Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000062/2014

Testi mressqa :

O-000062/2014 (B8-0031/2014)

Dibattiti :

PV 15/09/2014 - 20

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 201kWORD 30k
5 ta' Settembru 2014
O-000062/2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000062/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Gabrielius Landsbergis, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Bendt Bendtsen, Reimer Böge, Seán Kelly, Gabriel Mato, Fernando Ruas, József Szájer, Jarosław Leszek Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain, f'isem il-Grupp PPE
Emma McClarkin, f'isem il-Grupp ECR

 Suġġett: Is-SĠP+ (Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi) u l-konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Età Minima: il-każ tal-Bolivja

Il-Konvenzjoni tal-ILO dwar l-Età Minima għad-Dħul f'Impjieg hija waħda mis-27 konvenzjoni li jridu jiġu ratifikati mill-Istati eleġibbli għas-SĠP+ (arranġament speċjali fil-qafas tal-iSkema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li joffri inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba). Barra minn hekk, biex dawn l-Istati jkomplu jibbenefikaw minn dawn il-vantaġġi tariffarji preferenzjali, "[i]l-konklużjonijiet disponibbli l-aktar riċenti tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti ma [jridux ikunu identifikaw] nuqqas serju biex jimplimentaw b'mod effettiv kull waħda minn dawn il-konvenzjonijiet".

Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima tobbliga lill-Istati li jirratifikawha li jkollhom politika nazzjonali mfassla biex tiżgura l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal u biex tgħolli progressivament l-età minima għad-dħul f'impjieg jew xogħol.

Skont id-dispożizzjonijiet tagħha, il-pajjiżi huma ħielsa li jispeċifikaw età minima għax-xogħol, li trid tkun, tal-inqas, ta' 15-il sena. Limitu ta' 14-il sena huwa possibbli wkoll għal perjodu ta' żmien speċifikat. Il-liġijiet jistgħu jippermettu wkoll xogħol ħafif għat-tfal ta' bejn 13 u 15-il sena li ma jkunx ta' ħsara għal saħħithom jew itellifhom mix-xogħol tal-iskola. Hija speċifikata età minima ta' 18-il sena għal xogħol li "x'aktarx jipperikola s-saħħa, is-sikurezza jew il-morali ta' persuni ta' età żgħira".

Il-Bolivja rratifikat il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima u ddikjarat l-14-il sena bħala l-età minima għax-xogħol. Fl-1 ta' Jannar 2014 il-Bolivja bdiet tibbenefika minn vantaġġi tariffarji fil-qafas tal-iskema l-ġdida tas-SĠP+. Il-Parlament Ewropew appoġġja l-att delegat rilevanti, li kien jinkludi l-Bolivja.

Wara proposta formali mill-Union tal-Ħaddiema Tfal u Adolexxenti tal-Bolivja, fit-2 ta' Lulju 2014 il-Kungress Bolivjan adotta liġi ġdida dwar id-drittijiet tat-tfal li tbaxxi l-età minima minn 14 għal 12, jew 10 fil-każ ta' tfal li jaħdmu għal rashom.

Fid-dawl tal-kriterji tas-SĠP+ imsemmija hawn fuq u l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Bolivja, taħseb il-Kummissjoni li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida prima facie tqiegħed lill-Bolivja f'sitwazzjoni ta' ksur tal-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, li hija waħda mill-konvenzjonijiet li jridu jiġu mħarsa sabiex pajjiż ikompli jibbenefika mis-SĠP+? Barra minn hekk, tista' l-Kummissjoni tindika jekk hijiex se tanalizza fid-dettall il-kontenut tal-liġi l-ġdida tal-Bolivja dwar id-drittijiet tat-tfal, filwaqt li tqis din l-analiżi fit-tabella ta' valutazzjoni tas-SĠP+ tal-Bolivja sabiex tiddeċiedi jekk ġiex identifikat ksur serju fl-implimentazzjoni effettiva ta' din il-konvenzjoni min-naħa ta' dan il-pajjiż?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali