar minn 8 000 tifel u tifla li għandhom aktar minn 40 nazzjonalità differenti; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà attwali toħloq ir-riskju li jitfaċċa mill-ġdid id-Da'esh/ISIS fir-reġjun; billi l-maġġoranza l-kbira tal-eluf ta' tfal mill-UE jew minn pajjiżi terzi b'rabtiet attwali jew perċepiti mad-Da'esh/ISIS spiċċaw fi tliet kampijiet differenti fil-Grigal tas-Sirja, jiġifieri l-Kamp Hol, il-Kamp al-Roj u l-Kamp Ain Issa; billi l-Kamp Ain Issa waqa' taħt il-kontroll tal-forzi tal-invażjoni Torka u għadu mhux ċar id-destin tan-nisa u tat-tfal li qabel kienu detenuti f'dan il-kamp;

K. billi madwar 500 000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi 13.1 miljun persuna għandhom bżonn urġenti ta' assistenza umanitarja, fosthom aktar minn 6 miljun persuna spostata u aktar minn 2.9 miljun persuna f'żoni assedjati u inaċċessibbli, inklużi rifuġjati Palestinjani; billi aktar minn 5 miljun Sirjan kellhom isibu kenn barra minn pajjiżhom, prinċipalment fil-pajjiżi ġirien bħal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija;

L. billi l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, b'aktar minn EUR 9 biljun impenjati sa mill-bidu tal-kriżi;

M. billi fit-3 ta' April 2017 il-Kunsill adotta strateġija tal-UE għas-Sirja, li tiddelinja sitt objettivi ewlenin: it-tmiem tal-gwerra permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina; il-promozzjoni ta' tranżizzjoni sinifikanti u inklużiva; l-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli; il-promozzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta' espressjoni billi jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Sirjana; il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra; u l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-offensiva militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u l-irtirar rapidu tat-truppi tagħha;

2. Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt, b'mod partikolari t-Turkija, jirrispettaw b'mod sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u jipproteġu lill-persuni ċivili, inkluż billi jirrispettaw il-projbizzjoni ta' attakki diretti fuq ċivili u oġġetti ċivili, inklużi skejjel, u ta' attakki indiskriminati u sproporzjonati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jagħtu lill-persuni ċivili passaġġ sikur u jipprovdu aċċess bla xkiel għal assistenza umanitarja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex f'kull ħin jipproteġu lit-tfal;

3. Jirrifjuta bil-qawwa l-pjanijiet tat-Turkija li tistabbilixxi l-hekk imsejħa żona sikura tul il-fruntiera fil-Grigal tas-Sirja; jenfasizza li kwalunkwe trasferiment furzat ta' refuġjati Sirjani jew persuni spostati internament (IDPs) lejn din iż-żona, u kwalunkwe att intiż bħala tindif etniku, jikkostitwixxi ksur serju tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju, u dan jista' jkun ekwivalenti għal delitt kontra l-umanità jew ġenoċidju; ifakkar li kwalunkwe ritorn ta' refuġjati għandu jkun sikur, volontarju u dinjituż u li ċ-ċirkostanzi attwali ikunu tali li b'mod kategoriku jipprevjenu movimenti bħal dawn; jinsisti li ma tingħata l-ebda assistenza għall-istabbilizzazzjoni jew għall-iżvilupp mill-UE lil żoni bħal dawn;

4. Jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu Kurd u jfaħħar il-kontribut kritiku tal-FDS biex titrażżan il-pjaga tad-Da'esh/ISIS; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jużaw l-influwenza diplomatika kollha tagħhom biex jiżguraw li l-interessi u l-pretensjonijiet storiċi ta' awtodeterminazzjoni tal-Kurdi, kif ukoll tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li jgħixu fir-reġjun, jiġu rikonoxxuti u żgurati fi kwalunkwe arranġament politiku futur għas-Sirja tal-futur; jistieden lill-UE żżid l-għajnuna umanitarja tagħha lill-popolazzjonijiet milquta mill-ostilitajiet militari l-aktar reċenti fil-Grigal tas-Sirja;

5. Jiddeplora l-impotenza persistenti tal-UE fil-konfront ta' kriżijiet internazzjonali, inkluż fil-viċinat immedjat tagħha, li għandhom konsegwenzi diretti għas-sigurtà interna u l-istabbiltà tal-UE; jistenna li l-VP / RGħ li jmiss jaħtaf l-opportunità pprovduta mill-irtirar erratiku tal-Istati Uniti sabiex jgħaddi minn rwol ta' osservatur passiv fil-kunflitt Sirjan għal dak ta' attur diplomatiku proattiv li jinvolvi l-atturi reġjonali u lokali kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu ggwidati mill-interess komuni tagħhom li jfittxu involviment kredibbli, koordinat u effettiv tal-UE; jitlob li l-UE tniedi sensiela ta' miżuri ta' medjazzjoni u djalogu, b'mod partikolari fir-rigward ta' tensjonijiet interkomunitarji;

6. Jenfasizza li l-intervent unilaterali Tork jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, li ma għandux jibqa' mingħajr punizzjoni; sakemm tasal l-azzjoni korrettiva tat-Turkija, jitlob reviżjoni profonda tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija; jemmen li taħt iċ-ċirkostanzi attwali ma tista' ssir l-ebda ħidma preparatorja jew passi ‘l quddiem biex tiġi modernizzata l-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà li jissospendu l-ftehim tal-Unjoni Doganali tal-1995 bejn l-UE u t-Turkija; jitlob ukoll reviżjoni tal-programmi tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej (Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, Bank Ewropew tal-Investiment) fil-pajjiż, u jqis li huwa meħtieġ li ssir riflessjoni dwar l-adegwatezza tal-parteċipazzjoni kontinwa tat-Turkija f'ċerti organizzazzjonijiet reġjonali;

7. Jitlob li l-UE tadotta miżuri mmirati, inklużi l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni ta' viżi, kontra l-uffiċjali Torok responsabbli għall-invażjoni militari u l-ksur sussegwenti tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-insistenza tiegħu dwar l-adozzjoni rapida ta' reġim ta' sanzjonijiet immirat fil-livell tal-UE għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8. Jilqa' l-intenzjoni ddikjarata ta' diversi Stati Membri li jieqfu joħorġu liċenzji għat-trasferiment tal-armi lejn it-Turkija, iżda jħeġġiġhom jiżguraw li s-sospensjoni tapplika wkoll għal trasferimenti li diġà ġew liċenzjati, b'mod partikolari minn Franza, mill-Ġermanja, mir-Renju Unit u mill-Finlandja; jemmen li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 huma inadegwati fir-rigward tal-politika tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw minnufih embargo sħiħ u jissospendu t-trasferimenti kollha tal-armi, kif ukoll kwalunkwe tip ta' assistenza tas-sigurtà u tas-servizzi militari, lejn it-Turkija u lejn partijiet oħra fil-kunflitt fis-Sirja;

9. Huwa xxukjat bir-reazzjoni dgħajfa tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO fir-rigward tal-intervent unilaterali tat-Turkija; jemmen li l-membri tan-NATO għandhom jadottaw pożizzjoni b'saħħitha u jikkunsidraw li jissospendu d-drittijiet tal-vot tat-Turkija fl-organizzazzjoni;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-każijiet kollha ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aktar delitti tal-gwerra reċenti mwettqa matul l-invażjoni Torka; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-proċess ta' dokumentazzjoni ta' dan il-ksur u jinsistu li dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali, u li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka; jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jinvestigaw aktar din il-kwistjoni u biex jikkunsidraw li jirreferu s-sitwazzjoni lill-QKI;

11. Jistieden lit-Turkija tiżgura l-obbligu ta' rendikont għall-każijiet ta' ksur imwettqa mill-milizzji li jiffunzjonaw f'isimha; ifakkar lill-awtoritajiet Torok li se jinżammu responsabbli għal kull ksur kommess mill-forzi jew milizzji li jiffunzjonaw f'isimhom, inkluż għall-qtil ta' Hevrin Khalaf u ta' każijiet ta' qtil sommarji oħra;

12. Jesprimi l-aktar tħassib serju fir-rigward tar-riskju akbar tat-tixrid ta' ġellieda tad-Da'esh/ISIS u l-bidu mill-ġdid tat-theddida ġiħadista bħala konsegwenza tal-inkursjoni Torka; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirripatrijaw iċ-ċittadini kollha tagħhom li bħalissa qed jiġu detenuti fuq suspett li huma ġellieda ta' Da'esh/ISIS, kif ukoll il-membri tal-familja u t-tfal tagħhom, u biex jipprovdu r-riabilitazzjoni, l-integrazzjoni mill-ġdid, u, jekk xieraq, jipproċedu bil-prosekuzzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali;

13. Jistieden lill-Istati Membri jżommu kuntatt mal-awtoritajiet inkarigati minn dawn il-kampijiet u jfasslu politiki kkoordinati biex jidentifikaw b'mod attiv tfal ta' oriġini mill-UE ta' ġellieda tad-Da'esh/ISIS jew minn gruppi oħra allegatament terroristiċi, li jinsabu fil-Grigal tas-Sirja, u sabiex jirripatrijawhom minħabba l-vjolenza li qed tiżdied; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni meħuda s'issa mill-Istati Membri tal-UE u n-nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżvolġu rwol proattiv f'dan il-proċess;

14. Iħeġġeġ lill-atturi kollha involuti jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għall-għajnuna umanitarja, għas-servizzi u għall-assistenza fi ħdan il-kampijiet, inkluż il-Kamp Hol; jistieden, għalhekk, lill-partijiet kollha u lill-Gvern tas-Sirja jagħtu lill-atturi umanitarji aċċess immedjat għall-kampijiet biex jiżguraw it-twassil ta' prodotti essenzjali, ta' ikel, ilma nadif u mediċini;

15. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni li għaddejja mill-awtoritajiet Torok fil-pajjiż fir-rigward ta' kull min jikkritika jew iqajjem dubji dwar l-operazzjoni militari, inkluż l-arrest ta' aktar minn 150 membru tal-HDP u l-investigazzjonijiet f'aktar minn 500 kont tal-midja soċjali akkużati li xerrdu "propaganda terroristika"; jikkundanna wkoll it-trażżin tal-libertà tal-midja u l-fastidju li l-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar l-operazzjoni militari qed jiġu soġġetti għalihom; iħeġġeġ lit-Turkija tneħħi l-akkużi kollha kontra dawk miżmuma biss minħabba li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni; jistenna li l-UE tissorvelja u tikkundanna pubblikament ir-repressjoni li għaddejja fit-Turkija dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' kritika tal-operazzjoni militari;

16. Jitlob li l-inizjattivi diplomatiċi mmexxija mir-Russja ma jippreġudikawx l-isforzi tan-NU biex tinstab soluzzjoni politika; itenni, f'dan il-kuntest, il-primat kontinwu tal-proċess ta' Ġinevra taħt it-tmexxija tan-NU u jsostni l-isforzi li saru minn Geir Pedersen, il-Mibgħut Speċjali tan-NU, biex tkun garantita tranżizzjoni politika ġenwina konformi mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu rwol aktar b'saħħtu għan-NU fil-proċess li jwassal għall-kisba tal-paċi u l-istabbiltà fis-Sirja; itenni l-importanza li jkunu inklużi n-nisa minħabba li huma parti fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt, konformement mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinsisti wkoll fuq l-importanza li jkunu inklużi s-soċjetà ċivili Sirjana u l-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha fid-djalogi dwar il-futur u l-istruttura ta' governanza tas-Sirja;

17. Jilqa' t-twaqqif reċenti ta' kumitat kostituzzjonali permezz tal-medjazzjoni tan-NU u ta' atturi oħra; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jkomplu jimpenjaw ruħhom bis-serjetà biex jersqu lejn soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan; ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari sostenibbli għall-kunflitt u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jeżiġu l-waqfien minnufih tal-ostilitajiet, it-tmiem tal-assedji kollha, l-aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr restrizzjonijiet fil-pajjiż kollu u l-protezzjoni tal-operaturi umanitarji min-naħa tal-partijiet kollha;

18. Jibqa' mwaħħax bl-għajbien ta' Razan Zaitouneh, difensura tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, li, skont rapporti, inħatfet f'Douma f'Diċembru 2013 mill-grupp armat Jaysh al-Islam u li għadu ħadd ma għandu aħbar tagħha; jitlob il-ħolqien ta' task force tal-UE inkarigata li tikkoordina u tintensifika l-isforzi biex jinstab il-post fejn hi miżmuma u tiżgura r-rilaxx tagħha;

19. Jilqa' l-impenn tal-UE għal għajnuna umanitarja li għaddejja bħalissa lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b'mod partikolari t-Turkija, li qed tkompli tospita miljuni ta' refuġjati; jistieden, madankollu, lill-Istati Membri juru impenn aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, sabiex ir-refuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jkunu jistgħu jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat immedjat, billi jsaħħu l-iskema ta' risistemazzjoni tal-UE, jistabbilixxu skemi ta' ammissjoni umanitarja, u billi jintroduċu riunifikazzjoni tal-familja simplifikata u regolamenti dwar il-viża aktar flessibbli; jinsisti li l-finanzjament ipprovdut fil-qafas tad-dikjarazzjoni UE-Turkija għandu jkun ristrett biex iservi l-interessi u l-ħtiġijiet tar-refuġjati;

20. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha juru rispett assolut għall-prinċipju ta' non-refoulement, biex iżommu lura milli jirritornaw ir-refuġjati Sirjani lejn it-Turkija, dment li jkun għad hemm riskju ta' deportazzjoni lejn il-Grigal tas-Sirja u biex pubblikament jieħdu pożizzjoni kontra r-ritorn furzat li għaddej ta' Sirjani li bħalissa jinsabu fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja;

21. Jiddeplora bil-qawwa l-impunità li għadhom qed igawdu dawk li wettqu reati serji matul il-konflitt fis-Sirja, b'mod partikolari r-reġim ta' Assad; iqis li n-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont jipprovdi bażi għal aktar atroċitajiet u jżid it-tbatija tal-vittmi; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-awturi kollha jinżammu responsabbli, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' ġurisdizzjoni universali, u li jingħata kumpens lill-vittmi; ifakkar, barra minn hekk, lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom skont id-dritt internazzjonali sabiex jiżguraw l-arrest u d-detenzjoni ta' dawk, preżenti fit-territorju tagħhom, suspettati li wettqu delitti b'atroċitajiet;

22. Ifakkar li kwalunkwe miżura meħuda biex jiġu miġġielda Da'esh u gruppi terroristiċi oħra rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU trid tirrispetta b'mod rigoruż id-dritt internazzjonali; ifakkar lill-Istati Membri u lill-alleati tagħhom jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u dak tad-drittijiet tal-bniedem fil-parteċipazzjoni tagħhom fl-isforzi ta' koalizzjoni internazzjonali u rigward il-kooperazzjoni militari tagħhom mal-partijiet involuti fil-kunflitt;

23. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU / tal-Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

[1] ĠU C 162, 10.5.2019, p. 119.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019Avviż legali