Proċedura : 2019/2883(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0161/2019

Testi mressqa :

B9-0161/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 21
CRE 23/10/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.10
CRE 24/10/2019 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0050

<Date>{22/10/2019}22.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0161/2019</NoDocSe>
PDF 151kWORD 44k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija</Titre>

<DocRef>(2019/2883(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Kinga Gál, Andor Deli, László Trócsányi</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0156/2019

B9-0161/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija

(2019/2883(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni tat-18 ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport tal-2019 dwar l-Albanija" (SWD(2019)0215) u "Rapport tal-2019 dwar il-Maċedonja ta' Fuq" (SWD(2019)0218),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-15 ta' Frar 2017[1] u tad-29 ta' Novembru 2018[2] dwar ir-Rapporti dwar l-Albanija 2016 u 2018 tal-Kummissjoni, u dawk tal-14 ta' Ġunju 2017[3] u tad-29 ta' Novembru 2018[4] dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni tal-2016 u l-2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja/il-Maċedonja ta' Fuq,

 wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Albanija man-NATO fl-2009 u l-fatt li l-Maċedonja ta' Fuq tinsab bħalissa fi triqitha biex issir it-30 membru tan-NATO,

 wara li kkunsidra l-ittra konġunta tat-3 ta' Ottubru 2019 mill-Presidenti Tusk, Sassoli, Juncker u l-President elett Von der Leyen dwar il-ftuħ tat-taħditiet tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bl-isem "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-Riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-Ħolqien ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-17 ta' Ġunju 2018, magħruf ukoll bħala l-Ftehim ta' Prespa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2003, il-Kunsill Ewropew ta' Thessalonika ssottolinja l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni futura tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-istrutturi Ewropej u ddikjara li s-sħubija aħħarija tagħhom fl-Unjoni kienet prijorità għolja għall-UE u li l-Balkani se jkunu parti integrali minn Ewropa magħquda;

B. billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit UE-Balkani tal-Punent li għandu jsir f'Zagreb f'Mejju 2020;

C. billi d-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta' negozjati mal-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija kienet diġà ġiet posposta f'Ġunju 2019;

D. billi elezzjonijiet ta' malajr tħabbru fil-Maċedonja ta' Fuq b'reazzjoni għall-posponiment tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ ta' negozjati mal-pajjiż;

1. Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar in-nuqqas tal-UE li taqbel dwar il-ftuħ ta' taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija, peress li ż-żewġ pajjiżi għamlu sforzi konsiderevoli biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni, inklużi kisbiet diffiċli u storiċi bħar-ratifika tal-Ftehim ta' Prespa min-naħa tal-Maċedonja ta' Fuq u r-riforma ġudizzjarja mwettqa mill-Albanija;

2. Jenfasizza li tali nuqqas ta' deċiżjoni għandu effett detrimentali fuq il-kredibilità tal-UE, peress li l-integrazzjoni ta' pajjiżi eliġibbli tgħin lill-UE biex iżżomm ir-rwol internazzjonali tagħha u tħares l-interessi tagħha, filwaqt li l-progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE għandu wkoll effett trasformattiv fuq il-pajjiżi kandidati nfushom; barra minn hekk, jiddikjara li l-politika ta' tkabbir tal-UE kienet l-aktar strument effettiv tal-politika barranija tal-Unjoni u li ż-żarmar ulterjuri tagħha jista' jwassal għal sitwazzjoni instabbli fil-viċinat immedjat tal-UE;

3. Jinnota li ma jistax ikun hemm riforma fil-proċess tat-tkabbir wara li jkun tnieda l-proċess, u li l-proċess m'għandux ifixkel lil dawk il-pajjiżi li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-pajjiżi kandidati jeħtieġ li jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-merti tagħhom stess u ta' kriterji oġġettivi, aktar milli fuq kunsiderazzjonijiet ta' politika interna fi Stati Membri individwali, u li huma l-veloċità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni;

4. Jenfasizza li n-nuqqas tal-UE li tiftaħ negozjati ta' adeżjoni wassal għal elezzjonijiet ta' malajr li qed jissejħu fil-Maċedonja ta' Fuq, u li dan jirriżulta f'telf ta' kredibilità għal dawk li għamlu kompromessi; iqis li, f'termini ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien, din is-sitwazzjoni toħloq immaġni negattiva ta' dawk il-pajjiżi kandidati; jinnota bi tħassib li dan jista' jippermetti li atturi oħra barranin, li l-attivitajiet tagħhom jistgħu ma jkunux konformi mal-valuri u mal-interessi tal-UE, jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib kemm mal-Maċedonja ta' Fuq kif ukoll mal-Albanija;

5. Jenfasizza li din id-deċiżjoni tibgħat sinjal ta' twissija lil pajjiżi kandidati oħra u lil pajjiżi kandidati potenzjali fil-Balkani tal-Punent u toħloq opportunitajiet għal influwenzi oħra;

6. Jiddispjaċih li din id-deċiżjoni tmur kontra l-isforzi li saru mill-Parlament fil-proċess ta' tkabbir u fl-Istrateġija għall-Balkani tal-Punent;

7. Jiddispjaċih li l-Istati Membri ma setgħux jaslu għal deċiżjoni unanima dwar il-ftuħ tan-negozjati, u jistieden lill-Istati Membri biex juru responsabbiltà lejn l-Albanija u l-Maċedonja ta' Fuq u biex jieħdu deċiżjoni unanima pożittiva dwar il-ftuħ tan-negozjati, filwaqt li jqisu l-konsegwenzi ta' nuqqas ta' azzjoni bħal din minħabba li n-nuqqas ta' teħid ta' deċiżjonijiet kuraġġużi jdgħajjef l-istabbiltà, il-prevedibbiltà u l-kredibilità tal-UE f'għajnejn is-sħab tagħna;

8. Iqis li l-Kummissjoni li jmiss għandha immedjatament tqis il-politika tat-tkabbir, filwaqt li tikkunsidra l-effetti kkawżati mid-deċiżjoni riċenti tal-Kunsill, filwaqt li tenfasizza l-vantaġġi tat-tkabbir kemm għall-pajjiżi kandidati kif ukoll għall-Istati Membri tal-UE; barra minn hekk, jemmen li f'konformità ma' dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid u temenda l-Istrateġija għall-Balkani tal-Punent ta' Frar 2018;

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Maċedonja ta' Fuq u tal-Albanija.

 

 

[1] ĠU C 252, 18.7.2018, p. 122.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0481.

[3] ĠU C 331, 18.9.2018, p. 88

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0480.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019Avviż legali