Proċedura : 2019/2883(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0157/2019

Testi mressqa :

B9-0157/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 21
CRE 23/10/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.10
CRE 24/10/2019 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0050

<Date>{22/10/2019}22.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0157/2019</NoDocSe>
PDF 154kWORD 45k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija</Titre>

<DocRef>(2019/2883(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Tineke Strik, Catherine Rowett, Viola Von Cramon-Taubadel, David Cormand, Philippe Lamberts, Yannick Jadot, Romeo Franz, Ciarán Cuffe, Monika Vana, Jutta Paulus, Michael Bloss, Ernest Urtasun</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0156/2019

B9-0157/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija

(2019/2883(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofia, adottata fi tmiem is-Summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013)0700),

 wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 dwar it-tkabbir,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-Riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, it-Tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-Ħolqien ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-17 ta' Ġunju 2018, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019'' (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar il-Maċedonja ta' Fuq 2019 (SWD(2016)0218),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 bit-titolu ''Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019'', akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar l-Albanija 2019) (SWD(2018)0215),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-15 ta' Frar 2017[1] u tad-29 ta' Novembru 2018[2] dwar ir-Rapporti dwar l-Albanija 2016 u 2019 tal-Kummissjoni, u dawk tal-14 ta' Ġunju 2017[3] u tad-29 ta' Novembru 2018[4] dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2016 u l-2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja/il-Maċedonja ta' Fuq,

 wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Albanija man-NATO fl-2009 u l-fatt li l-Maċedonja ta' Fuq tinsab bħalissa fi triqitha biex issir it-30 membru tan-NATO,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2003, il-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika enfasizza l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni futura tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-istrutturi Ewropej u ddikjara li s-sħubija aħħarija tagħhom fl-Unjoni kienet prijorità għolja għall-UE u li l-Balkani se jkunu parti integrali minn Ewropa magħquda;

B. billi fis-Summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2017, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tagħha għall-prospett ta' sħubija fl-UE għall-Balkani tal-Punent;

C. billi kull pajjiż ta' tkabbir jitqies b'mod individwali fuq il-merti tiegħu stess skont il-progress li jkun sar fil-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi jiddeterminaw il-kalendarju għall-adeżjoni mal-UE;

D. billi l-prospett ta' sħubija fl-UE kien inċentiv fundamentali għal riformi fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; billi l-proċess ta' tkabbir kellu rwol deċiżiv fir-rigward tal-istabbilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent;

E. billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat huma essenzjali għall-progress tal-pajjiżi fi triqthom lejn adeżjoni mal-UE;

F. billi r-rapporti ta' progress tal-2016 u l-2018 tal-Kummissjoni rrakkomandaw il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni kemm mal-Albanija kif ukoll mal-Maċedonja ta' Fuq;

G. billi l-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riżoluzzjoni tad-differenzi u l-ħolqien ta' sħubija strateġika bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja huwa ftehim importanti li jirrappreżenta mudell għall-istabilità u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun sħiħ tal-Balkani tal-Punent, li tejjeb l-ispirtu tar-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali u għandu jwitti t-triq għall-integrazzjoni Ewropea tal-Maċedonja ta' Fuq;

H. billi f'Awwissu 2017, il-Bulgarija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmaw trattat bilaterali dwar il-ħbiberija li temm il-kontroversji bejn iż-żewġ pajjiżi u qarribhom lejn sħubija orjentata lejn l-UE;

I. billi sar progress tajjeb fir-riforma ġudizzjarja fl-Albanija, li għandha l-għan li ttejjeb l-indipendenza, ir-responsabbiltà, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż u żżid il-fiduċja tan-nies fl-entitajiet ġudizzjarji;

J. billi minħabba l-veto tal-President tar-Repubblika Franċiża, il-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019 ma rnexxilux jaqbel dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq; billi din hija t-tielet darba li l-Kunsill Ewropew wera li mhuwiex kapaċi jilħaq deċiżjoni pożittiva dwar it-tkabbir wara l-Kunsilli Ewropej ta' Ġunju 2018 u 2019; billi l-Kunsill Ewropew ikkonkluda li jerġa' jittratta l-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit UE-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020;

1. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jipposponi għal darb'oħra l-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq;

2. Jenfasizza li, billi naqset milli twettaq il-wegħdiet u l-impenji tagħha lejn iż-żewġ pajjiżi, l-UE qed tirriskja li titlef il-kredibbiltà tagħha; jemmen bis-sħiħ li l-politika ta' tkabbir tal-UE hija triq b'żewġ direzzjonijiet fejn iż-żewġ naħat għandhom bżonn jirrispettaw l-impenji tagħhom u jwettqu l-wegħdiet li għamlu sabiex jibqgħu atturi kredibbli u sħab affidabbli f'ambjent dejjem aktar volatili;

3. Ifakkar lill-Istati Membri li l-politika ta' tkabbir għandha bżonn tkun xprunata minn kriterji oġġettivi u mhux minn konsiderazzjonijiet ta' politiki interni jew kontroversji bilaterali fl-Istati Membri individwali; jiddikjara li l-politika ta' tkabbir tal-UE kienet l-aktar strument effettiv tal-politika barranija tal-Unjoni u li ż-żarmar ulterjuri tagħha jista' jwassal għal sitwazzjoni instabbli fil-viċinat immedjat tal-UE;

4. Ifakkar li mill-2016 'l hawn, il-Kummissjoni rrakkomandat li jinbdew in-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u, mill-2009 'l hawn, hija rrakkomandat l-istess mal-Maċedonja ta' Fuq minħabba l-fatt li t-tnejn li huma jissodisfaw il-kriterji oġġettivi;

5. Jilqa' l-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jfaħħar liż-żewġ naħat għall-isforzi sinifikanti tagħhom biex tinstab soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għall-kwistjoni tal-isem, li ilha titqies responsabbli għall-istaġnar fil-progress tal-pajjiż fi triqtu lejn l-integrazzjoni Ewropea; jilqa' lir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq għall-kontribut tagħha għall-paċi fil-Balkani u għall-eżempju prim li tagħti biex tinstab soluzzjoni paċifika għal tilwim li ilu għaddej żmien twil;

6. Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Albanija b'rikonoxximent tal-isforzi inkoraġġanti fir-riformi; iqis li bidu rapidu tal-proċess ta' eżami u tat-taħditiet dwar l-adeżjoni jsostni u jqawwi l-ispinta għar-riformi; iqis li l-ftuħ ta' negozjati jipprovdi aktar inċentivi għad-demokratizzazzjoni u jsaħħaħ l-iskrutinju, l-obbligu ta' rendikont u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-minoritajiet fiż-żewġ pajjiżi;

7. Ifakkar li ż-żgħażagħ fir-reġjun għandhom aspettattivi għoljin fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE u jemmen li futur mingħajr perspettiva ċara jwassal għal migrazzjoni mir-reġjun;

8. Jistieden lill-Kummissjoni biex timxi 'l quddiem flimkien mal-Istati Membri u s-sħab tal-Balkani tal-Punent biex timplimenta l-inizjattiva ewlenija sitta dwar ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat tal-istrateġija ta' tkabbir 2018, inklużi inizjattivi ta' appoġġ bħall-Kummissjoni Reġjonali għall-Istabbiliment tal-Fatti dwar ir-Reati tal-Gwerra u Ksur Ieħor tad-Drittijiet tal-Bniedem li Twettqu fit-Territorju tal-Eks-Jugoslavja bejn l-1 ta' Jannar 1991 u l-31 ta' Diċembru 2001 (RECOM), l-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ (RYCO) u xogħol ta' tagħlim tal-istorja b'aktar minn perspettiva waħda u xogħol ta' memorja konformi mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

9. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu li jmiss fit-12 u t-13 ta' Diċembru 2019, biex jassumi r-responsabbiltà tiegħu u jsib kompromess konkret li jippermetti l-bidu ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq; japprova l-bidu tal-proċess parallel ta' riforma tal-metodoloġija tal-politika ta' tkabbir tal-UE dment li din ir-riforma ma tintużax bħala mezz biex jitwaqqaf il-proċess ta' tkabbir, u jenfasizza li l-bidu ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq ma jxekkilx dan il-proċess milli jseħħ;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Albanija, lill-Maċedonja ta' Fuq u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jifdal.

 

[1] ĠU C 252, 18.7.2018, p.122.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0481

[3] ĠU C 331, 18.9.2018, p. 88.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0480

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019Avviż legali