Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000085/2014

Testi mressqa :

O-000085/2014 (B8-0043/2014)

Dibattiti :

PV 25/11/2014 - 16
CRE 25/11/2014 - 16

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 200kWORD 29k
17 ta' Novembru 2014
O-000085/2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000085/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Birgit Sippel, Juan Fernando López Aguilar, f'isem il-Grupp S&D
Cecilia Wikström, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras, f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst, Marina Albiol Guzmán, f'isem il-Grupp GUE/NGL
Laura Ferrara, Ignazio Corrao, f'isem il-Grupp EFDD

 Suġġett: Tkeċċijiet sommarji u l-legalizzazzjoni proposta ta' "ritorni immedjati" fi Spanja
 Tweġiba fil-plenarja 

Riċentement kien hemm rapporti ripetuti minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar tkeċċijiet sommarji ta' migranti u użu eċċessiv tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Spanjoli kontra migranti li ppruvaw jidħlu fil-bliet Spanjoli Ceuta u Melilla fl-Afrika ta' Fuq. Fis-6 ta' Frar 2014, mill-inqas 15-il migrant miet fl-ilmijiet 'il barra minn Ceuta wara li l-Gwardi Ċivili Spanjoli sparaw balal tal-lastku u gass tad-dmugħ fid-direzzjoni tagħhom. Bħalissa għaddejja investigazzjoni ġudizzjarja dwar dawn l-imwiet fi Spanja.

Il-Gvern Spanjol issa qed jipproponi li jadotta emenda fl-abbozz tal-Liġi tas-Sigurtà Pubblika tiegħu li timmodifika l-Liġi Organika 4/2000 dwar id-drittijiet u l-libertajiet tal-barranin fi Spanja sabiex jiġu legalizzati "ritorni immedjati" (it-tkeċċija illegali tal-persuni mit-territorju Spanjol mingħajr ma tkun twettqet ebda proċedura legali neċessarja fir-rigward ta' dawn il-persuni). L-emenda proposta tippermetti t-tkeċċija tal-migranti klandestini li jinstabu fil-fruntieri ta' Ceuta u Melilla, mingħajr ma jiġi previst ebda proċess legali jew salvagwardja proċedurali għal dawk il-migranti.

Il-Kummissarju għad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Nils Muiznieks, il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u ħafna NGOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-migranti esprimu t-tħassib tagħhom li dan jista' jwassal għat-tkeċċija indiskriminata sommarja u kollettiva mingħajr ebda rimedju effettiv għal dawk il-migranti. Hemm ir-riskju li l-emenda proposta tmur kontra l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni Spanjola u l-Artikoli 18 (id-dritt għall-asil) u 19 (il-protezzjoni kontra t-tkeċċijiet kollettivi, u l-prinċipju ta' non-refoulement) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u kontra l-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati.

Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq:

1. Il-Kummissjoni taħseb li dawn il-prattiki huma konsistenti jew mal-kliem jew inkella mal-ispirtu tad-dritt tal-UE, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u/jew il-valuri Ewropej komuni?

2. Il-Kummissjoni x'azzjoni qed tippjana li tieħu biex tindirizza l-abbużi li diġà seħħew?

3. Il-Kummissjoni x'azzjoni qed tippjana li tieħu biex tipprevjeni abbużi bħal dawn milli jseħħu fil-futur?

4. Il-Kummissjoni taħseb li r-riforma leġiżlattiva ppjanata tkun f'konformità mad-dritt tal-UE?

5. Il-Kummissjoni qed tippjana li tieħu xi azzjoni f'dan ir-rigward?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali