Proċedura : 2019/2990(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0038/2020

Testi mressqa :

B9-0038/2020

Dibattiti :

PV 15/01/2020 - 6
CRE 15/01/2020 - 6

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2020 - 10.10
CRE 15/01/2020 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{09/01/2020}9.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0038/2020</NoDocSe>
PDF 175kWORD 48k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa</Titre>

<DocRef>(2019/2990(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Zdzisław Krasnodębski</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9‑0038/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

(2019/2990(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-proposta li għamlet il-President tal-Kummissjoni fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni l-ġdida biex torganizza Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 48(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jerġgħu jingħaqdu maċ-ċittadini tal-Istati Membri u jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar id-direzzjoni u l-attivitajiet tal-UE;

B. billi hemm ħtieġa urġenti għal valutazzjoni mill-ġdid profonda tal-operazzjonijiet tal-UE u għal riforma sinifikanti biex l-Unjoni tkun tista' tkun aktar kapaċi tgħin fl-oqsma li ġejjin:

  is-salvagwardja taċ-ċittadini u tal-fruntieri;

  ir-rispett tad-drittijiet u s-sovranità tal-Istati Membri tagħha, u partikolarment id-dritt tagħhom li jipproteġu t-tradizzjonijiet nazzjonali, il-kultura u l-wirt Kristjan komuni tagħhom;

  il-ħolqien tal-impjiegi u l-prosperità;

  l-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli realistika;

  it-titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja tagħha;

  il-kooperazzjoni mas-sħab globali;

1. Jemmen li proċess ta' konferenza ġenwinament miftuħ jista' jkun siewi biex jiffaċilita dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, peress li l-UE bla dubju tbiegħdet ħafna miċ-ċittadini tal-Istati Membri tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-inizjattiva tal-konferenza se tissodisfa biss dawn it-tamiet jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet u jekk jiġu stabbiliti b'mod sod prinċipji ewlenin biex jirregolaw l-operat tagħha;

2. Jenfasizza li l-Konferenza, li għandha tissejjaħ il-"Konferenza dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea", trid tevita approċċ li jassumi li l-għan tagħha huwa sempliċiment li jiġu diskussi għażliet differenti għal integrazzjoni Ewropea ulterjuri filwaqt li jħalli barra l-acquis communautaire attwali;

3. Jitlob li jsir rieżami indipendenti tal-acquis communautaire qabel il-Konferenza, inkluż skrutinju bir-reqqa tas-SEAE u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programmi u l-aġenziji tal-UE;

4. Jinsab ferm imħasseb li membri ta' fazzjoni federalista, rappreżentata tajjeb fi Brussell u fl-istituzzjonijiet tal-UE, se jipprovaw jiddominaw il-Konferenza billi jieħdu kontroll tal-aġenda u l-operazzjonijiet tagħha sabiex jimmanipulaw il-Konferenza biex jappoġġjaw l-objettivi tagħhom;

5. Jinsisti li l-proċess tal-konferenza jrid għalhekk ikun ibbażat fuq tliet prinċipji ewlenin biex jirnexxi:

  il-pluraliżmu u d-diversità;

  ir-rikonoxximent tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet nazzjonali;

  ir-rispett għad-demokrazija kostituzzjonali;

Il-pluraliżmu u d-diversità

6. Jenfasizza li, bħala parti mill-impenn tagħha għall-pluraliżmu, il-Konferenza ma tridx tintuża biss biex tippromwovi l-ortodossija tal-integrazzjoni tal-UE iżda għandha tkun opportunità biex jiġu diskussi bl-istess mod proposti differenti u kuntrarji;

7. Jinnota li hemm alternattivi oħra ugwalment validi għall-ortodossija tradizzjonali federalista, bħall-proposti li l-Unjoni terġa' lura għal komunità Ewropea ta' nazzjonijiet sovrani abbażi tal-kunċett eurorealist ta' Ewropa konfederali li tirrispetta d-drittijiet u l-leġittimità demokratika tal-Istati Membri; jitlob li dawn l-għażliet u ħafna oħrajn jiġu diskussi b'mod ugwali u ġust waqt il-Konferenza u l-laqgħat pubbliċi relatati tagħha;

8. Jinsisti, għaldaqstant, li l-parteċipanti fil-Konferenza u l-laqgħat relatati tagħha jridu jingħataw opportunità ġusta biex jiddiskutu kwistjonijiet bħal:

  jekk l-integrazzjoni Ewropea qabżitx il-limiti tagħha, u f'liema oqsma;

  jekk għandhomx jiġu ritornati xi kompetenzi lill-Istati Membri;

  jekk il-votazzjoni b'maġġoranza għandhiex tieqaf tkun il-proċedura standard f'xi oqsma;

  jekk id-drittijiet ta' veto nazzjonali eżistenti jistgħux jiġu estiżi permezz tal-formalizzazzjoni tal-Kompromess tal-Lussemburgu b'tali mod li l-veto nazzjonali jkun jista' jerġa jiġi invokat biex jiġu difiżi "interessi nazzjonali importanti ħafna";

  jekk il-metodu ta' votazzjoni fil-Kunsill għandux jiġi rivedut (b'mod partikolari wara l-Brexit);

  jekk il-parlamenti nazzjonali għandhomx ikunu jistgħu jinvokaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà biex jimblukkaw proposti leġiżlattivi speċifiċi permezz ta' proċedura effettiva ta' karta ħamra;

  jekk għandhiex terġa' tiġi kkunsidrata s-supremazija tad-dritt tal-UE fuq id-dritt kostituzzjonali nazzjonali;

  jekk id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva għandux jiġi estiż għall-parlamenti nazzjonali;

  jekk ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-koleġiżlaturi jeħtiġux kjarifika;

Il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet nazzjonali

9. Ifakkar li l-istituzzjonijiet bl-akbar leġittimità demokratika fl-UE huma dawk tal-Istati Membri; jenfasizza li l-Parlament m'għandu l-ebda tip ta' leġittimità unika jew speċjali dwar kwistjonijiet Ewropej li jkunu jiġġustifikaw li jieħu l-kontroll tal-Konferenza u li f'kull ħin għandu jiġi mfakkar li elezzjoni Ewropea hija aggregata ta' elezzjonijiet nazzjonali separati, l-aktar dwar kwistjonijiet nazzjonali, u mhux elezzjoni unika dwar il-futur tal-Ewropa; jinsisti wkoll li l-Konferenza għandha tevita approċċ korporattiv u għandha tiżgura li l-istituzzjonijiet eletti demokratikament tal-Istati Membri jkunu ċentrali għall-proċess;

10. Itenni li s-setgħat tal-Unjoni Ewropea mhumiex inerenti, bħalma huma dawk ta' stat, iżda li jridu jingħataw mit-trattati; jisħaq fuq il-fatt li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-UE sabiex jiġi żgurat li s-setgħat huma eżerċitati kemm jista' jkun mill-qrib taċ-ċittadini, f'konformità mal-prinċipju tal-prossimità msemmi fl-Artikolu 10(3) tat-TUE; jemmen li jeħtieġ li l-Unjoni tiffoka fuq l-indirizzar ta' sfidi importanti fejn tkun tista' żżid il-valur; jisħaq li r-riżorsi huma limitati u li hemm ħtieġa ċara li ssir riflessjoni dwar kif għandhom jiġu prijoritizzati l-attivitajiet u kif għandhom jintużaw ir-riżorsi disponibbli b'mod aktar effiċjenti;

Id-demokrazija kostituzzjonali

11. Jinsisti li jrid jiġi rikonoxxut, mill-bidu nett u minn kull min hu kkonċernat, li tali konsultazzjoni pubblika bħal din l-inizjattiva tal-konferenza, irrispettivament minn kemm tkun strutturata u organizzata tajjeb, ma tistax tissostitwixxi – u għalhekk ma tistax tisfida – il-leġittimità demokratika ta' istituzzjonijiet parlamentari stabbiliti kostituzzjonalment; jenfasizza, għalhekk, li ma jista' jkun hemm ebda argument demokratiku favur l-implimentazzjoni awtomatika ta' kwalunkwe konklużjoni tal-Konferenza; jipproponi, minflok, li l-konklużjonijiet tagħha jiġu formalment ippreżentati lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni ħalli kull wieħed minnhom ikun jista' jħejji rispons formali u azzjoni ta' segwitu li jidhrilhom xierqa, sabiex isir progress fid-dibattitu;

12. Jisħaq li l-unika konferenza li formalment tista' tipproponi emendi għat-Trattati hija "[K]onferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri", kif previst fl-Artikolu 48(4) tat-TUE, u li skont dan l-Artikolu tali emendi jistgħu jidħlu fis-seħħ biss "wara li jiġu ratifikati mill-Istati Membri kollha skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom";

Kwistjonijiet ta' organizzazzjoni

13. Jipproponi li l-plenarja tal-Konferenza għandha tkun magħmula minn madwar 200 membru sħiħ li jkollhom mandat demokratiku kif ġej:

  rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru;

  120 membru parlamentari nominati mill-Istati Membri (b'delegazzjonijiet nazzjonali ta' bejn żewġ membri u 15-il membru);

  60 Membru tal-Parlament Ewropew;

u 50 osservatur bi drittijiet sħaħ tal-kelma iżda mingħajr drittijiet tal-vot:

  27 Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

  il-President tal-Kunsill Ewropew;

  11-il kandidat nominati mill-Kumitat tar-Reġjuni;

  11-il kandidat nominati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

14. Jipproponi li oħrajn jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw f'sessjonijiet plenarji speċifiċi bħala xhieda esperti, kif meħtieġ, mingħajr ma jkunu membri jew osservaturi tal-Konferenza;

15. Jirrakkomanda li bi tħejjija għall-Konferenza, laqgħa bikrija tal-kelliema tal-parlamenti nazzjonali tista' tkun okkażjoni utli għal skambju ta' fehmiet dwar kif jista' jinkiseb l-involviment sħiħ tal-membri parlamentari nazzjonali; jisħaq, f'dan ir-rigward, li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu, f'konformità mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, min jirrappreżenta lill-parlamenti nazzjonali tagħhom; jinnota, b'mod partikolari, li, kif minqux fid-Dikjarazzjoni 51 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-assembleji parlamentari tal-komunitajiet u r-reġjuni jistgħu jaġixxu bħala komponenti tas-sistema parlamentari nazzjonali jew tal-kmamar tal-parlament nazzjonali; jissuġġerixxi li l-membri tal-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) għandhom ukoll ikunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija tal-Konferenza;

16. Jipproponi li għandu jkun hemm korp wieħed biex imexxi l-proċess ta' konferenza, stabbilit minn qabel iżda li ffurmat minn fost il-membri sħaħ u osservaturi tiegħu, li għandu jissejjaħ il-"Kumitat ta' Tmexxija"; jinsisti li dan il-Kumitat ta' Tmexxija jrid jkun pluralista fil-kompożizzjoni tiegħu u jinkludi parlamentari mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE; jirrakkomanda li dan il-kumitat ta' tmexxija jkun magħmul minn madwar 40 membru, inklużi:

  tliet membri tal-Kunsill biex jirrappreżentaw it-triju;

  tliet Kummissarji;

  erbatax-il Membru tal-Parlament Ewropew (tnejn minn kull grupp politiku);

  membru minn kull wieħed mis-27 parlament nazzjonali;

  il-Kopresidenti tal-Konferenza;

17. Jipproponi li l-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà sħiħa li jieħu deċiżjonijiet ta' politika rigward il-ħidma tal-Konferenza, inklużi:

  l-organizzazzjoni ta' forums taċ-ċittadini, b'kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali;

  l-għażliet ta' suġġetti, temi, programmi, kelliema u panels;

  id-dokumentazzjoni li għandha tiġi ċċirkolata;

  l-ikkummissjonar tal-votazzjoni għal opinjoni;

18. Jissottolinja li filwaqt li l-Kumitat ta' Tmexxija jista' joħloq gruppi ta' ħidma biex jiffokaw fuq punti speċifiċi ta' organizzazzjoni, l-ebda wieħed minn dawn il-gruppi m'għandu jkollu awtorità indipendenti għal teħid ta' deċiżjonijiet iżda biss responsabbiltajiet iddelegati lilhom mill-Kumitat ta' Tmexxija;

19. Jipproponi li jinħatru tliet Kopresidenti tal-Konferenza: żewġ parlamentari nazzjonali nominati mill-Kunsill Ewropew u Membru wieħed tal-PE nominat mill-Parlament Ewropew; jinsisti li l-persuni nominati jeħtiġilhom jirriflettu bilanċ politiku u ġeografiku; jipproponi li t-tliet Kopresidenti jkunu membri tal-Kumitat ta' Tmexxija;

20. Jenfasizza li huwa importanti li l-Konferenza tiżgura solidarjetà interġenerazzjonali, filwaqt li jfakkar li s-soċjetà hija sħubija tal-membri kollha tagħha – tal-passat, tal-preżent u tal-futur; jisħaq fuq l-importanza li l-fora taċ-ċittadini assoċjati mal-Konferenza jkunu bilanċjati u rappreżentattivi f'termini ta' età, diversità, ġeografija, u sfond soċjali u ekonomiku; jinnota li jistgħu, madankollu, jiġu organizzati xi laqgħat speċifiċi taċ-ċittadini dwar ċerti kwistjonijiet li jistgħu jitbiegħdu minn dan il-prinċipju, fejn ikun xieraq li jsir hekk, bħal laqgħat taż-żgħażagħ jew laqgħat relatati ma' kwistjonijiet speċifiċi (eż. il-problemi li jiffaċċjaw komunitajiet urbani jew rurali);

21. Jinsisti li l-fora taċ-ċittadini għandhom jiġu organizzati primarjament fil-livell nazzjonali u li l-konferenzi ċiviċi tematiċi transnazzjonali għandhom jagħmlu sinteżi tad-dibattiti li jsiru fil-livell nazzjonali; jenfasizza li l-għażla tal-parteċipanti f'dawn il-laqgħat kollha trid issir b'mod kompletament indipendenti u mingħajr ebda interferenza politika; jitlob li l-parteċipanti jintgħażlu minn organizzazzjonijiet tal-votazzjoni stabbiliti sew u rispettati bl-għarfien espert professjonali rilevanti;

22. Jinsisti li jrid jiġi żgurat il-pluraliżmu fil-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha relatati mal-proċess tal-konferenza, sew jekk ikunu laqgħat attwali jew forom oħra ta' konsultazzjoni bħal stħarriġ tal-opinjoni jew inizjattivi ta' involviment tal-midja soċjali; jisħaq li dan ifisser li l-programmi kollha, il-listi tal-kelliema, il-panels, il-letteratura u d-dokumenti, eċċ. iridu jkunu bilanċjati u jiżguraw li tiġi ppreżentata varjetà kbira ta' fehmiet differenti, li jirriflettu d-diversità tal-opinjonijiet fl-Ewropa, sabiex jiġi stimulat dibattitu profond;

23. Jipproponi li l-membri tal-plenarja tal-Konferenza għandu jkollhom l-istess faċilitajiet u appoġġ fil-pubblikazzjoni ta' rapporti ta' minoranza kif ikollhom għal rapporti ta' maġġoranza;

°

° °

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza