Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0149/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0149/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel

21.10.2019 - (D045385/06 – 2019/2776(RPS))

imressqa skont l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Bas Eickhout, Eric Andrieu, Martin Hojsík, Anja Hazekamp

Proċedura : 2019/2776(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0149/2019
Testi mressqa :
B9-0149/2019
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9-0149/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel

(D045385/06 – 2019/2776(RPS))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 546/2011 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal tal-għasel (D045385/06),

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[1], u b'mod partikolari l-Artikolu (4) u l-Artikolu 78(1)(c) tiegħu u l-punt 3.8.3 tal-Anness II tiegħu,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[3] u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta' Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-dejta għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[4],

 wara li kkunsidra d-Dokument ta' Gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (Apis mellifera, Bombus spp. u naħal solitarju), approvat fis-27 ta' Ġunju 2013 u aġġornat l-aħħar fl-4 ta' Lulju 2014[5] ("gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013"),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi, skont il-Kummissjoni, kien hemm "tnaqqis drammatiku fl-okkorrenza u d-diversità tat-tipi kollha ta' insetti pollinaturi selvaġġi, inkluż naħal selvaġġi, sirfidi, friefet u baħrijiet. Għadd kbir ta' speċijiet pollinaturi huma estinti jew mhedda bl-estinzjoni"[8];

B. billi r-rapport xjentifiku estern tal-EFSA tad-29 ta' Frar 2016 dwar it-tossiċità tal-pestiċidi wera li "t-tossiċità fit-tul tista' taqbeż il-previżjonijiet ibbażati fuq testijiet għal żmien qasir b'ordni ta' kobor"[9];

C. billi, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-għan ta' dak ir-Regolament huwa "li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola";

D. billi l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li "sustanza attiva għandha tkun approvata skont l-Anness II jekk jista' jkun mistenni, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, li, meta jitqiesu l-kriterji għall-approvazzjoni li ġew stabbiliti fil-punti 2 u 3 ta' dak l-Anness, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 2 u 3";

E. billi, skont l-Artikolu 4(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti "m'għandu jkollu l-ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent", meta jitqiesu b'mod partikolari ċerti konsiderazzjonijiet fejn il-metodi xjentifiċi aċċettati mill-Awtorità biex issir valutazzjoni ta' effetti bħal dawn ikunu disponibbli, b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni "tal-impatt tiegħu fuq l-ispeċijiet li mhumiex immirati, inkluż fuq l-imġiba kurrenti ta' dawk l-ispeċi";

F. billi, skont it-tieni inċiż tal-punt 3.8.3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist għandha tiġi approvata biss jekk tkun stabbilita wara valutazzjoni xierqa tar-riskju fuq il-bażi ta' linji gwida għat-testijiet maqbula fil-livell Komunitarju jew internazzjonali, li l-użu taħt il-kondizzjonijiet proposti għall-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist "ma jkollu l-ebda effett akut jew kroniku inaċċettabbli fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp ta' kolonji, meta jitqiesu l-effetti fuq il-larva tan-naħal tal-għasel jew l-imġiba tan-naħal tal-għasel";

G. billi, b'hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 mar lil hinn mid-Direttiva l-antika tal-Kunsill 91/414/KEE[10] billi, fost affarijiet oħra, introduċa espliċitament rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-effetti kroniċi tal-użu ta' sustanza attiva, aġent protettiv jew sinerġist fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp ta' kolonji;

H. billi r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi kif ukoll għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġew immodifikati fl-2013 biex jinkludu studji dwar l-effetti kroniċi ta' sustanzi u prodotti bħal dawn fuq in-naħal, kif ukoll studju dwar l-effetti ta' sustanzi u prodotti bħal dawn fuq l-iżvilupp tan-naħal tal-għasel u fuq stadji oħra tal-ħajja tan-naħal tal-għasel[11];

I. billi fl-2013, l-EFSA aġġornat il-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju skont dan, fost oħrajn billi qieset l-effetti kroniċi fuq in-naħal kif ukoll l-effetti negattivi fuq in-naħal bagħli u n-naħal solitarju;

J. billi l-metodoloġija aġġornata tal-valutazzjoni tar-riskju ġiet applikata fil-valutazzjonijiet tal-EFSA tad-data konfermatorja skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2013[12] fir-rigward ta' tliet neonikotinojdi, u fl-2018 wasslet għal restrizzjonijiet kważi totali[13];

K. billi, madankollu, il-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 għadha ma ġietx approvata formalment mill-Kumitat Permanenti stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 ("il-Kumitat Permanenti");

L. billi l-Kummissjoni tqis li tista' toqgħod biss fuq il-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 għal deċiżjonijiet fil-kuntest ta' rieżamijiet tal-approvazzjoni ad hoc skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, iżda mhux għal deċiżjonijiet standard dwar applikazzjonijiet għal approvazzjoni jew tiġdid, jekk il-gwida ma tiġix approvata mill-Istati Membri;

M. billi l-Kummissjoni ppruvat tikseb l-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 sabiex tkun tista' tapplika wkoll għal deċiżjonijiet standard dwar l-approvazzjoni jew it-tiġdid ta' sustanzi attivi u l-awtorizzazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet mil-ġdid ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

N. billi l-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 tista' tinkiseb parzjalment billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 546/2011;

O. billi l-Kummissjoni naqset milli tagħmel dan, madankollu, meta fl-2018, 16-il Stat Membru oġġezzjonaw għall-implimentazzjoni tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 fin-nuqqas ta' rieżami ulterjuri[14], b'mod partikolari tal-partijiet relatati mal-metodoloġija ta' valutazzjoni għar-riskji kroniċi;

P. billi skont l-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 546/2011 għandhom iqisu l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali;

Q. billi l-premessa 2 tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni tgħid li "jeħtieġ li dawn il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jiġu mmodifikati fid-dawl tal-iżviluppi l-aktar reċenti fl-għarfien xjentifiku u tekniku";

R. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jintroduċi biss modifiki indikati fil-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 fir-rigward tat-tossiċità akuta għan-naħal tal-għasel, iżda jibqa' sieket dwar it-tossiċità kronika għan-naħal tal-għasel, kif ukoll dwar it-tossiċità għan-naħal bagħli u n-naħal solitarju;

S. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni għalhekk ma jirrappreżentax l-aktar żviluppi reċenti fl-għarfien xjentifiku u tekniku, għall-kuntrarju ta' dak li huwa ddikjarat fil-premessa 2 tiegħu u għall-kuntrarju tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li min-naħa tiegħu jimmina r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament biex jiġu approvati sustanzi fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, li, b'hekk, jimmina wkoll l-għan previst fl-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament, jiġifieri li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent;

T. billi, skont l-EFSA, għal valutazzjoni xierqa tar-riskju dwar in-naħal, huwa importanti li titqies it-tossiċità akuta, it-tossiċità kronika u t-tossiċità għal-larva[15];

U. billi huwa tal-akbar importanza li t-tossiċità kronika u t-tossiċità għal-larva jiġu vvalutati, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati r-riskji ppreżentati mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' prodotti sistemiċi għall-protezzjoni tal-pjanti, li jwasslu għal esponiment kroniku fit-tul, minflok esponiment akut għal perjodu qasir;

V. billi l-bidliet proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' regolament jirriżultaw biss f'irfinar tat-testijiet fir-rigward tat-tossiċità akuta[16], li, skont valutazzjoni tal-impatt mill-industrija tal-pestiċidi, ma jibdlux il-livell ta' protezzjoni[17];

W. billi la huwa suffiċjenti, la xieraq u lanqas konformi mal-kriterji ta' approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li l-bidliet proposti mill-EFSA jiġu integrati biss fir-rigward tat-tossiċità akuta fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

X. billi l-applikanti għandhom jissottomettu data rilevanti dwar it-tossiċità kronika skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2013 u r-Regolament (UE) Nru 284/2013;

Y. billi fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tossiċità kronika fir-Regolament (UE) Nru 546/2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet biex iqisu l-effetti kroniċi ta' tali sustanzi u prodotti fuq in-naħal fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-approvazzjoni jew l-awtorizzazzjoni;

Z. billi din is-sitwazzjoni timmina l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fir-rigward tan-naħal, li min-naħa tagħha timmina l-għan tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jiġifieri li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent;

AA. billi huwa inaċċettabbli li l-Istati Membri jopponu l-implimentazzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 u, b'hekk, jimpedixxu l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fir-rigward tan-naħal;

AB. billi tali oppożizzjoni hija saħansitra aktar inaċċettabbli fid-dawl tal-fatt li l-linji gwida għall-ittestjar tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huma disponibbli fir-rigward ta' testijiet tat-tossiċità kronika għan-naħal tal-għasel u l-effetti fuq il-larva tan-naħal tal-għasel (linji gwida għall-ittestjar 245 u 239 tal-OECD), u għal testijiet ta' tossiċità akuta għan-naħal bagħlija (linji gwida għall-ittestjar 246 u 247 tal-OECD);

AC. billi l-Kummissjoni lanqas biss issottomettiet abbozz li kien jikkorrispondi għall-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 lill-Kumitat Permanenti; billi, b'hekk, ħarbet mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE li tippreżenta proposta lill-Kunsill, u wara din, tkun setgħet tadotta l-miżura sakemm il-Kunsill ma jkunx opponieha b'maġġoranza kwalifikata;

AD. billi huwa ta' dispjaċir kbir li l-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħat tagħha skont l-Artikolu 5a(2) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, u b'hekk effettivament wasslet biex 16-il Stat Membru, li madankollu ma ffurmawx maġġoranza kwalifikata, jirnexxilhom jimpedixxu l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni fir-rigward tan-naħal;

AE. billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019, ikkunsidra li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fih innifsu, u l-implimentazzjoni tiegħu, kellhom jittejbu sabiex ikun jista' jilħaq l-iskop tiegħu, u stieden b'mod espliċitu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw mingħajr dewmien il-gwida aġġornata dwar in-naħal li tintuża mill-EFSA;

1. Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2. Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-Kumitat Permanenti mingħajr dewmien;

4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-abbozz il-ġdid ikun ibbażat fuq l-aħħar għarfien xjentifiku u tekniku, u b'hekk jipproponi li jiġu mmodifikati l-prinċipji uniformi mhux biss fir-rigward tat-tossiċità akuta għan-naħal tal-għasel, kif inhuma fl-abbozz attwali, iżda tal-anqas ukoll fir-rigward tat-tossiċità kronika u t-tossiċità tal-larva għan-naħal tal-għasel u t-tossiċità akuta għan-naħal bagħli, b'mod partikolari minħabba li l-linji gwida għall-ittestjar tal-OECD huma disponibbli għal dawk il-parametri kollha;

5. Jistieden lill-Kummissjoni, jekk meħtieġ, biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE biex tikseb is-sottomissjoni ta' proposta xierqa għal skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill;

6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza