Interpellanzi
PDF 192kWORD 16k
8 ta' Novembru 2018
G-000007/2018

Interpellanza maġġuri għal tweġiba bil-miktub b'dibattitu G-000007/2018

lill-Kummissjoni

Artikolu 130b tar-Regoli ta’ Proċedura

Ivan Jakovčić

f'isem il-Grupp ALDE


  Suġġett:  Biedja organika u indikazzjonijiet ġeografiċi biex tissaħħaħ l-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE

Id-domanda għall-prodotti tradizzjonali ta' kwalità għolja qiegħda tiżdied kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja kollha. Tali prodotti jżommu d-diversità tal-produzzjoni agrikola fi ħdan l-Unjoni, jagħtu spinta lit-tkabbir għall-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira u għall-SMEs u jħarsu r-riżorsi naturali u l-pajsaġġ.

Il-biedja organika hija wieħed mis-setturi l-aktar dinamiċi tal-agrikoltura tal-UE: il-valur tagħha jammonta għal madwar EUR 27 biljun u, matul dawn l-aħħar għaxar snin, kiber b'125%. Barra minn hekk, l-iskemi ta' kwalità tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE (DOP, IĠP u STG) jippermettu li jitħarsu l-ismijiet tal-prodotti mill-abbużi u jgħollu l-livell ta' fiduċja tal-konsumaturi.

Is-sinerġiji bejn il-biedja organika u l-indikazzjonijiet ġeografiċi jistimolaw u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE, filwaqt li jiggarantixxu l-ogħla kwalità tal-prodotti u tal-ikel. Dawn is-sinerġiji jistgħu jtejbu l-ħarsien tal-prodotti agrikoli tal-UE fil-livell internazzjonali u fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet internazzjonali, filwaqt li jagħtu t-tweġiba lid-deterjorament tal-kwalità tal-ħamrija, li qiegħed jhedded l-istabilità fit-tul tal-provvista tal-ikel.

1.  Fid-dawl tar-riforma tal-PAK għal wara l-2020, x'miżuri speċifiċi tipprevedi li tieħu l-Kummissjoni biex tagħti sostenn akbar lis-settur organiku u lill-iskemi ta' kwalità tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE?

2.  X'miżuri qegħdin jittieħdu biex il-prodotti agrikoli tal-UE jkunu ppreservati u mtejba fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali?

 

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Diċembru 2018Avviż legali