Proċedura : 2019/2876(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0180/2019

Testi mressqa :

B9-0180/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2019 - 8.8
CRE 26/11/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0066

<Date>{20/11/2019}20.11.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0180/2019</NoDocSe>
PDF 251kWORD 58k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal</Titre>

<DocRef>(2019/2876(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Karlo Ressler, Dubravka Šuica, Cindy Franssen, Ewa Kopacz, Ioan-Rareş Bogdan, Eugen Tomac</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Kati Piri, Caterina Chinnici, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Javier Moreno Sánchez, Isabel Santos, Bettina Vollath</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Hilde Vautmans, Dragoş Pîslaru, Sophia in ’t Veld, Maite Pagazaurtundúa, Anna Júlia Donáth, Jan-Christoph Oetjen, Abir Al-Sahlani, Irina Von Wiese, Sylvie Brunet, Laurence Farreng, Marie-Pierre Vedrenne, Nathalie Loiseau, Bernard Guetta, Olivier Chastel, Petras Auštrevičius, Atidzhe Alieva-Veli, Ramona Strugariu, Lucy Nethsingha, Ivars Ijabs, Phil Bennion, Izaskun Bilbao Barandica, Luisa Porritt, Judith Bunting, Stéphanie Yon-Courtin, Fabienne Keller, Chrysoula Zacharopoulou, Frédérique Ries, Antony Hook, Stéphane Bijoux, Vlad-Marius Botoş, Jane Brophy</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Saskia Bricmont, Francisco Guerreiro, Diana Riba i Giner, Gwendoline Delbos-Corfield, Mounir Satouri, Hannah Neumann, Katrin Langensiepen, Henrike Hahn, Bronis Ropė, Pär Holmgren, Tilly Metz, Grace O’Sullivan, Alice Kuhnke, Tineke Strik, Petra De Sutter, Anna Cavazzini, Ellie Chowns, Romeo Franz, Marie Toussaint</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Anne-Sophie Pelletier, Manon Aubry, Martin Schirdewan, José Gusmão, Marisa Matias, Pernando Barrena Arza, Nikolaj Villumsen, Manuel Bompard, Leila Chaibi, Giorgos Georgiou, Niyazi Kizilyürek, Dimitrios Papadimoulis, Martin Buschmann, Martina Anderson, Cornelia Ernst, Martina Michels, Malin Björk, Silvia Modig, Helmut Scholz, Özlem Demirel, Stelios Kouloglou</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

<Depute>Fabio Massimo Castaldo, Laura Ferrara, Sabrina Pignedoli, Ignazio Corrao, Daniela Rondinelli, Piernicola Pedicini, Tiziana Beghin, Chiara Gemma, Eleonora Evi, Marco Zullo, Dino Giarrusso, Rosa D’Amato, Isabella Adinolfi, Mario Furore</Depute>

</RepeatBlock-By>


B9-0180/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal

(2019/2876(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-20 ta' Novembru 1989,–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFR),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali[2],

 wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , b'mod partikolari l-prinċipju 11 tiegħu dwar l-indukrar tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti[3] u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017)0211),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar id-drittijiet tal-persuni intersesswali[4],

 wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 10 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-25 ta' April 2007 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni,

 wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-18 ta' April 2011 dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' vjolenza,

 wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tad-29 ta' Mejju 2013 dwar id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tas-CRC tal-Kumment Ġenerali Nru 6 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1 ta' Settembru 2005, u r-Rapport tal-Jum ta' Diskussjoni Ġenerali dwar id-Drittijiet tat-Tfal Kollha fil-Kuntest tal-Migrazzjoni Internazzjonali 2012 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-28 ta' Settembru 2012,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF intitolat "The State of the World's Children 2019" (L-Istat tal-Tfal fid-Dinja 2019),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Artikolu 1 tas-CRC jistipula li "għall-finijiet tal-Konvenzjoni preżenti, it-tfal huma definiti bħala kull persuna taħt l-età ta' tmintax-il sena, sakemm l-età maġġuri ma tintlaħaqx qabel permezz tal-liġi applikabbli għat-tfal";

B. billi fl-Ewropa jgħixu 100 miljun tifel u tifla u jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-UE, u t-tfal taħt it-18-il sena jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-popolazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

C. billi l-politiki tal-UE għandhom l-għan espliċitu li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tistipula li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

D. billi s-CRC hija t-trattat internazzjonali l-aktar ratifikat dwar id-drittijiet tal-bniedem, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE u tistabbilixxi obbligi legali ċari  li jippromwovu, jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Parlament Ewropew se jospita konferenza ta' livell għoli, fl-20 ta' Novembru, biex ifakkar it-30 anniversarju tas-CRC; billi l-President tal-Parlament Ewropew wiegħed li l-Jum Dinji tat-Tfal jiġi ċċelebrat kull sena fl-20 ta' Novembru b'avveniment li jsir fil-Parlament Ewropew u li jinvolvi lit-tfal;

E. billi d-drittijiet tat-tfal għadhom qed jinkisru f'bosta partijiet tad-dinja, inkluż fl-Istati Membri tal-UE, bħala riżultat ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon, id-diżabilità, il-ġeneru, l-identità sesswali, l-età, l-etniċità, il-migrazzjoni jew l-istatus ta' residenza;

F. billi l-Artikolu 12 tas-CRC u l-Artikolu 24 tas-CFR jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jinstemgħu u li jingħata kont tal-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom, skont l-età u l-maturità tagħhom;

G. billi l-Artikolu 5 tas-CRC jipprevedi li "l-Istati Partijiet għandhom jirrispettaw ir-responsabilitajiet, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri jew, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja estiża jew tal-komunità kif previst mid-drawwiet lokali, mill-kustodji legali jew minn persuni oħra legalment responsabbli għat-tfal, li jipprovdu, b'mod konsistenti mal-kapaċitajiet li jevolvu tat-tfal, direzzjoni u gwida xierqa fl-eżerċizzju mit-tfal tad-drittijiet rikonoxxuti f'din il-Konvenzjoni";

H. billi l-kwistjonijiet globali, bħat-tibdil fil-klima, it-teknoloġiji l-ġodda u d-diġitalizzazzjoni jirrappreżentaw theddid ġdid għat-tfal, filwaqt li joffru wkoll opportunitajiet ġodda ta' tagħlim u konnessjoni;

I. billi l-UE impenjat ruħha li timplimenta s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni tagħha, inkluż l-SDĠ 16.2 biex "itemm l-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal u t-tortura tat-tfal";

J. billi kważi 25 miljun tifel u tifla taħt it-18-il sena jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali fl-UE; billi l-faqar iċaħħad lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi, indukrar tat-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, ikel u akkomodazzjoni adegwati, appoġġ għall-familja u saħansitra protezzjoni mill-vjolenza, u jista' jkollu effetti dejjiema ħafna; billi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal hija wkoll kwistjoni ta' drittijiet fundamentali u ta' obbligi legali[5];

K. billi l-Kunsens Ewropew rivedut għall-Iżvilupp iddeskriva lit-tfal u liż-żgħażagħ bħala aġenti ta' żvilupp u ta' bidla, kif ukoll bħala kontributuri essenzjali għall-Aġenda 2030, inkluż permezz tal-kapaċità tagħhom li jkunu innovattivi; billi l-Kunsens isostni wkoll li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jsaħħu d-drittijiet taż-żgħażagħ u se jagħtuhom is-setgħa li jmexxu kwistjonijiet pubbliċi billi jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomiji, is-soċjetajiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet lokali;

L. billi l-investiment fil-futur tat-tfal, l-importanza tal-protezzjoni tat-tfal permezz ta' strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal u l-istabbiliment tal-"Garanzija għat-Tfal" bħala għodda ta' ġlieda kontra l-faqar u bħala garanzija li t-tfal ikollhom aċċess għal servizzi bażiċi, huma enfasizzati bħala prijoritajiet għolja fl-ittri ta' missjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni għad-Demokrazija u d-demografija, Dubravka Šuica, kif ukoll tal-Kummissarju nnominat għall-impjiegi, Nicolas Schmit;

M. billi t-tfal huma grupp vulnerabbli li huma milquta b'mod qawwi mill-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u huma fost l-ewwel vittmi tal-effetti negattivi tagħha, bħan-nixfa, l-għargħar u l-maltempati, il-kriżijiet tal-ikel u t-tniġġis; billi wieħed minn kull erba' mwiet ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin madwar id-dinja għandhom rabta diretta jew indiretta mar-riskji ambjentali[6];

N. billi t-tfal jirrappreżentaw kważi wieħed minn kull erba' vittmi ta' traffikar ta' bnedmin irreġistrati fl-UE, inkluż fi ħdan l-Istat Membru tagħhom; billi l-bniet huma mira ewlenija u jiġu ttraffikati għal skopijiet ta' sfruttament sesswali[7];

O. billi l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali tat-tfal, li jirriżultaw fi trawma enormi u konsegwenzi ta' ħsara dejjiema għall-vittmi tfal li jistgħu jkomplu jitfaċċaw fl-età adulta, u huwa fenomenu li qed jevolvi; billi forom ġodda ta' kriminalità, bħall-"pornografija ta' vendetta" u l-estorsjoni sesswali qed jiżdiedu fuq l-internet u hemm bżonn li jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri; billi, skont l-aħħar ċifri, l-għadd ta' xbihat li juru materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online żdied b'mod drammatiku u b'rata bla preċedent, u saru mifruxa minħabba l-internet, b'rapporti ta' aktar minn 45 miljun immaġni u filmati li ġew identifikati bħala abbuż sesswali tat-tfal[8];

P. billi d-dritt tat-tfal għal edukazzjoni għandu jiġi ggarantit dejjem;

Kummenti ġenerali

1. Iqis li d-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu fil-qalba tal-politiki tal-UE u li t-30 anniversarju tas-CRC joffri opportunità unika biex il-Konvenzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fil-politika u fil-prattika, u biex jittieħdu miżuri addizzjonali li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal kollha u kullimkien, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, biex ħadd ma jitħalla l-art;

2. Jistieden lill-President elett tal-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti ħalli l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal jingħataw viżibilità akbar, pereżempju bil-ħatra ta' persuna pubblika ta' livell għoli bħala r-rappreżentant tal-UE għad-drittijiet tat-tfal; jissuġġerixxi li dan ir-rappreżentant ikollu responsabilità ċara u esklużiva għat-tfal, iservi bħala punt ta' referenza għall-kwistjonijiet kollha tal-UE u għall-oqsma ta' politika kollha relatati mat-tfal, u jiżgura approċċ konsistenti u kkoordinat għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u l-azzjonijiet kollha interni u esterni tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' ċentru tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal li jiżgura dan l-approċċ effettiv u kkoordinat u li jagħti rispons effettiv u kkoordinat għall-abbuż sesswali tat-tfal u għall-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal;

3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jitħares dejjem fil-leġiżlazzjoni kollha, fid-deċiżjonijiet kollha meħuda mir-rappreżentanti tal-gvernijiet fil-livelli kollha u fid-deċiżjonijiet kollha tal-qrati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki bil-għan li jtejbu l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-UE kollha;

4. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni l-ġdida li tippreżenta strateġija komprensiva ġdida dwar id-drittijiet tat-tfal; ifakkar fl-impenn tal-UE li tipproteġi d-drittijiet tat-tfal, kif minqux fl-Artikolu 3(3) tat-TUE, fl-Artikolu 24 tas-CFR, u fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp rivedut; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ta' appoġġ u protezzjoni tat-tfal kullimkien, mingħajr eċċezzjoni, inkluż baġit speċifiku u indikatur tat-tfal fl-allokazzjoni tal-baġits tal-Kummissjoni li tippermetti li l-investiment tal-UE fit-tfal jitkejjel u jiġi mmonitorjat u b'hekk jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora kif l-UE bħala korp tista' taċċedi għas-CRC;

6. Ifakkar li l-SDGs kollha huma relevanti fid-difiża tad-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas ambizzjuż u komprensiv għad-drittijiet tat-tfal għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jippermettihom jilħqu s-17-il SDG, b'mod partikolari billi twettaq l-SDG li l-aktar għandu rabta mat-tfal u billi tuża indikaturi tal-SDG li għandhom rabta diretta mad-drittijiet tat-tfal;

7. Ifakkar li t-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali kkawżati mill-attività tal-bniedem, inkluż it-tniġġis tal-arja, l-interferenti endokrinali u l-pestiċidi, għandhom effett ta' ħsara fuq it-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw ambjent san għat-tfal u jiġġieldu kontra l-effett negattiv tat-tibdil fil-klima, partikolarment bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

8. Jinnota li l-inugwaljanzi fost il-ġeneru għandhom impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tat-tfal; billi, minkejja l-progress notevoli li sar, il-kwistjoni tal-ġeneru tibqa' waħda mir-raġunijiet ewlenin ta' inugwaljanza, esklużjoni u vjolenza madwar id-dinja, u għandha impatt profond fuq it-tfal;

9. Jenfasizza li t-tfal huma konsumaturi vulnerabbli u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lit-tfal minn reklamar aggressiv, qarrieqi u intrużiv u minn tfassil ta' profili tat-tfal għal skopijiet kummerċjali, biex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri ta' servizzi tal-media u mill-fornituri ta' pjattaformi ta' video-sharing li jinsabu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jħeġġux imġiba li tippreġudika s-saħħa jew is-sikurezza tat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-ikel u x-xorb b'livell għoli ta' melħ, zokkor jew xaħam jew li b'xi mod ieħor ma jissodisfawx il-linji gwida nutrittivi nazzjonali jew internazzjonali;

10. Jilqa' l-fatt li l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida timplimenta approċċ ta' tolleranza żero fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal; jappella għal miżuri li jobbligaw lill-industriji jeliminaw it-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-prodotti li jiċċirkolaw fit-territorju tagħhom ma jkunux ġew prodotti bl-użu ta' xogħol furzat jew bit-tħaddim tat-tfal;

Il-politiki interni

Tmiem ta' kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal

11. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal, inklużi l-vjolenza fiżika, sesswali u l-abbuż verbali, il-vjolenza online u offline, iż-żwieġ furzat, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, it-traffikar tal-organi, it-tortura, it-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, ir-reklutaġġ, il-lieva u l-użu ta' tfal bħala suldati u tarki umani, it-tiċħid, it-traskuraġni u l-malnutrizzjoni, kif ukoll il-vjolenza psikoloġika u kull forma ta' bullying; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra m'għandhom qatt jintużaw biex jiġġustifikaw il-vjolenza fuq it-tfal; ifakkar ir-rwol importanti li l-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom fl-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal;

12. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi u tippenalizza l-piena korporali fuq it-tfal jew, fejn din diġà teżisti, jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħha;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu fuq strateġija nazzjonali u jdaħħlu fis-seħħ approċċ olistiku b'partijiet interessati multipli biex jeqirdu l-vjolenza sesswali u l-abbuż tat-tfal kemm online kif ukoll offline; jenfasizza li huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni mal-industrija u jistieden lill-kumpaniji tal-ICT u lill-pjattaformi online biex jassumu s-sehem tagħhom ta' responsabilità fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jvaraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali li jinfurmaw lit-tfal, b'mod adattat għalihom, dwar ir-riskji u t-theddid assoċjati mal-internet, flimkien ma' kampanji mmirati għall-ġenituri;

14. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ottubru 2019 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u jistieden lill-presidenzi attwali tal-Kunsill, u dawk futuri, biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jiżguraw li l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex jassistu aħjar lill-vittmi u jfasslu miżuri preventivi, investigattivi u ta' prosekuzzjoni effettivi biex jiżguraw li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/93/UE u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[9]; jistieden lill-Istati Membri li huma Stati Partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali (il-Konvenzjoni ta' Lanzarote) biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Lanzarote (il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Lanzarote);

16. Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda bla preċedent fir-rapporti ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) online u jiffaċċjaw sfidi enormi fil-ġestjoni tal-ammont ta' xogħol tagħhom, hekk kif qegħdin jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-użu ta' xbihat li juru l-iżgħar vittmi, li huma wkoll l-aktar vulnerabbli; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment, b'mod partikolari mill-industrija u mis-settur privat, fir-riċerka u l-iżvilupp u teknoloġiji ġodda maħsuba biex jidentifikaw is-CSAM online u jħaffu l-proċeduri ta' sospensjoni u ta' tneħħija;

17. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi netwerks tal-hotline, li jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal, bħall-Alleanza Globali WePROTECT;

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex itemmu l-abbuż sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi, jidentifikaw programmi speċifiċi għal trasgressuri potenzjali u joffru appoġġ aktar effettiv għall-vittmi;

19. Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Istrateġija "Internet Aħjar għat-Tfal" varata fl-2012[10];

L-investiment fit-tfal

20. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jinvestu f'servizzi pubbliċi għat-tfal, inklużi l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa, u b'mod partikolari jinvestu biex jestendu n-netwerk pubbliku ta' kindergartens, nurseries u servizzi ta' utilità pubblika li joffru attivitajiet ta' rikreazzjoni għat-tfal;

21. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw liġijiet għas-salvagwardja u t-tisħiħ tad-drittijiet għall-maternità u l-paternità bil-għan li jiġi pprovdut ambjent moralment pożittiv u stabbli għat-tfal, b'mod partikolari fl-ewwel xhur ta' ħajjithom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, billi l-kisba ta' bilanċ aħjar u aktar ġust bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jkollha impatt pożittiv fuq il-benesseri tat-tfal; ifakkar li t-tfal għandhom id-dritt li jkunu mal-ġenituri tagħhom u li jeħtieġu biżżejjed żmien flimkien u biżżejjed dħul biex jgħixu fis-sikurezza u fil-kuntentizza;

22. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex itemmu l-faqar tat-tfal billi jadottaw rakkomandazzjoni oħra tal-Kunsill dwar l-investiment fit-tfal, bil-għan li jaġġornaw u jtejbu l-qafas politiku tagħha ħalli jiggwidaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li t-tfal jikbru f'soċjetajiet inklużivi u prosperużi fejn ħadd ma jibqa' l-art, u billi jistabbilixxu miri fl-Aġenda 2030 tal-UE biex il-faqar tat-tfal jitnaqqas bin-nofs; itenni l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir ta' data diżaggregata sabiex jgħin fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress bil-għan li jintemmu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal;

23. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' riżorsi xierqa, il-ħolqien ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal, bil-għan li jitħeġġu riformi ta' politika nazzjonali sabiex jikkontribwixxu għall-aċċess ugwali tat-tfal għal kura tas-saħħa bla ħlas, edukazzjoni b'xejn, kura tat-tfal bla ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata sabiex jinqerdu l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali; ifakkar fl-importanza li d-drittijiet u l-benesseri tat-tfal jiġu introdotti bħala parametri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew u f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

24. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jinvestu fit-tfal u l-adolexxenti u jipprovdulhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa għas-suq tax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom li jirnexxu u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala aġenti tal-bidla fis-soċjetà;

25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'miżuri preventivi biex jindirizzaw il-fenomenu li qed jikber ta' disturbi tas-saħħa mentali fit-tfal[11] fis-sistemi nazzjonali tagħhom, u jiżguraw li l-iskejjel ikunu ffinanzjati b'mod suffiċjenti biex jipprovdu konsulenza u li l-għalliema jkunu mħarrġa b'mod adegwat;

26. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu b'mod espliċitu lit-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni bħall-istrateġija Ewropea tad-diżabilità, il-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

Edukazzjoni

27. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għal kull tifel u tifla;

28. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku għall-edukazzjoni, li jfittex li jagħti s-setgħa lit-tfal biex jużaw it-tagħlim akkademiku tagħhom bħala bażi għall-iżvilupp emozzjonali u soċjali tagħhom, u li jfittex li jinkludi wkoll tkabbir psikoloġiku, soċjali u emozzjonali; jenfasizza l-importanza tal-kreattività, l-arti u l-kultura fl-edukazzjoni;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri li jiġġieldu u jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u li jiżguraw aċċess ekwu bejn il-ġeneri għal edukazzjoni ta' kwalità minn età bikrija sal-adolexxenza, inkluż għal tfal b'diżabilità, tfal emarġinati u tfal li jgħixu f'żoni milquta minn emerġenzi umanitarji jew ta' tip ieħor;

30. Jenfasizza li l-inklużività u l-innovazzjoni għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-era diġitali; huwa tal-opinjoni li t-teknoloġiji diġitali m'għandhomx isaħħu l-inugwaljanzi eżistenti, iżda minflok għandhom jintużaw biex jingħalaq id-distakk diġitali bejn l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi u reġjuni differenti tal-UE; jenfasizza li approċċ ibbażat fuq l-inklużjoni jrid jieħu vantaġġ mill-potenzjal sħiħ tar-riżorsi pprovduti minn teknoloġiji diġitali ġodda, inklużi l-edukazzjoni personalizzata u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, u li, permezz ta' dan, jista' jippermetti aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għall-persuni minn gruppi żvantaġġati u dawk b'inqas opportunitajiet, inkluż billi jappoġġa l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati, kif ukoll tal-minoranzi;

31. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għal edukazzjoni inklużiva u jiżguraw l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u adattata skont l-età dwar is-sess u s-sesswalità, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-edukazzjoni dwar ir-relazzjoni għaż-żgħażagħ fl-iskejjel, b'mod partikolari fid-dawl ta' miżuri meħuda minn ċerti pajjiżi li jipprojbixxu lill-iskejjel milli jittrattaw is-suġġetti tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

Ġustizzja adattata għat-tfal/aċċess għall-ġustizzja għat-tfal

32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu malajr u b'mod effettiv, u jimplimentaw b'mod sħiħ, id-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali[12];

33. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal[13]; jenfasizza li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal f'kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja, u li d-dritt tat-tfal li jinstemgħu għandu jingħata dejjem skont l-Artikolu 12 tas-CRC; ifakkar li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji speċifiċi għat-tfal li jiġu f'kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja, inkluż fi kwistjonijiet tal-familja bħad-divorzju jew l-adozzjoni, kif ukoll kwistjonijiet amministrattivi;

It-tfal migranti

34. Ifakkar li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal u l-migrazzjoni;

35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għat-tfal kollha fil-migrazzjoni, u b'mod partikolari għat-tfal mhux akkumpanjati fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jindirizzaw is-sitwazzjoni preokkupanti attwali tat-tfal fil-hotspots tal-migranti tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-azzjoni biex tintemm id-detenzjoni ta' tfal migranti madwar l-UE, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti[14], u biex jinstabu alternattivi bbażati fuq il-komunità għad-detenzjoni, kif ukoll tingħata prijorità lill-integrazzjoni, l-edukazzjoni u l-appoġġ psikoloġiku;

36. Jenfasizza li tfal mhux akkumpanjati huma fuq kollox tfal li huma potenzjalment fil-periklu, u li meta l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jittrattaw mat-tfal, il-prinċipju ewlieni għandu jkun il-protezzjoni tat-tfal pjuttost milli l-politiki tal-migrazzjoni, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju ewlieni tal-aħjar interessi tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE[15] u jitlob lill-Kummissjoni ġġedded il-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014);

37. Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja b'mod pożittiv, uman u bil-ħeffa, skont l-Artikolu 10 tas-CRC;

38. Jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tfal qed ikomplu jitwieldu mingħajr stat, inkluż fl-UE, u qed ikomplu jiġu esklużi mill-aċċess għad-drittijiet bażiċi, inklużi l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni ta' tfal apolidi fl-UE u barra minnha, f'konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aċċess universali għar-reġistrazzjoni tat-twelid u d-dritt tat-tfal li jiksbu ċittadinanza, bil-ħsieb li jintemm ir-riskju tal-apolidija;

Tfal vulnerabbli

39. Jistieden lill-Istati Membri jittrattaw kull tifel u tifla, l-ewwel u qabel kollox, bħala tfal, irrispettivament mill-isfond soċjali jew etniku tagħhom, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, il-kapaċità jew l-istatus tal-migrazzjoni;

40. Jenfasizza l-importanza għall-Istati Membri li jwettqu approċċ intersezzjonali għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni li jaffettwaw lit-tfal, b'kont meħud tal-vulnerabilitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk ta' tfal b'diżabilità, tfal migranti, tfal bi sfond ta' migrazzjoni, tfal minn minoranzi u gruppi reliġjużi, tfal LGBTI, tfal ta' ġellieda barranin, tfal f'detenzjoni, tfal ta' ġenituri l-ħabs, tfal ta' ġenituri LGBTI, tfal f'kustodja u tfal mingħajr stat jew mingħajr dokumenti, li huma esposti b'mod sproporzjonat għal diskriminazzjoni minħabba diversi raġunijiet u għalhekk jeħtieġu approċċ speċjalizzat biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom; Jitlob lill-Istati Membri biex finalment jadottaw id-Direttiva Orizzontali dwar id-diskriminazzjoni;

41. Jiddeplora l-forom kollha ta' vjolenza sessista u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw miżuri konkreti biex itemmu ż-żwieġ tat-tfal, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki oħra ta' ħsara li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra t-tfal; Jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jagħtu segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 intitolata "Lejn strateġija esterna tal-UE kontra ż-żwiġijiet prekoċi u furzati – il-passi li jmiss", u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar tolleranza żero għall-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF)[16];

42. Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal b'diżabilità; jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza kontrihom, inkluża l-vjolenza kkawżata minn trattament ħażin jew minn kura mhux xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal b'diżabilità jkollhom aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità biex ikunu jistgħu jiksbu l-ogħla livell ta' indipendenza u integrazzjoni soċjali, kif ukoll aċċess għall-kura; għalhekk jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw l-istandards stabbiliti fis-CRC, fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni, u fil-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal;

43. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tiġi evitata separazzjoni tal-familja bla bżonn, u li s-servizzi bbażati fuq il-familja u l-komunità jissaħħu biex jippermettu li t-tfal kollha jikbru fil-familji u l-komunitajiet u mhux fl-istituzzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-fondi tal-UE biex tappoġġa t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fuq il-komunità, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE;

44. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal fil-ħabs jiġu ttrattati b'mod li jqis l-aħjar interessi tagħhom; ifakkar li t-tfal fid-detenzjoni għandhom jirċievu kura, protezzjoni u kwalunkwe għajnuna individwali meħtieġa – soċjali, edukattiva, vokazzjonali, psikoloġika, medika u fiżika – li jistgħu jeħtieġu fid-dawl tal-età, il-ġeneru u l-personalità tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal detenuti jżommu kuntatt regolari u sinifikanti mal-ġenituri, il-familja u l-ħbieb tagħhom permezz ta' żjarat u korrispondenza;

45. Jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta' tfal neqsin fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tat-tfal sabiex jidentifikaw, jillokalizzaw u jipproteġu tfal neqsin filwaqt li jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu dejjem kunsiderazzjoni primarja; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw mingħajr dewmien l-obbligu li jipprovdu finanzjament adegwat biex jiggarantixxu l-kontinwità u l-kwalità tal-operat ta' hotlines għat-tfal neqsin madwar l-UE, kif mitlub mill-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi adottat fl-2018;

46. Ifakkar fl-importanza kruċjali li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniet u s-subien kollha li huma vittmi tat-traffikar, irrispettivament mill-istatus taċ-ċittadinanza tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE kontra t-Traffikar b'enfasi speċjali fuq miżuri preventivi; jenfasizza l-importanza għall-Istati Membri li jżidu l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-vittmi tat-traffikar u biex jeqirdu r-reat innifsu, kif ukoll biex jiġġieldu kontra l-impunità li għadha prevalenti fost it-traffikanti, dawk li jisfruttaw, dawk li jagħmlu l-profitti u dawk li jabbużaw, inkluż billi jiġi kkriminalizzat l-użu ta' servizzi akkwistati mill-vittmi tat-traffikar għal kull forma ta' sfruttament;

Parteċipazzjoni tat-tfal

47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Bucharest dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal[17]; jenfasizza li l-kultura ta' parteċipazzjoni tat-tfal tista' tinbena fil-livelli kollha – tal-familja, tal-komunità, lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew – u tista' ġġib benefiċċji fuq perjodu qasir u twil għas-soċjetà;

48. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-leġiżlazzjoni tagħhom u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni joħolqu mekkaniżmi li jagħmlu sens għall-parteċipazzjoni tat-tfal, bħal kunsilli tat-tfal, fil-ħidma tal-assemblej parlamentari Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari f'oqsma ewlenin ta' politika;

49. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lit-tfal fil-proċess ta' konsultazzjoni fid-dawl tal-Konferenza għall-Futur tal-Ewropa;

50. Ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar is-sinifikat tal-azzjonijiet ta' mobilizzazzjoni kontra t-tibdil fil-klima mmexxija minn tfal u żgħażagħ, li jkunu kruċjali biex jinfluwenzaw l-aġenda politika Ewropea u jkunu eżempju tajjeb ta' kif it-tfal qed isiru dejjem aktar involuti fil-politiki pubbliċi u dejjem aktar kapaċi jesprimu r-rieda tagħhom li jkollhom vuċi bħala ċittadini kkonċernati li jġibu magħhom il-bidla;

Politiki esterni

51. Jistieden lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx is-CRC u l-protokolli addizzjonali tagħha biex jagħmlu dan b'mod urġenti;

52. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi, bil-għan li jqajmu kuxjenza u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tat-tfal kullimkien fid-dinja u li ma jħallu lill-ebda tifel u tifla l-art; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu ma' pajjiżi sħab u jappoġġaw l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni, politiki, baġits u programmi ta' azzjoni li jinkludu t-tfal kollha u li jinkludu l-identifikazzjoni ta' kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza – inklużi dawk ibbażati fuq l-età, il-ġeneri u d-diżabilità li qed ixekklu lit-tfal individwali u lill-gruppi ta' tfal milli jwettqu d-drittijiet tagħhom – u li jieħdu jew jippromwovu l-azzjonijiet meħtieġa biex ineħħu dawn l-ostakli u jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal kollha jingħataw kunsiderazzjoni primarja;

53. Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal fl-azzjoni esterna kollha tal-UE sabiex tiżgura l-integrazzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal, inkluż fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehimiet internazzjonali u kummerċjali, il-proċess ta' adeżjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, u fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jappella lill-VP/RGħ biex, kull sena, tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal;

54. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-azzjonijiet tagħha fir-rigward tal-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja sabiex tiżgura finanzjament adegwat u żżid il-livell ta' protezzjoni għal tfal milquta minn kunflitti, emerġenzi jew diżastri kkawżati mill-bniedem jew naturali, tfal spostati internament u migranti tfal u rifuġjati, u biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tagħhom jiġu rispettati;

55. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw soluzzjonijiet sistemiċi biex jindirizzaw il-faqar interġenerazzjonali; jenfasizza li huwa ta' importanza vitali li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 il-ġdid jirrifletti l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, permezz tal-azzjonijiet esterni tagħha; jissottolinja l-importanza ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bħala strument ewlieni biex jinqered il-faqar u jfakkar fl-impenji rispettivi tal-ODA tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż l-impenn għall-mira li jintnefqu 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) fuq l-ODA;

56. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw u jiggarantixxu aċċess ugwali għal servizzi bażiċi u edukazzjoni f'postijiet affettwati minn emerġenzi bħal kunflitti u diżastri naturali; jenfasizza l-fatt li aċċess għall-edukazzjoni jista' jipproteġi lit-tfal mill-perikli fiżiċi ta' madwarhom,  inklużi l-abbuż, l-isfruttament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, u r-reklutaġġ u l-użu mill-forzi armati u l-gruppi armati, u li l-edukazzjoni tibbenefika lil komunitajiet sħaħ, issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, tnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza u żżid il-kapaċità tal-individwi li jgħixu ħajja b'saħħitha, jipparteċipaw fis-soċjetà u jirrestawraw il-paċi u l-istabilità;

57. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar it-tmiem taż-żwieġ tat-tfal; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha japplikaw standards legali unifikati fir-rigward tal-proċedura biex jiġu indirizzati ż-żwiġijiet tat-tfal, jikkooperaw ma' pajjiżi terzi, u jipprovdu taħriġ u assistenza teknika biex jgħinu bl-adozzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwieġ prekoċi u furzat, inkluża età minima għaż-żwieġ; jitlob lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-età minima għaż-żwieġ u n-nuqqas ta' rikonoxximent taż-żwieġ tat-tfal migranti li jaslu fl-Ewropa, u jadottaw miżuri nazzjonali li jipprevjenu l-ivvjaġġar barra mill-pajjiż ta' tfal għall-iskop ta' żwieġ barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiddedika Sena Ewropea għall-ġlieda kontra ż-żwiġijiet tat-tfal, dawk prekoċi u dawk furzati;

58. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta' standards vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar id-diliġenza dovuta ambjentali fin-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali tagħhom biex iwaqqfu t-tħaddim tat-tfal;

It-tfal u l-kunflitti armati

59. Jistieden lill-VP/RGħ tqajjem b'mod sistematiku s-suġġett tal-ksur serju kontra t-tfal ma' partijiet f'kunflitti, speċjalment dawk imsemmija fir-rapport annwali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jindirizzaw l-impatt fuq perjodu qasir, medju u twil tal-kunflitt armat fuq it-tfal b'mod effettiv u komprensiv billi jużaw il-varjetà ta' għodod disponibbli, inklużi linji gwida tal-UE ġodda u msaħħa dwar it-tfal u l-kunflitti armati;

60. Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ u tiżgura finanzjament adegwat u fit-tul għal programmi ta' riabilitazzjoni u riintegrazzjoni għal tfal milquta minn kunflitti, u tipprovdilhom ambjent protett li fih il-kura u l-appoġġ psikoloġiku u l-edukazzjoni jkunu fundamentali, b'enfasi speċjali fuq l-isfidi partikolari tal-bniet fid-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

61. Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja tat-tfal ta' ġellieda barranin miżmuma fil-Grigal tas-Sirja u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrimpatrijaw lit-tfal Ewropej kollha, filwaqt li jqisu s-sitwazzjonijiet familjari speċifiċi tagħhom u l-aħjar interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tagħhom; jiddeplora n-nuqqas ta' azzjoni meħuda s'issa mill-Istati Membri tal-UE u n-nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE;

62. Huwa estremament allarmat bin-numru kbir ta' qtil u mutilazzjonijiet ivverifikati ta' tfal f'kunflitti armati; itenni li t-tfal ikomplu jintużaw bħala armi, qattiela suwiċidi bil-bombi, skjavi sesswali u tarki umani, u huma sfurzati jieħdu rwoli attivi fil-ġlied; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' tfal f'kunflitti armati; jinnota li l-kunflitti kkawżaw mijiet ta' vittmi fost it-tfal, ta' spiss bħala riżultat tal-attakki mwettqa deliberatament kontra l-popolazzjonijiet ċivili u l-infrastruttura umanitarja; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, biex jevitaw milli jbigħu armi u tagħmir militari lil kwalunkwe parti f'dawn il-kunflitti;

°

° °

63. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

[2] ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0201

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0128.

[5] Rapport FRA intitolat ‘Combating child poverty: an issue of fundamental rights‘, https://fra.europa.eu/en/publication/2018/child-poverty

[6] Rapport tad-WHO intitolat "Air pollution and child health, prescribing clear air", 2018, https://www.who.int/ceh/publications/Advance-copy-Oct24_18150_Air-Pollution-and-Child-Health-merged-compressed.pdf?ua=1

[9] ĠU C 369, 11.10.2018, p. 96.

[11] Id-WHO tistma li fl-2016 mietu 62 000 adolexxent mill-awtoleżjoni, li issa hija t-tielet kawża ewlenija ta' mewt għall-adolexxenti bejn it-18 u d-19-il sena.

 

[12] ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.

[15] ĠU C 93, 9.3.2016, p. 165.

[16] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 26.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Novembru 2019Avviż legali