Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0074/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0074/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

22.1.2020 - (2019/2983(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

David Cormand, Petra De Sutter, Sven Giegold, Rasmus Andresen, Henrike Hahn, Philippe Lamberts, Ernest Urtasun, Anna Cavazzini, Molly Scott Cato, Kim Van Sparrentak, Pär Holmgren
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0070/2020

Proċedura : 2019/2983(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0074/2020
Testi mressqa :
B9-0074/2020
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B9‑0074/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli

(2019/2983(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE (id-Direttiva Tagħmir tar-Radju) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-suq uniku kien u għadu l-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa, il-ġebla tax-xewka tal-integrazzjoni Ewropea u mutur għat-tkabbir u l-impjiegi;

B. billi s-suq uniku mhux qed jisfrutta għalkollox il-potenzjal tiegħu minħabba ġestjoni ineffiċjenti tar-riżorsi u falliment tas-suq, u dan għandu effetti negattivi kemm fuq il-konsumaturi kif ukoll fuq l-ambjent, b'żieda fl-iskart elettroniku u l-użu mhux sostenibbli tal-materja prima għall-produzzjoni taċ-ċarġers;

C. billi l-Kummissjoni hija impenjata li timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jqis il-konfini tal-pjaneta tagħna; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' ġestjoni effettiva tar-riżorsi disponibbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, b'mod partikolari dik tal-materja prima kritika primarja, u t-tnaqqis sinifikanti tat-tniġġis minn skart elettroniku;

D. billi l-Membri tal-Parlament Ewropew ilhom aktar minn 10 snin jagħmlu kampanji favur ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, inklużi mobiles, tablets, apparat għall-qari ta' kotba elettroniċi, kameras smart, apparat elettroniku li jintlibes u apparat elettroniku simili ieħor;

E. billi l-ftehimiet volontarji bejn il-partijiet ikkonċernati tal-industrija ma tawx riżultati sodisfaċenti f'termini ta' soluzzjoni ta' tariffi komuni u s-suq għadu qed jippreżenta tipi differenti ta' ċarġers lill-konsumaturi;

F. billi l-infurzar f'waqtu tal-atti adottati tal-UE f'passi leġiżlattivi u t-trasparenza huma essenzjali għall-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini tagħha u fix-xena internazzjonali;

G. billi d-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3)(a) tagħha li tadotta att delegat biex timponi soluzzjonijiet armonizzati għal ċarġers komuni;

H. billi kull sena jiġu ġġenerati madwar 50 miljun tunnellata metrika fid-dinja, b'medja ta' aktar minn 6 kg għal kull persuna; billi fl-2016, fl-Ewropa ġie ġġenerat total ta' 12.3 miljun tunnellata metrika ta' skart elettroniku, li jikkorrispondi għal medja ta' 16.6 kg għal kull abitant;

I. billi f'dawn l-aħħar 10 snin, ix-xejriet tal-konsumaturi juru li l-ħajja qasira tal-biċċa l-kbira tat-tagħmir tar-radju, speċjalment is-smartphones, żdied b'mod sinifikanti minħabba n-nuqqas ta' kompatibbiltà taċ-ċarġers, u b'hekk żdiedet l-obsolexxenza prematura tal-apparat, bir-riżultat li qed jiġi ġġenerat aktar skart elettroniku, li jwassal għal impronta ambjentali negattiva;

J. billi l-iżvilupp ta' ċarġer komuni għat-telefons mobbli kieku jiffranka l-ispejjeż għall-konsumaturi u jagħmilha aktar konvenjenti li jkun hemm aċċess għas-servizzi, inklużi s-servizzi ta' emerġenza, minħabba l-fatt li n-nies jiddependu fuq il-mobiles tagħhom għall-biċċa l-kbira tas-servizzi ta' bżonn ta' kuljum; billi ċarġer komuni jippromwovi ġejjieni diġitali ċċentrat fuq in-nies;

1. Jenfasizza bil-qawwa li hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni tal-UE bil-għan li jitnaqqas l-ammont ta' skart elettroniku li ġej mill-produzzjoni bla ħtieġa ta' ċarġers kull sena, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet sostenibbli u jkunu jistgħu jipparteċipaw għalkollox f'suq intern effiċjenti u li jiffunzjona sewwa;

2. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jkunu żviluppati standards għal ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, li għandhom jiġu adottati mingħajr aktar dewmien sabiex nevitaw kull frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern;

3. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr aktar dewmien, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt rigward l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni għat-telefons mobbli u għal apparat kompatibbli ieħor, bil-ħsieb li jittieħdu miżuri regolatorji;

4. Jitlob, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tadotta l-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju, jew miżura leġiżlattiva oħra, sa mhux aktar tard minn Lulju 2020, biex tiżgura li ċarġers komuni għat-telefons mobbli u apparat elettroniku simili jiġu introdotti mill-aktar fis possibbli;

5. Jenfasizza li l-istandards żviluppati għandu jiddefinixxu r-rekwiżiti ta' durabbiltà u ta' sostenibbiltà sabiex jipprovdu lill-konsumaturi b'tagħmir li jservi fit-tul, speċjalment fir-rigward tal-prestazzjoni tal-iċċarġjar;

6. Jindika li l-użu tat-teknoloġija tal-iċċarġjar bla fili joffri benefiċċji potenzjali addizzjonali; jenfasizza l-fatt li ħafna telefons mobbli diġà għandhom metodi ta' ċċarġjar bla fili, u li l-frammentazzjoni f'dan il-qasam għandha tiġi evitata; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura l-interoperabbiltà ta' ċarġers bla fili għal tagħmir tar-radju mobbli differenti u biex tipprevjeni l-użu ta' soluzzjonijiet proprjetarji;

7. Iqis li l-istrateġiji ta' diżakkopjament (jiġifieri li jippermettu li ċ-ċarġer jinxtara b'mod separat mill-apparat) joffru benefiċċji ambjentali akbar billi jitnaqqas l-għadd ta' ċarġers prodotti u konsegwentement jiġu ffrankati aktar spejjeż għall-konsumaturi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux ikunu obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid; jemmen, f'dan ir-rigward, li jinħtieġu inċentivi kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll minn dik tal-provvista; jenfasizza, sadanittant, li l-ħolqien ta' strateġiji ta' diżakkopjament mingħajr garanzija ta' soluzzjoni ta' ċarġer komuni ma jlaħħaqx l-iskop tad-Direttiva;

8. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi biex tkabbar il-volum ta' fili u ċarġers li jinġabru u jiġu rriċiklati fl-Istati Membri;

9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza