Proċedura : 2019/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0234/2019

Testi mressqa :

B9-0234/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2019 - 13.6
CRE 18/12/2019 - 13.6

Testi adottati :

P9_TA(2019)0101

<Date>{11/12/2019}11.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0234/2019</NoDocSe>
PDF 189kWORD 57k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI</Titre>

<DocRef>(2019/2933(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Maria Walsh, Roberta Metsola</Depute>

<Commission>{PPE}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Delara Burkhardt, Birgit Sippel, Claude Moraes, Sylwia Spurek, Łukasz Kohut, Robert Biedroń, Sylvie Guillaume, Raphaël Glucksmann</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Sophia in ’t Veld, Moritz Körner, Maite Pagazaurtundúa, Anna Júlia Donáth, Michal Šimečka, Abir Al‑Sahlani, Olivier Chastel, Hilde Vautmans, Frédérique Ries, Irène Tolleret, Naomi Long, Liesje Schreinemacher, Jan‑Christoph Oetjen, Fabienne Keller, Ramona Strugariu</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Terry Reintke, Kira Marie Peter‑Hansen, Henrike Hahn, Katrin Langensiepen, Diana Riba i Giner, Gwendoline Delbos‑Corfield, Petra De Sutter, Saskia Bricmont, Alexandra Geese, Francisco Guerreiro, Kim Van Sparrentak, Marie Toussaint, Tineke Strik, Erik Marquardt, Monika Vana, Rasmus Andresen, Alice Kuhnke</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Malin Björk, Manon Aubry, Younous Omarjee, Manuel Bompard, Pernando Barrena Arza, Martin Buschmann, Leila Chaibi, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis, Idoia Villanueva Ruiz, Konstantinos Arvanitis, Niyazi Kizilyürek, Petros Kokkalis</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9-0234/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI

(2019/2933(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU (UNCRC),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Yogyakarta (dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'Rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru) adottati f'Novembru 2006 u l-10 prinċipji komplementari tagħhom (YP+10, Prinċipji Addizzjonali u Obbligi tal-Istat dwar l-Applikazzjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess) adottati fl-10 ta' Novembru 2017,

 wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2019 dwar il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2024)[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU[5],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE[8],

 wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-LGBT fl-UE mniedi mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2012,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;

B. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jonoraw l-obbligi u d-dmirijiet taħt id-dritt internazzjonali u t-Trattati tal-UE li jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet fundamentali;

C. billi r-riċerka, l-istħarriġ u r-rapporti[9] juru li d-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI qed jiżdiedu madwar l-UE; billi fl-UE qed jiżdiedu d-delitti ta' mibegħda mmotivati mil-fobija mil-LGBTI; billi dawn l-attakki jiksru d-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI u r-rispons mill-awtoritajiet pubbliċi spiss ikun inadegwat;

D. billi l-attakki fuq id-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI jirrappreżentaw theddida serja għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-UE, u billi dawn l-attakki spiss ikunu akkumpanjati minn attakki fuq id-drittijiet tan-nisa u tal-minoranzi;

E. billi d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI minn awtoritajiet pubbliċi għandu impatt usa' fil-leġittimizzazzjoni u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-persekuzzjoni, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI fis-soċjetà kollha kemm hi;

F. billi s-sikurezza tal-komunità LGBTI mhijiex separata mis-sikurezza ta' dawk kollha li jgħixu fl-Ewropa, u l-erożjoni ta' dik is-sikurezza hija markatur tal-erożjoni tad-drittijiet fundamentali kollha; billi r-retorika ksenofobika kkontribwiet ukoll għall-ħolqien ta' ambjent kull ma' jmur inqas sikur u mhux sostenibbli għall-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu d-drittijiet tal-persuni LGBTI;

G. billi hemm reazzjoni negattiva kontra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u lil hinn minnha li hija mmirata u għandha impatt dirett fuq persuni LGBTI, flimkien man-nisa b'mod ġenerali; billi din ir-rigressjoni ġiet xprunata mill-populiżmu u mill-estremiżmu tal-lemin estrem;

H. billi għadha tippersisti fl-UE kollha l-istigmatizzazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess attwali jew perċepiti;

I. billi hemm nuqqas serju ta' monitoraġġ sistematiku, dokumentazzjoni u ġbir ta' data dwar il-mibegħda u l-vjolenza kontra persuni LGBTI;

J. billi għad hemm wisq delitti fobiċi fil-konfront tal-LGBTI li ma jiġux irrappurtati; billi r-rappurtar iġorr miegħu r-riskju u l-biża' tad-divulgazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess u l-espressjoni tal-ġeneru tal-persuna;

K. billi miżuri legali kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza jinsabu fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; billi, madankollu, l-implimentazzjoni għadha insuffiċjenti, u dan iħalli lill-persuni LGBTI vulnerabbli għal delitti ta' mibegħda, diskors ta' mibegħda u diskriminazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u l-akkomodazzjoni;

L. billi ħafna attakki mwettqa minn awtoritajiet pubbliċi kontra persuni LGBTI kellhom fil-mira istituzzjonijiet edukattivi u skejjel; billi dan huwa ta' detriment b'mod partikolari għaż-żgħażagħ LGBTI;

M. billi l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jaqgħu taħt id-dritt ta' individwu għall-privatezza, iggarantit mid-dritt internazzjonali, Ewropew u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu promossi mill-awtoritajiet pubbliċi[10];

N. billi l-libertà ta' espressjoni għandha tiġi ggarantita għall-midja, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-individwi;

O. billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra persuni LGBTI ħadu diversi forom, b'eżempji reċenti li jinkludu attakki fuq ċentri soċjali LGBTI f'diversi Stati Membri, dikjarazzjonijiet omofobi u diskors ta' mibegħda mmirat lejn persuni LGBTI, b'mod partikolari fil-kuntest ta' elezzjonijiet, u strumenti legali li jistgħu jiġu applikati biex jirrestrinġu l-midja, l-edukazzjoni u l-aċċess għal forom oħra ta' kontenut b'mod li jillimita bla bżonn il-libertà ta' espressjoni rigward kwistjonijiet LGBTI;

P. billi, sa mill-bidu tal-2019, fil-Polonja kien hemm aktar minn 80 każ fejn reġjuni, kontej jew muniċipalitajiet għaddew riżoluzzjonijiet li bihom jiddikjaraw lilhom infushom ħielsa mill-hekk imsejħa ''ideoloġija LGBT'', jew adottaw ''Karti Reġjonali tad-Drittijiet tal-Familja'' jew dispożizzjonijiet ewlenin minn tali karti li jiddiskriminaw b'mod partikolari kontra familji b'ġenitur wieħed u familji LGBTI; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet jitolbu lill-gvernijiet lokali jżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tinkoraġġixxi t-tolleranza ta' persuni LGBTI, milli jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-NGOs li jaħdmu biex jippromwovu drittijiet ugwali, jorganizzaw edukazzjoni kontra d-diskriminazzjoni jew b'xi mod ieħor jappoġġaw lill-persuni LGBTI; billi dawn ir-riżoluzzjonijiet huma parti minn kuntest usa' ta' attakki kontra l-komunità LGBTI fil-Polonja, li jinkludu diskors ta' mibegħda kull ma' jmur jiżdied minn uffiċjali pubbliċi u eletti u mill-midja pubblika, kif ukoll attakki u projbizzjonijiet fuq Pride marches u programmi ta' sensibilizzazzjoni u azzjonijiet bħar-Rainbow Friday;

Q. billi skont l-Istħarriġ tal-FRA dwar l-LGBT fl-UE[11], 32 % ta' dawk li wieġbu ħassewhom diskriminati f'oqsma barra mill-impjieg, bħall-edukazzjoni; billi r-riskju ta' suwiċidju fost it-tfal LGBTI huwa ogħla minn dak fost it-tfal mhux LGBTI; billi l-edukazzjoni inklużiva hija essenzjali għall-ħolqien ta' ambjenti tal-iskola li huma sikuri u li fihom it-tfal kollha jistgħu jirnexxu, inklużi dawk li jappartjenu għal minoranzi, bħat-tfal LGBTI u t-tfal minn familji LGBTI; billi l-vittmi primarji tal-attakki kontra d-drittijiet tal-LGBTI huma tfal u żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali u ċentri urbani iżgħar, li huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u spiss jiffaċċjaw rifjut u inċertezza, u għalhekk jeħtieġu appoġġ u assistenza speċjali minn istituzzjonijiet governattivi statali u lokali jew NGOs;

R. billi n-nuqqas ta' liġi dwar in-nondiskriminazzjoni f'ħafna Stati Membri jqiegħed il-popolazzjonijiet l-aktar marġinalizzati f'riskju ta' diskriminazzjoni u vjolenza; billi d-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni għandha timla din il-lakuna fil-protezzjoni iżda ilha 11-il sena wieqfa fil-Kunsill; billi hemm lakuna leġislattiva fil-protezzjoni minn delitti mmotivati mill-preġudizzju bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-UE u f'ħafna Stati Membri;

S. billi l-persuni jaf ikunu esposti għal diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali; billi l-politiki mmirati lejn bażi waħda ta' diskriminazzjoni għandhom jagħtu widen għas-sitwazzjoni ta' gruppi speċifiċi li hemm probabilità li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla li tista' tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-età, ir-razza, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru jew id-diżabilità;

T. billi l-persuni LGBTI jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza madwar id-dinja;

1. Ifakkar li d-drittijiet LGBTI huma drittijiet fundamentali, u li għalhekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiddefenduhom u jipproteġuhom f'konformità mat-Trattati u mal-Karta, kif ukoll mad-dritt internazzjonali;

2. Jesprimi tħassib serju dwar in-numru dejjem jikber ta' attakki kontra l-komunità LGBTI li jistgħu jiġu osservati fl-UE, li ġejjin mill-istati, uffiċjali tal-istat, gvernijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u politiċi;

3. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI u d-drittijiet fundamentali tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi, inkluż id-diskors ta' mibegħda minn uffiċjali eletti, fil-kuntest tal-elezzjonijiet, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet riċenti ta' żoni fil-Polonja ħielsa mill-hekk imsejħa "ideoloġija LGBT", u jistieden lill-Kummissjoni tikkundanna bil-qawwa dawn id-diskriminazzjonijiet pubbliċi;

4. Jiddispjaċih mill-fatt li l-persuni LGBTI iġarrbu bullying u fastidju li jibda fl-iskola u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet konkreti biex itemmu d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, li tista' twassal għal bullying, abbuż jew iżolazzjoni tagħhom, b'mod partikolari f'ambjenti edukattivi; jiddenunzja bil-qawwa l-fatt li l-iskejjel f'xi Stati Membri huma mxekkla mill-awtoritajiet pubbliċi milli jissodisfaw ir-rwol tagħhom li jippromwovu d-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tal-persuni LGBTI u jfakkar li l-iskejjel mhux biss għandhom ikunu postijiet sikuri, iżda wkoll postijiet li jsaħħu u jħarsu d-drittijiet fundamentali tat-tfal kollha; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sesswalità, b'mod partikolari għall-bniet u ż-żgħażagħ LGBTI, li huma partikolarment milquta minn normi inġusti tal-ġeneri; jenfasizza li tali edukazzjoni trid tinkludi t-tagħlim taż-żgħażagħ dwar ir-relazzjonijiet abbażi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kunsens u r-rispett reċiproku bħala mod kif jiġu prevenuti u miġġielda l-isterjotipi tas-sessi, il-fobija mill-LGBTI u l-vjolenza sessista;

5. Ifakkar li l-fobija mill-LGBTI fl-avvenimenti sportivi għadha komuni u li l-miżuri biex jiġġieldu kontriha għadhom skarsi; jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod speċjali kif l-omofobija fl-isport taffettwa żgħażagħ LGBTI sabiex tittejjeb l-inklużjoni u tiżdied is-sensibilizzazzjoni;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiżgura l-libertà ta' moviment għall-familji kollha, inklużi familji LGBTI, f'konformità mas-sentenza ta' Ġunju 2018 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kawża Coman[12];

7. Jinsab imħasseb minħabba r-razziżmu u ksenofobija li qed jiżdiedu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-ħidma dwar l-iskambju tal-aħjar prattiki, u biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija u forom oħra ta' intolleranza, bl-inklużjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili u l-kontribut tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-FRA;

8. Jikkundanna l-inċidenti ta' delitti ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda mmotivati mir-razziżmu, mill-ksenofobija, mill-intolleranza reliġjuża, jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess jew l-istatus ta' minoranza ta' persuna, li jseħħu ta' kuljum fl-UE; jiddeplora l-livelli dejjem jiżdiedu ta' diskorsi ta' mibegħda minn ġewwa ċerti awtoritajiet pubbliċi, partiti politiċi u l-midja; jistieden lill-UE tagħti l-eżempju billi topponi d-diskors ta' mibegħda fl-istituzzjonijiet tagħha; jinsab imħasseb dwar il-preżenza dejjem tikber tad-diskors ta' mibegħda fuq l-internet u jirrakkomanda lill-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri sempliċi li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jirrapportaw il-preżenza ta' kontenut ta' mibegħda fuq l-internet;

9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rappurtar tad-delitti ta' mibegħda mill-vittmi minħabba nuqqas ta' salvagwardji u n-nuqqas tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u sabiex jiksbu l-kundanna għal delitti ta' mibegħda fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu għodod u mekkaniżmi għar-rapportar ta' delitti ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda, u jiżguraw li kwalunkwe każ ta' delitt ta' mibegħda jew diskors ta' mibegħda allegat jiġi investigat b'mod effettiv, imressaq il-qorti u proċessat;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet ġudizzjarji, u għall-aġenziji rilevanti tal-UE, bil-għan tal-prevenzjoni u l-indirizzar tal-prattiki diskriminatorji u d-delitti ta' mibegħda;

11. Jirrikonoxxi li, fin-nuqqas ta' data komparabbli u diżaggregata dwar l-ugwaljanza miġbura mill-Istati Membri, il-firxa sħiħa tal-inugwaljanza fl-UE għadha mhux magħrufa; iqis il-ġbir ta' tali data mill-Istati Membri bħala essenzjali għat-tfassil ta' politiki sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' data affidabbli u komparabbli dwar l-ugwaljanza li tista' tipprovdi miżuri dwar id-diskriminazzjoni, diżaggregata skont ir-raġunijiet ta' diskriminazzjoni, sabiex tinforma lil min ifassal il-politiki; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jiddefinixxu prinċipji konsistenti għall-ġbir ta' data dwar l-ugwaljanza, ibbażati fuq l-awtoidentifikazzjoni, l-istandards tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-konsultazzjoni tal-komunitajiet rilevanti;

12. Jikkundanna kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal aġenda li tiżgura drittijiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha, filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, u tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti għall-persuni LGBTI; jilqa', f'dan ir-rigward, il-lista ta' azzjonijiet li ħejjiet il-Kummissjoni biex isir progress fil-qasam tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTI, inkluża l-kampanja ta' komunikazzjoni tagħha biex jiġu miġġielda l-isterjotipi u tittejjeb l-aċċettazzjoni soċjali tal-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jinnota li r-riċerka fuq il-post tal-FRA turi li l-uffiċjali pubbliċi jqisu li d-dritt u l-politika tal-UE jikkostitwixxu mutur ewlieni li jappoġġa l-isforzi nazzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTI;

13. Ifakkar fil-ġurisprudenza tal-QEDB dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw lill-persuni LGBTI dwar id-drittijiet tagħhom b'mod sħiħ;

14. Itenni l-appelli tiegħu għal mekkaniżmu komprensiv, permanenti u oġġettiv tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; jissottolinja li tali mekkaniżmu huwa meħtieġ b'mod aktar urġenti issa milli kien qatt qabel; itenni l-ħtieġa ta' valutazzjoni imparzjali u regolari tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-qafas taċ-ċiklu ta' rieżami tal-istat tad-dritt li hija ħabbret;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jużaw l-għodod u l-proċeduri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa u xierqa tal-prinċipji u l-valuri tat-Trattat, bħall-proċeduri ta' ksur, il-proċeduri baġitarji, il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt u l-proċedura taħt l-Artikolu 7, inklużi dawk li għaddejjin bħalissa;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-flussi ta' finanzjament tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE, u biex tidħol fi djalogi regolari mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex tfakkar lill-partijiet ikkonċernati fl-impenn tagħhom għan-nondiskriminazzjoni u li tali fondi ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jintużaw għal finijiet diskriminatorji; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tindirizza ksur ċar u dirett tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari l-projbizzjoni tal-ordni lil persuna biex tipprattika diskriminazzjoni skont id-Direttiva 2000/78/KE, mill-kunsilli lokali li qed jadottaw regolamenti li jattakkaw id-drittijiet tal-LGBTI;

17. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija tal-UE dwar l-LGBTI li tqis it-talbiet preċedenti tal-Parlament, tiżgura kontinwità u segwitu qawwi għall-ħidma tal-Kummissjoni preċedenti bil-lista ta' azzjonijiet li tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza tal-LGBTI;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura b'mod effikaċi li kulħadd ikollu protezzjoni legali indaqs u b'saħħitha għar-raġunijiet kollha inklużi fl-Artikolu 19 tat-TFUE u li tittratta dan bħala prijorità; jitlob lill-Kunsill minnufih jiżblokka u jikkonkludi n-negozjati fuq id-direttiva orizzontali dwar in-nondiskriminazzjoni u jilqa' l-impenji l-ġodda tal-Kummissjoni f'dan il-qasam;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-investigazzjoni ta' delitti bbażati fuq il-mibegħda, bħad-delitti mmotivati mill-fobija mill-LGBTI, u tappoġġa lill-vittmi; jinnota li xi Stati Membri estendew il-protezzjoni mogħtija lil vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra, bħall-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess, meta jimplimentaw id-deċiżjoni qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, u jinkoraġġixxi tali estensjonijiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi, wara valutazzjoni tal-impatt, id-deċiżjoni qafas attwalment fis-seħħ, bil-għan li tinkludi l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru, tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi tas-sess;

20. Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, jikkunsidra li jieħu azzjoni, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, b'reazzjoni għall-iżvilupp ta' żoni ħielsa mill-hekk imsejħa "ideoloġija LGBT" fil-Polonja;

21. Jappoġġa l-ħidma tal-UE fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni esterna tagħha, inklużi d-drittijiet tal-LGBTI; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li dalwaqt se jiġi adottat, iżomm l-impenji qawwija tiegħu u jiffoka fuq kwistjonijiet LGBTI matul il-ħames snin li ġejjin, kif għamel bejn l-2015 u l-2019;

22. Jistieden lill-Istati Membri kollha jirrispettaw id-dmir tagħhom li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi ta' persuni LGBTI, mingħajr eċċezzjoni, fil-livelli nazzjonali u lokali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri pożittivi biex iżidu l-aċċettazzjoni soċjali fir-rigward tal-komunità LGBTI;

23. Jistieden lill-Polonja tikkundanna b'mod sod id-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, inkluż meta toriġina mill-awtoritajiet lokali, u tirrevoka riżoluzzjonijiet li jattakkaw id-drittijiet tal-LGBTI, inklużi d-dispożizzjonijiet lokali kontra l-"ideoloġija LGBT", f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħha kif ukoll mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali;

24. Jistieden lill-Istati Membri jissorveljaw id-diskors ta' mibegħda mill-awtoritajiet pubbliċi u minn uffiċjali eletti, kif ukoll waqt elezzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u jieħdu miżuri sodi u konkreti u sanzjonijiet kontrih;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

 

 

[1] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

[2] ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0129.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

[5] Testi Adottati, P9_TA(2019)0066.

[6] Testi adottati, P8_TA(2019)0111.

[7] Testi Adottati, P9_TA(2019)0058.

[8] ĠU C 390, 18.11.2019, p. 19.

[9] Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali, FRA, 2019, https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2019-fundamental-rights-report-2019_en.pdf; Stħarriġ dwar l-LGBT fl-UE, FRA; Rapport Rainbow Europe 2019, ILGA-Europe, https://www.ilga-europe.org/rainboweurope/2019

[10] Il-Kawża tal-QEDB S. u Marper vs ir-Renju Unit, tal-4 ta' Diċembru 2008 (Numri tar-Rikors 30562/04 u 30566/04), paragrafu 66, https://hudoc.echr.coe.int/eng#{''itemid'':[''001-90051'']}; Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, 17 ta' Lulju 2014 għall-kawżi magħquda C‑148/13, C-149/13 u C‑150/13, paragrafi 38 u 39, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=155164&text=%2522gender%2Bidentity%2522&dir=&doclang=MT&part=1&occ=first&mode=DOC&pageIndex=0&cid=7397244#ctx1

[11] Stħarriġ tal-FRA dwar l-LGBT fl-UE, sommarju tar-riżultati, https://fra.europa.eu/en/publications-and-resources/infographics/eu-lgbt-survey

[12] ECLI:UE:C:2018:385.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza