Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000005/2015

Testi mressqa :

O-000005/2015 (B8-0105/2015)

Dibattiti :

PV 09/03/2015 - 16
CRE 09/03/2015 - 16

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 192kWORD 30k
30 ta' Jannar 2015
O-000005/2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000005/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Michael Cramer, f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

 Suġġett: L-impatt tar-restrizzjonijiet Russi fuq trasportaturi tat-trasport internazzjonali bit-triq
 Tweġiba fil-plenarja 

Fis-7 ta' Awwissu 2014, il-Federazzjoni Russa introduċiet projbizzjoni fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ikel u prodotti agrikoli mill-Istati Membri kollha tal-UE, fost oħrajn. Għas-settur tat-trasport, l-embargo jfisser projbizzjoni fuq id-dħul ta' vetturi li jġorru prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel, u għaldaqstant telf sostanzjali ta' kuntratti. Il-Federazzjoni Russa qiegħda xxekkel ukoll it-tranżitu lejn pajjiżi terzi matul it-territorju tagħha ta' prodotti tal-ikel u prodotti agrikoli koperti mill-embargo, pereżempju, billi tirrikjedi skorti għal dan it-tip ta' trasport, billi żżid b'għaxar darbiet il-prezz tal-garanziji għal kumpaniji li jittrasportaw merkanzija koperta mill-embargo, u anke billi tibblokka tali tranżiti għalkollox. Is-suq Russu huwa ekonomikament attraenti għal trasportaturi internazzjonali bit-triq tal-UE, b'mod partikolari dawk ibbażati f'pajjiżi ġirien tar-Russja; dan minħabba l-prossimità tiegħu, id-daqs u l-potenzjal ta' żvilupp. Il-Kummissjoni diġà wieġbet għal dawn ir-restrizzjonijiet Russi permezz tal-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ lis-suq fuq żmien qasir, ta' valur ta' ħafna aktar minn EUR 155 miljun, immirati biex jindirizzaw problemi ta' provvista eċċessiva fis-suq fir-rigward ta' frott u ħaxix u prodotti tal-ħalib. Madankollu, l-effett fuq is-suq għat-trasport ta' dawn il-prodotti sa issa ġie traskurat. Huwa importanti li wieħed jinnota li prodotti importati mill-Federazzjoni Russa (prinċipalment prodotti tal-ikel u industrijali) huma ttrasportati primarjament bit-triq. Għal trasportaturi ta' merkanzija bit-triq li jispeċjalizzaw fit-trasport tal-ikel (u li investew fi flotot apposta ta' vetturi mkessħa), l-embargo Russu jfisser it-telf tal-biċċa l-kbira tal-kuntratti tagħhom.

Barra minn hekk, fl-aħħar laqgħa tal-Grupp tat-Trasport bit-Triq tal-Forum Internazzjonali dwar it-Trasport (ITF), li saret f'Pariġi fil-25 u s-26 ta' Settembru 2014, rappreżentant Russu ħabbar li r-Russja se tkun qed tirrestrinġi aktar it-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali fuq it-territorju tagħha billi, mill-1 ta' Jannar 2015, se tnaqqas in-numru ta' permessi ta' bażi tal-ECMT (Il-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport) fuq territorju Russu minn 67 għall-16.

1. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija konxja tal-gravità tas-sitwazzjoni attwali, u tal-konsegwenzi kollha għat-trasportaturi tal-UE ta' dawn ir-restrizzjonijiet Russi?

2. Tista' l-Kummissjoni tipprovdi data eżatta dwar it-telf li ġarrbet l-ekonomija tal-UE, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport, bħala riżultat ta' dawn ir-restrizzjonijiet Russi?

3. X'miżuri biħsiebha tieħu l-Kummissjoni l-ġdida biex tiġi evitata deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni għat-trasportaturi tal-UE?

4. Il-Kummissjoni l-ġdida kif biħsiebha tintervjeni, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport, fid-dawl tal-effett ta' dawn ir-restrizzjonijiet Russi fuq l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi?

5. Il-Kummissjoni biħsiebha tieħu azzjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Politika Kummerċjali biex tipprepara lment kontra r-Russja fil-WTO?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali