Proċedura : 2019/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0127/2019

Testi mressqa :

B9-0127/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 7
CRE 23/10/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0049

<Date>{21/10/2019}21.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0127/2019</NoDocSe>
PDF 157kWORD 48k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha</Titre>

<DocRef>(2019/2886(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Esther de Lange, Andrzej Halicki, Vangelis Meimarakis, Jeroen Lenaers, Vladimír Bilčík, Manolis Kefalogiannis, Paulo Rangel, Michal Wiezik, Peter Pollák, Ivan Štefanec</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0123/2019

B9‑0127/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha

(2019/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u t-Turkija,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Diċembru 2018 dwar il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar il-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Ottubru 2019 mill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-11 ta' Ottubru 2019 u tal-15 ta' Ottubru 2019 tal-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2019 dwar it-Turkija,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-14 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Sirja,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015 u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lausanne tal-1923 li ddefinixxa l-fruntieri tat-Turkija,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara d-deċiżjoni tal-President Trump li jirtira t-truppi tal-Istati Uniti mill-Grigal tas-Sirja fid-9 ta' Ottubru 2019, it-Turkija, bi ksur tad-dritt internazzjonali, nediet operazzjoni militari (Operazzjoni Rebbiegħa tal-Paċi) f'żoni kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS); billi dan wassal għal diżgrazzji ċivili u għall-ispostament ta' għexieren ta' eluf ta' ċittadini; billi, fis-17 ta' Ottubru, it-Turkija qablet mal-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied ta' ħamest ijiem fil-Grigal tas-Sirja biex tippermetti li jirtiraw il-forzi Kurdi;

B. billi l-UE tibqa' impenjata favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan;

C. billi, fl-14 ta' Ottubru 2019, il-forzi ta' Bashar al-Assad daħlu fil-bliet fil-Grigal tas-Sirja wara li l-forzi Kurdi qablu ma' ftehim innegozjat mir-Russja biex jipprovaw jittardjaw attakk Tork; billi, skont il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja, it-truppi Russi qed jgħassu l-linji fuq quddiem tal-kunflitt bejn il-pożizzjonijiet tal-armata Torka u dik Sirjana biex iżommuhom separati;

D. billi hemm għadd kbir ta' ġellieda terroristi Ewropej u oħrajn barranin fir-reġjun li attwalment mhumiex identifikati;

E. billi hemm riskju li ġellieda ta' Da'esh, miżmuma f'kampijiet kkontrollati mill-Kurdi, jaħarbu peress li bħalissa m'hemmx biżżejjed gwardji;

F. billi priġunieri ta' Da'esh, inklużi ċittadini tal-UE, ħarbu minn diversi ħabsijiet fit-Tramuntana tas-Sirja;

G. billi l-użu tal-ispostament furzat tan-nies bħala tattika tal-gwerra – inkluż bl-għan li jġib bidla demografika – huwa ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-prevenzjoni ta' għoti sikur, mingħajr xkiel u sostnut ta' għajnuna umanitarja, evakwazzjonijiet u kura medika hija ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCRs); billi n-NU u s-sħab tagħha qed ikomplu jipprovdu provvisti umanitarji lil għexieren ta' eluf ta' persuni spostati minħabba l-vjolenza;

H. billi l-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, stabbilixxa serje ta' miżuri restrittivi awtonomi fil-konfront ta' individwi responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll individwi jew entitajiet assoċjati magħhom;

I. billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq it-Turkija b'reazzjoni għall-offensiva militari tal-pajjiż fil-Grigal tas-Sirja;

J. billi l-Parlament Ewropew irrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont il-Qafas ta' Negozjar bejn l-UE u t-Turkija, formalment jissospendu n-negozjati kollha ta' adeżjoni mat-Turkija;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari Tork unilaterali fil-Grigal tas-Sirja, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, jikkomprometti l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu, filwaqt li jikkaġuna aktar tbatija lil popolazzjoni li diġà ġiet affettwata mill-gwerra u tostakola serjament l-aċċess għall-għajnuna umanitarja; jilqa' l-waqfien mill-ġlied temporanju miftiehem bejn l-Istati Uniti u t-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm l-intervent militari tagħha, li mhux se jindirizza t-tħassib sottostanti dwar is-sigurtà tal-pajjiż; iqis li kwalunkwe operazzjoni militari Torka barra mill-fruntieri tat-Turkija li ma jkollhiex approvazzjoni minn qabel mill-komunità internazzjonali tkun illegali;

2. Jisħaq li t-tħassib tat-Turkija dwar is-sigurtà fil-Grigal tas-Sirja għandu jiġi indirizzat b'mezzi politiċi u diplomatiċi, mhux b'azzjoni militari, u f'konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali;

3. Jikkundanna bil-qawwa l-atroċitajiet kollha u l-bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul il-kunflitt, u b'mod partikolari d-delitti mwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad; jisħaq li dawk li qed iwettqu reati fis-Sirja, kemm jekk huma stati jew individwi, se jinżammu responsabbli;

4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħarba tal-priġunieri ta' Da'esh, peress li ħafna minnhom huma ċittadini tal-UE u hemm probabbiltà kbira li għandhom passaporti tal-UE, u, minħabba li diġà hemm ġellieda terroristiċi barranin Ewropej fir-reġjun li mhumiex identifikati, hemm riskju akbar li ġellieda terroristi barranin jerġgħu lura lejn l-UE;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-Istati Membri, għalhekk, biex sistematikament jivverifikaw lill-persuni li jgawdu mid-dritt għal moviment liberu skont id-dritt tal-UE kif ukoll ċittadini ta' pajjiżi terzi billi jikkonsultaw is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u bażijiet ta' data rilevanti oħra nazzjonali, tal-UE u internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu viġilanti ħafna u jżommu lura kemm jista' jkun possibbli milli jwettqu kontrolli fil-fruntieri esterni fuq bażi mmirata biss;

6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-ġellieda terroristi barranin tiġi rreġistrata kif suppost fil-bażijiet ta' data tal-UE;

7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw b'mod attiv id-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u jqabbluha ma' bażijiet ta' data rilevanti bil-ħsieb li jkun hemm prevenzjoni, kxif, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' individwi għal terroriżmu u reati serji oħra; iħeġġeġ lill-Europol juża bis-sħiħ il-kapaċitajiet tiegħu, fost oħrajn it-tim tal-Punt Fokali "Travellers", biex jappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu li anke aktar minn sena wara d-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR tal-UE, mhux l-Istati Membri kollha ttrasponewha bis-sħiħ, u b'hekk inħolqu lakuni ta' sigurtà mhux meħtieġa;

8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-aġenziji rilevanti tal-UE jimmonitorjaw il-ġellieda terroristi barranin kollha u jiżguraw l-armonizzazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà u segwitu ġudizzjarju ta' dawk il-ġellieda li jirritornaw lejn l-UE; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta' sistemi ta' klassifikazzjoni allinjati sabiex issir distinzjoni bejn il-ġellieda li jirritornaw li jkunu ta' riskju għoli, medju jew baxx;

9. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv mill-awtoritajiet Torok li jagħmlu konnessjoni bejn l-azzjoni militari tat-Turkija fil-Grigal tas-Sirja u d-destin tar-rifuġjati Sirjani fit-territorju Tork;

10. Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' tentattivi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra fis-Sirja; jappella għal kooperazzjoni globali mġedda u intensiva biex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt f'konformità mal-UNSCR 2254 u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012;

11. Jappella għal rispons b'saħħtu u komprensiv min-naħa tal-UE għal din il-kriżi; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-opzjonijiet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, inklużi l-paraxutaġġ ta' kunsinni tal-għajnuna u l-istabbiliment ta' żoni ta' divjet ta' titjiriet abbażi ta' UNSCR;

12. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li t-Turkija hija parti minnha; jissottolinja li s-sħab tal-forzi tal-koalizzjoni u tas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex tingħeleb d-Da'esh fis-Sirja; jisħaq li l-FDS kellhom rwol importanti f'din il-kampanja;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja[2], u partikolarment l-iffriżar tal-assi tal-individwi elenkati fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh;

14. Jisħaq li l-gruppi etniċi u reliġjużi fis-Sirja għandhom id-dritt li jkomplu jgħixu jew li jirritornaw għall-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità u s-sikurezza; jinnota li l-UE mhijiex se tipprovdi għajnuna għall-istabbilizzazzjoni jew għall-iżvilupp f'żoni fejn jiġu injorati jew fejn jinkisru d-drittijiet tal-popolazzjonijiet lokali;

15. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li ebda fond tal-UE ma jintuża biex jiffinanzja l-operazzjoni militari li tkun għaddejja jew biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn furzat tar-rifuġjati Sirjani lejn l-hekk imsejħa "żona sikura";

16. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill ma setax jieħu deċiżjoni unanima dwar projbizzjoni fl-UE kollha dwar l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija; jilqa' d-deċiżjoni li jiġu kkoordinati l-embargi nazzjonali dwar il-bejgħ futur ta' armi lit-Turkija; jilqa' d-deċiżjoni ta' ċerti Stati Membri tal-UE li immedjatament iwaqqfu l-għoti ta' liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija; jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu pożizzjoni komuni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-ġellieda terroristi barranin Ewropej u l-familji tagħhom li jibqgħu fir-reġjun, minħabba l-fatt li l-ġellieda terroristi barranin li jinsabu f'detenzjoni fir-reġjun ġejjin minn 50 pajjiż differenti; jitlob għaldaqstant li tiġi stabbilita qorti jew tribunal internazzjonali sabiex jinvestigaw, jiġġudikaw u jikkundannaw individwi għal atti ta' terroriżmu u delitti serji b'mod ordnat u fuq livell internazzjonali;

18. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jadotta miżuri ekonomiċi xierqa u mmirati kontra t-Turkija, li ma jridux jaffettwaw lis-soċjetà ċivili jew lil persuni li diġà ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika tal-pajjiż;

19. Jemmen li, fid-dawl tat-tentattivi gravi u persistenti min-naħa tat-Turkija li tikkomprometti l-istabbiltà reġjonali permezz tal-aġir aggressiv tagħha mal-Istati Membri, kif ukoll l-azzjoni militari unilaterali reċenti tagħha fil-Grigal tas-Sirja diretta kontra l-popolazzjoni Kurda, li ddeterminat spostament ulterjuri ta' rifuġjati Sirjani, fixklet serjament l-aċċess għall-assistenza umanitarja, ikkawżat tbatija kbira mmens għall-popolazzjoni ċivili, u kkompromettiet l-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm hu u dgħajfet id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, huwa ġustifikat li jitqaċċtu l-approprjazzjonijiet għat-Turkija fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u jiġu ffriżati l-EUR 100 miljun (ammont li jiddaħħal f'riżerva); jissottolinja, madankollu, li l-iffriżar u t-tnaqqis m'għandhomx jolqtu lis-soċjetà ċivili jew lir-rifuġjati Sirjani, jew jimpedixxu lill-istudenti Torok milli jipparteċipaw fi programmi Ewropej ta' skambju bħal Erasmus+;

20. Itenni l-appell tiegħu biex in-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija jiġu kompletament sospiżi; ifakkar li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

21. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0512.

[2] ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza