Proċedura : 2019/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0125/2019

Testi mressqa :

B9-0125/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 7
CRE 23/10/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0049

<Date>{21/10/2019}21.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0125/2019</NoDocSe>
PDF 170kWORD 50k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha</Titre>

<DocRef>(2019/2886(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Malik Azmani, Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Phil Bennion, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Anna Júlia Donáth, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Barbara Ann Gibson, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Martin Hojsík, Karin Karlsbro, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Susana Solís Pérez, Marie-Pierre Vedrenne</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0123/2019

B9-0125/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha

(2019/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni li għamlet fid-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja u l-kummenti li tat waqt il-konferenza stampa wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2019 dwar it-Turkija,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-diskors tal-VP/RGħ Federica Mogherini waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fid-9 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-11 u l-15 ta' Ottubru 2019 tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Marzu 2017 dwar elementi għal strateġija tal-UE għas-Sirja (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar strateġija tal-UE għas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja u t-Turkija huma firmatarji tagħhom,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015 u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti kostituttivi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll il-preċedent li nħoloq bit-twaqqif ta' tribunali internazzjonali bħat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

 wara li kkunsidra l-memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni għat-tnaqqis tat-tensjonijiet fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, ir-Russja u t-Turkija fis-6 ta' Mejju 2017,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara d-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jirtira t-truppi Amerikani mill-Grigal tas-Sirja, fid-9 ta' Ottubru 2019 it-Turkija varat operazzjoni militari f'żoni kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF); billi dan wassal għal għadd kbir ta' vittmi ċivili u militari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u, skont sorsi tan-NU, ikkawża l-ispostament ta' mill-inqas 300 000 ċittadin, inklużi 70 000 tifel u tifla; billi l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali ġew imġiegħla jissospendu l-operazzjonijiet u jevakwaw lill-membri tal-persunal internazzjonali tagħhom minħabba biża' relatat mas-sigurtà; billi l-ġurnalisti ġew imġiegħla jitilqu mir-reġjun minħabba tħassib serju għas-sigurtà tagħhom, fatt li qed jimpedixxi rappurtaġġ ġust u preċiż tal-kunflitt;

B. billi, fit-18 ta' Ottubru 2019, l-Istati Uniti u t-Turkija ħabbru waqfien mill-ġlied immedjat ta' ħamest ijiem fir-reġjun tal-fruntiera mas-Sirja; billi dan il-ftehim huwa wieħed temporanju għax it-Turkija ma qablitx li tirtira t-truppi tagħha mit-Tramuntana tas-Sirja;

C. billi l-waqfien mill-ġlied jirrigwarda t-territorju bejn Ras al-Ain u Tal Abyad – territorju fil-fruntiera Torka li jestendi għal kważi 120 km – filwaqt li d-destin tar-reġjuni l-oħra taħt il-kontroll tal-Kurdi għadu ma ġiex diskuss;

D. billi, fis-17 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja, li fihom ikkundanna l-azzjoni militari unilaterali tat-Turkija fil-Grigal tas-Sirja li kkawżat tbatija inaċċettabbli għaċ-ċittadini, imminat il-ġlieda kontra d-Da'esh u poġġiet is-sigurtà tal-Ewropa taħt theddida serja;

E. billi din l-operazzjoni militari unilaterali Torka m'għandha l-ebda bażi legali, qed tiggrava kunflitt li ilu għaddej fis-Sirja għal tmien snin, qed tikkawża aktar tbatija mil-lat umanitarju u se jkollha impatt negattiv fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u fuq l-isforzi biex tinstab soluzzjoni negozjata; billi l-kunflitt ċivili fis-Sirja qed ikompli għaddej minkejja bosta sforzi fil-livell internazzjonali biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u tkompli l-ħidma biex tinstab soluzzjoni negozjata;

F. billi kien hemm rapporti speċifiċi ta' qtil, intimidazzjoni, maltrattament, ħtif ta' persuni, sakkeġġ u sekwestru ta' djar min-naħa tal-membri ta' gruppi armati appoġġjati mit-Torok, li allegatament qed ikeċċu bil-forza minn djarhom lil persuni ċivili akkużati b'affiljazzjoni ma' gruppi Kurdi speċifiċi jew jaħtfuhom f'punti ta' kontroll; billi hemm rapporti li ntużaw armi mhux konvenzjonali fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili, inklużi t-tfal; billi skont in-NU hemm rapporti ta' eżekuzzjonijiet sommarji mwettqa mill-ġellieda li jagħmlu parti mill-grupp armat Ahrar al-Sharqiya, li huwa alleat mat-Turkija; billi ġie rrappurtat li Hevrin Khalaf, politika Kurda magħrufa sew, sfat ittorturata u maqtula mill-ġellieda ta' al-Sharqiya;

G. billi hemm rapporti ta' attakki mill-ajru u mill-art min-naħa tal-armata Torka u l-gruppi armati alleati li fihom intlaqtu faċilitajiet mediċi u infrastruttura ċivili bħal stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma, digi, impjanti tal-enerġija u depożiti taż-żejt; billi eluf ta' persuni qegħdin f'riskju li jiġu mċaħħda minn aċċess adegwat għal ilma nadif;

H. billi wara l-irtirar tat-truppi Amerikani, fl-14 ta' Ottubru 2019 it-truppi ta' Bashar al-Assad daħlu f'għadd ta' bliet fir-reġjun ta' Rojava għall-ewwel darba f'seba' snin wara li l-forzi Kurdi qablu ma' ftehim negozjat mir-Russja bil-ħsieb li jiġi pospost attakk min-naħa tat-Turkija; billi d-dettalji preċiżi tal-ftehim bejn Damasku u l-Kurdi għadhom mhumiex ċari; billi skont rapporti mill-Ministeru tad-Difiża Russu – li għadhom ma ġewx ivverifikati – it-truppi Russi qed jgħassu l-linji ta' quddiem bejn il-pożizzjonijiet tal-armata Torka u dik Sirjana biex iżommuhom 'il bogħod minn xulxin;

I. billi l-atroċitajiet imwettqa matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u l-alleati tiegħu, kif ukoll mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi terroristiċi oħra, jinkludu attakki b'armi kimiċi, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti arbitrarji u fuq skala kbira, kastigi kollettivi, attakki kontra l-persunal mediku u ċ-ċaħda ta' ikel, ilma u għajnuna medika; billi dawn ir-reati jammontaw għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u s'issa għadha ma saritx ġustizzja;

J. billi l-offensiva mmexxija mit-Turkija u l-konsegwenzi tagħha qed ixejnu l-isforzi magħmula mill-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIS, li fiha l-forzi tal-SDF għad għandhom rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-ġellieda tal-ISIS li għadhom attivi, u dan minkejja l-fatt li t-Turkija hija alleata tal-Istati Membri tan-NATO; billi l-ġellieda tal-ISIS miżmuma f'kampijiet Kurdi diġà rnexxielhom jaħarbu sabiex jirritornaw għall-ġlied u jxerrdu l-biża', sitwazzjoni li għandha tiġi evitata bħala prijorità ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE;

K. billi l-maġġoranza vasta tal-eluf ta' tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku bħalissa jinsabu fi tliet kampijiet differenti fil-Grigal tas-Sirja – Al Hol, Roj u Ein Issa – li huma affettwati serjament mill-offensiva Torka;

L. billi l-ispostament furzat tal-persuni, inkluż għal finijiet ta' tibdil demografiku, jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali u jista' jwassal għal bidliet demografiċi u etniċi; billi l-ħolqien ta' ostakli għal għajnuna umanitarja, kura medika u evakwazzjonijiet sikuri, sostnuti u bla xkiel jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU); billi l-KSNU naqas milli jasal għal ftehim minkejja l-għaqda li wriet l-UE; billi, f'dawn l-aħħar snin, ir-Russja użat il-veto tagħha f'14-il riżoluzzjoni tal-KSNU u kellha rwol attiv fil-limitazzjoni tal-kontenut tar-riżoluzzjonijiet;

M. billi l-ftehim tas-17 ta' Ottubru 2019 bejn l-Istati Uniti u t-Turkija dwar waqfien temporanju mill-ġlied ma jqisx is-sitwazzjoni reali fil-post; billi tensjonijiet u theddidiet ġodda jistgħu jwasslu għall-erożjoni tas-sikurezza tal-popolazzjonijiet ċivili wara l-waqfien mill-ġlied ta' 120 siegħa;

N. billi l-komunità internazzjonali u l-Istati individwali għandhom ir-responsabbiltà jaraw li dawk responsabbli mill-ksur tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq tul il-kunflitt Sirjan jagħtu kont ta' għemilhom, anke bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u l-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dan jista' jsir fi qrati u tribunali nazzjonali u internazzjonali eżistenti jew fi tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jitwaqqfu;

O. billi l-UE għadha impenjata favur is-suċċess tan-negozjati magħmula taħt l-awspiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, magħrufa bħala l-proċess ta' Ġinevra; billi fit-23 ta' Settembru 2019, fil-marġni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, is-Segretarju Ġenerali tan-NU ħabbar ftehim dwar il-formazzjoni ta' kumitat kostituzzjonali, li issa jaf ma jkunx jista' jiltaqa' minħabba l-azzjoni militari unilaterali tat-Turkija;

P. billi s-sitwazzjoni fis-Sirja u n-nuqqas ta' tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva għadhom qed jimpedixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-UE għas-Sirja u, b'mod partikolari, l-assistenza sostanzjali li l-UE tista' tagħti għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż; billi r-rikostruzzjoni tas-Sirja għandha tkun ibbażata fuq approċċ "minn isfel għal fuq" u fuq is-suċċess fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-aġenti lokali, u allura bl-esklużjoni ta' gruppi terroristiċi magħrufa; billi, fit-18 ta' April 2019, l-UE organizzat it-tielet konferenza ta' Brussell dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun; billi d-donaturi kollha għandhom iżommu l-wegħdiet tagħhom;

Q. billi l-isforzi tal-UE fl-għoti ta' appoġġ umanitarju u fl-ippjanar għall-ġejjieni tas-Sirja huma ta' min ifaħħarhom; billi l-UE qatt m'għandha tagħti assistenza inkundizzjonata għar-rikostruzzjoni ta' Sirja mmexxija u kkontrollata minn Assad u mill-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran; billi Assad, it-Turkija, ir-Russja u l-Iran ma jistgħux jitħallew jaħslu jdejhom mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-interventi militari tagħhom; billi kwalunkwe impenn għar-rikostruzzjoni jrid jiffavorixxi l-paċi u l-obbligu li jingħata rendikont;

R. billi l-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, daħħal sensiela ta' miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi responsabbli mir-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll individwi u entitajiet assoċjati magħhom; billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq ministeri u uffiċjali għolja tal-gvern Tork b'reazzjoni għall-offensiva militari tal-pajjiż fit-Tramuntana tas-Sirja; billi xi Stati Membri imponew embargo fuq l-armi fil-konfront tat-Turkija;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari unilaterali Tork fil-Grigal tas-Sirja u jistieden lit-Turkija twaqqaf l-intervent militari tagħha immedjatament u b'mod permanenti; jenfasizza li l-ftuħ ta' fronti ġodda fis-Sirja mhuwiex fl-interess tas-sigurtà tat-Turkija u jwissi kontra kwalunkwe deterjorament ulterjuri tal-kriżi umanitarja Sirjana; jesiġi r-rispett sħiħ tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż il-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili;

2. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur li ġie rrappurtat li twettaq matul dan il-kunflitt fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, mhux biss dak li allegatament qed isir minn forzi appoġġjati mit-Turkija, iżda anke dak li qed jitwettaq mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tal-alleati tiegħu – ir-Russja u l-Iran – u minn organizzazzjonijiet terroristiċi fil-lista s-sewda tan-NU;

3. Jistieden lill-VP/RGħ tieħu l-pożizzjoni tal-UE għand l-awtoritajiet Torok u tqiegħed il-pedament għal tweġiba b'saħħitha u komprensiva min-naħa tal-UE għal din il-kriżi; iħeġġiġha tibda djalogu mal-awtoritajiet Torok bil-għan li jkun previst tnaqqis rapidu fit-tensjonijiet u tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, fosthom l-użu ta' paraxuts għall-għoti tal-għajnuna, kurituri ta' assistenza umanitarja u no-fly zones fuq riżoluzzjoni tal-KSNU;

4. Itenni l-gravità tal-konsegwenzi li ġġib magħha kwalunkwe eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun, kemm għar-reġjun innifsu kif ukoll għall-UE, fosthom aktar riskji għas-sigurtà, kriżijiet umanitarji u flussi migratorji; jistieden lill-Kummissjoni tħejji lill-UE fl-aspetti kollha tagħha biex tirreaġixxi bl-aħjar mod għal kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tinqala' u tinforma lill-Parlament Ewropew bi kwalunkwe konsegwenza ta' eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun;

5. Jilqa' d-deċiżjoni ta' diversi Stati Membri li jwaqqfu l-għoti ta' liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi lejn it-Turkija; itenni, b'mod partikolari, il-bżonn li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK[2] dwar l-esportazzjoni tal-armi, fosthom il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva mmirata biex timponi embargo komprensiv fuq l-armi mill-UE kollha fuq it-Turkija, fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

6. Jiddispjaċih li l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019 ma rnexxilux jilħaq ftehim dwar embargo fuq l-armi mill-UE kollha fuq it-Turkija fuq inizjattiva tal-Ġermanja u Franza;

7. Ifakkar li dawk inkarigati mill-operazzjoni militari attwali huma responsabbli quddiem id-dritt internazzjonali mid-delitti faħxija li qed iwettqu fis-Sirja, u li l-awturi ta' dawn id-delitti – sew Stati u sew individwi – se jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom; ifakkar fl-obbligu ta' konformità stretta mad-dritt internazzjonali; jitlob l-adozzjoni ta' strateġija ta' responsabbiltà min-naħa tal-UE għar-reati mwettqa fis-Sirja;

8. Jistieden lill-Kunsill jimponi sensiela ta' sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet ta' viżi fil-konfront tal-uffiċjali Torok responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem matul l-intervent militari attwali flimkien ma' proposta simili għall-uffiċjali Torok responsabbli mir-repressjoni interna fuq id-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK[3] dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, partikolarment l-iffriżar tal-assi tal-individwi msemmijin fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh;

9. Jirrimarka li l-Parlament kien proattiv fit-tnaqqis tal-finanzjament tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II f'dawn l-aħħar snin meta kien hemm tħassib dwar nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jikkonkludi li l-passi li ttieħdu dan l-aħħar mill-awtoritajiet Torok imorru kontra l-valuri Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tiffriża l-fondi kollha tal-IPA lit-Turkija u torbothom mal-imġiba tat-Turkija fil-futur, u b'hekk tara li l-ebda fondi tal-UE ma jintużaw għall-finanzjament tal-operazzjoni militari li għaddejja jew għall-faċilitazzjoni tar-ritorn furzat tar-rifuġjati Sirjani fl-hekk imsejħa "żona sikura";

10. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar rapporti li, f'nofs l-offensiva Torka, mijiet ta' priġunieri tal-ISIS – fosthom ħafna ġellieda barranin – qed jaħarbu minn kampijiet fit-Tramuntana tas-Sirja u b'hekk qed jiżdied ir-riskju li l-ISIS jerġa' jqum fuq saqajh; iħeġġeġ lill-VP/RGħ titlob kjarifika u verifika min-naħa tal-awtoritajiet Torok dwar l-assigurazzjoni li għamel il-President Tork fl-ittra tiegħu lill-Wall Street Journal fl-14 ta' Ottubru 2019 – jiġifieri li l-ebda ġellied tal-ISIS ma joħroġ mill-Grigal tas-Sirja – u titlob informazzjoni dwar il-politika tat-Turkija dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-aġenziji tal-intelligence u s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali joqogħdu aktar attenti għall-possibbiltà li l-ġellieda barranin u l-familji tagħhom jirritornaw lura;

11. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni drammatika u d-destin tat-tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku fit-Tramuntana tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri jaraw li l-qagħda u l-ħtiġijiet ta' dawn it-tfal jingħataw attenzjoni speċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet bażiċi tagħhom jiġu rispettati; jistieden lill-Istati Membri jżommu l-aħjar interess tat-tfal bħala l-kunsiderazzjoni primarja f'kull deċiżjoni relatata mat-tfal;

12. Jiddeplora profondament il-falliment tad-diversi tentattivi reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali ġdida u intensiva biex tinstab soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt abbażi tar-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012;

13. Jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jitolbu lill-KSNU jadotta riżoluzzjoni li tippermetti lill-Kunsill jaġixxi b'mod immirat, biex fl-aħħar mill-aħħar tinħoloq żona ta' sigurtà mmexxija min-NU fit-Tramuntana tas-Sirja għall-benefiċċju tal-persuni li jgħixu hemm;

14. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li t-Turkija hija sħab fiha; jissottolinja li l-forzi tal-koalizzjoni u bi sħab mas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb id-Da'esh fis-Sirja, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu li l-azzjoni militari unilaterali tat-Turkija qed timmina dan il-progress; jistieden lill-Istati Uniti twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha fil-koalizzjoni u żżomm f'moħħha l-importanza tal-ġlieda kontra d-Da'esh;

15. Jitlob rispett għad-dritt tal-gruppi etniċi u reliġjużi u l-minoranzi fis-Sirja – u ta' kull min hu spostat – li jkompli jgħix jew jerġa' lura f'artu u fl-istorja u t-tradizzjonijiet tiegħu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza;

16. Jirrikonoxxi s-solidarjetà impressjonanti li l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija wrew mar-rifuġjati u jitlob li l-UE u l-Istati Membri jagħtu appoġġ finanzjarju li jindirizza l-bżonnijiet urġenti tar-rifuġjati u tal-komunitajiet li jilqgħuhom; jenfasizza l-bżonn li l-fondi tal-UE ma jintużawx għall-finanzjament tal-operazzjoni militari li għaddejja jew għall-faċilitazzjoni tar-ritorn furzat tar-rifuġjati Sirjani lejn l-hekk imsejħa "żona sikura"; jenfasizza l-bżonn li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rispettat bis-sħiħ; jopponi d-dikjarazzjonijiet tal-President Erdogan li qed jhedded lill-UE b'mewġa ta' rifuġjati;

17. Itenni r-rakkomandazzjoni li ħareġ fir-riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[4], jiġifieri li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – bi qbil mal-Qafas ta' Negozjar – jissospendu formalment in-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija u li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun mibni fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Turkija, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u jara li dan it-test jiġi tradott bl-Għarbi u bit-Tork.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2019)0215.

[2] Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

[3] Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0200).

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019Avviż legali