Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
 Indiċi 
 Test sħiħ 
Dibattiti
L-Erbgħa, 17 ta' April 2019 - Strasburgu Edizzjoni riveduta

Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (dibattitu)
MPphoto
 

  Roberta Metsola, Rapporteur. – President, meta ġejt fdata biex naħdem fuq l-abbozz ta' liġi dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta ħadd ma ħaseb li stajna nkunu lkoll flimkien hawnhekk illum, f'inqas minn sitt xhur minn meta l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat din il-proposta fuq il-mejda.

Dan il-proċess kien wieħed intensiv u ħadilna ħafna ħin, biex niddiskutu d-dettalji tekniċi li toffri din il-liġi. Però grazzi għar-rieda tal-kollegi tiegħi, speċjalment ix-shadow rapporteurs, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri mmexxija mill-Presidenza tal-Kunsill, qbilna fuq sistema ġdida li aħna lkoll nistgħu nkunu kburin biha.

Matul in-negozjati li kellna aħna dejjem żammejna f'moħħna li rridu nkunu ġusti ma' dawk li jixirqilhom protezzjoni, sodi ma' dawk li mhumiex eliġibbli jew li qed jippruvaw jiksru r-regoli, u ħorox ma' dawk li qed jinqdew min-nies li huma vulnerabbli.

Jekk aktar tard illum nivvotaw biex nikkonfermaw din il-liġi, dan ifisser li kontra kull aspettattiva, ser jirnexxielna negħlbu l-aħħar ostaklu biex ikollna forza ġdida ta' għaxart elef gwardji tal-fruntiera u persunal operattiv, li se tiġi fis-seħħ fi żmien qasir fis-snin li ġejjin.

Dawn huma n-numri li għandna bżonn sabiex nassiguraw is-sigurtà tal-fruntieri esterni tagħna, sabiex nagħtu l-ispinta li għandna bżonn sabiex niġġieldu l-kriminalità, li niżguraw id-drittijiet fundamentali huma mħarsa f'kull attività tal-Aġenzija, u sabiex niffaċilitaw l-immaniġġjar tal-immigrazzjoni.

Li niżguraw is-sigurtà tal-fruntieri esterni u li l-Istati Membri jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom huma punti kruċjali sabiex inkunu nistgħu nindirizzaw b'mod effettiv is-sitwazzjoni preżenti tal-migrazzjoni. Din il-liġi mhijiex l-unika soluzzjoni li għandna bżonn f'dan il-qasam, iżda hija pass neċessarju li jrid jittieħed, flimkien ma' oħrajn.

Fl-eventwalità li niffaċċjaw kriżi oħra simili bħal dik li kellna fl-2015, l-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni, bħal Malta u Għawdex, jistgħu jitolbu li jiġu stazzjonati persunal għal interventi rapidi fil-fruntiera, sabiex jirċievu għajnuna li tant ikollhom bżonn biex jindirizzaw is-sitwazzjoni.

Ir-regolament li aħna nnegozjajna fl-aħħar ġimgħat ma jittrattax biss fuq dawn l-għaxart elef persuna. Din il-liġi tfisser li se nżidu l-effettività tal-operazzjonijiet tar-ritorn b'mod konsiderevoli, speċifikament għal dawk il-persuni li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni.

Ser ikun hemm aktar possibilitajiet biex l-Istati Membri jiġu megħjuna f'dan il-qasam, bħal pereżempju fl-identifikazzjoni tal-immigranti irregolari, u fl-għajnuna li ser tingħata biex jinġiebu dokumenti tal-ivvjaġġar u assistenza oħra fir-ritorn.

Fl-aħħar nett jien partikolarment kburija li rnexxielna noħolqu rwol ġdid fl-Aġenzija, dik tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali, li ser ikunu minn ta' quddiem biex jiżguraw li d-drittijiet ta' kull persuna jiġu rispettati.

L-għan tagħna kienet li nistabbilixxu livelli ġodda u għolja ta' protezzjoni, f'konformità mal-valuri Ewropej li tant aħna ngħożżu, anke fuq kwistjoni sensittiva bħal din. Għamilna dan għaliex l-Unjoni Ewropea għandha tkun waħda li tipproteġi d-drittijiet fundamentali meta dawn hemm bżonnhom l-aktar.

 
Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Lulju 2019Avviż legali