Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
 Indiċi 
 Test sħiħ 
Dibattiti
L-Erbgħa, 17 ta' Lulju 2019 - Strasburgu Verżjoni proviżorja

Assistenza umanitarja fil-Mediterran (dibattitu)
MPphoto
 

  Miriam Dalli, f’isem il-grupp S&D. – Sur President, fil-fatt ilna nitkellmu dwar din l-istess sfida għal snin twal mingħajr mal-Unjoni Ewropea kollha flimkien irnexxielha ssib it-triq 'il quddiem u dak li qegħdin niddiskutu llum huwa r-riżultat ta' nuqqas ta' pożizzjoni komuni. Is-soluzzjonijiet li ġew ippreżentati s'issa mhumiex jaħdmu, u llum m'għadniex nitkellmu dwar sfida għaliex din hija emerġenza: emerġenza umanitarja.

Illum aktar minn qatt qabel, dan huwa ż-żmien li fih iridu jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jindirizzaw din l-emerġenza li qed twassal biex jintilfu aktar ħajjiet fil-Mediterran, u li qed tkompli titfa' aktar piż fuq il-pajjiżi l-aktar esposti. U nitlob hawnhekk lill-Presidenza Finlandiża, imma anki lill-Kummissjoni Ewropea, biex tagħtu prijorità lil din is-sitwazzjoni. Prijorità assoluta bbażata fuq erba' prijoritajiet ewlenin: l-ewwel, li ma nħallux aktar ħajjiet jintilfu u naraw li jkunu sostnuti, iva, operazzjonijiet ta' salvataġġ; it-tieni, iżda, li verament ikun miġġieled it-traffikar tal-persuni; it-tielet, li tingħata soluzzjoni konkreta għall-pressjoni żejda li qed tintefa' fuq dawk il-pajjiżi l-aktar esposti, partikolarment fil-Mediterran; u r-raba', li jkollna rotot siguri u legali għal min għandu bżonn protezzjoni internazzjonali.

Issa kemm-il darba smajna li l-Istati Membri jgħidu li jaqblu li s-sistema ta' asil komuni għandha tkun riformata, imma, fir-realtà, dan id-diskors qatt ma rajnieh jiġi konkretizzat. U minflok rajna li l-pajjiżi li mhumiex esposti għal dawn il-pressjonijiet jostakolaw kwalunkwe progress. Aħna mhux ser naċċettaw li din l-isfida ma tiġix indirizzata mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Irridu riforma vera, inkluż riflessjoni dwar tibdil f'sistemi fejn il-pajjiż li jidħlu immigranti għall-ewwel darba fih, mhux biss qed ikollhom jidħlu r-responsabbiltà li jirċievu lil min għandu dritt għall-asil, imma huma responsabbli wkoll li jirritornaw lil dawk li m'għandhomx dritt għall-protezzjoni internazzjonali. Wara kollox, fejnha s-solidarjetà li l-Unjoni Ewropea tant titkellem fuqha?

Mis-sajf tas-sena li għaddiet, rajna sistema ta' rilokazzjoni ad hoc, li intom irriferejtu għaliha, ta' grupp żgħir ta' Stati Membri li waslu fi ftehim dwar soluzzjonijiet prattiċi. L-ironija hi li l-maġġoranza tal-pajjiżi li pparteċipaw huma l-pajjiżi li jħossu l-akbar pressjoni, u dan mhuwiex biżżejjed. Bħala negozjatur tal-liġi li se tirregola fond ta' aktar minn EUR 10 biljun fil-qasam tal-immigrazzjoni, ser inkompli ninsisti dwar is-solidarjetà, sistemi ta' rilokazzjoni u ridistribuzzjoni, għaliex din hija...(Il-President irtira l-kelma lill-kelliema)

 
Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Lulju 2019Avviż legali