Proċedura : 2015/2771(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000080/2015

Testi mressqa :

O-000080/2015 (B8-0569/2015)

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 17
CRE 08/09/2015 - 17

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 199kWORD 28k
24 ta' Ġunju 2015
O-000080/2015
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000080/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Antonio Tajani, Andreas Schwab, f'isem il-Grupp PPE
Evelyne Gebhardt, f'isem il-Grupp S&D
Dita Charanzová, Reinhard Bütikofer

 Suġġett: Segwitu għal-Linji ta' Azzjoni għat-Tisħiħ tan-Negozju tal-Professjonijiet Liberi
 Tweġiba fil-plenarja 

Il-professjonijiet liberi huma kkaratterizzati mill-fatt li dawn jipprovdu servizzi personali, indipendenti u intellettwali u jirrikjedu kwalifiki professjonali ta' livell għoli biex jaqdu l-interessi tal-klijenti u tal-pubbliku. Skont il-Kummissjoni, il-professjonijiet liberi jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ekonomija tal-UE. Dawn ikunu ta' benefiċċju għas-soċjetà billi jservu l-interess pubbliku f’oqsma bħalma huma s-saħħa, il-ġustizzja u s-sigurtà, u huma mutur tal-innovazzjoni u l-impjiegi, u b’hekk huma strument importanti għat-trawwim tal-irkupru mill-kriżijiet ekonomiċi u soċjali li ħafna Stati Membri qed jesperjenzaw. Il-qafas leġiżlattiv Ewropew li jaffettwa l-professjonijiet liberi huwa soġġett għal regolamentazzjoni professjonali speċifika u sorveljanza minn korpi professjonali fil-livell nazzjonali u jinkludi d-Direttiva 2013/55/UE dwar il-Kwalifiki Professjonali u d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-Servizzi. F’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod sħiħ il-potenzjal intraprenditorjali tal-professjonijiet liberi. Bl-istess mod, il-Parlament dejjem enfasizza u rrikonoxxa l-importanza kbira tagħhom.

Fl-2014, fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020, grupp ta’ ħidma intitolat “It-Tisħiħ tan-Negozju tal-Professjonijiet Liberi” ġie stabbilit bil-għan li jivvaluta l-ħtiġijiet speċifiċi tal-imprendituri ta’ professjoni libera, bħas-simplifikazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni u l-aċċess għall-finanzi. Fil-Konferenza dwar il-Professjonijiet Liberi tad-9 ta’ April 2014 il-Grupp ta’ Ħidma ppreżenta l-linji ta’ azzjoni tiegħu, jiġifieri: (1) L-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Intraprenditorija; (2) L-aċċess għas-swieq; (3) L-aċċess għall-finanzi; (4) It-tnaqqis tal-Piż regolatorju, u (5) It-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-livell Ewropew.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tista’ tispjega liema huma l-passi li jmiss fir-rigward tal-attivitajiet tal-grupp ta’ ħidma u l-linji ta’ azzjoni ppreżentati? Hemm pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji ta’ azzjoni?

Skont il-Grupp ta’ Ħidma, għandha tiġi ppjanata inklużjoni aktar b’saħħitha tal-professjonijiet liberi fil-ħidma tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tikseb dan?

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tfassal il-mobilità regolata tal-professjonijiet u l-professjonisti fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni kif qiegħda tivvaluta s-sitwazzjoni attwali?

Liema inizjattivi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi dwar il-professjonijiet liberi b’mod ġenerali huma mistennija fis-snin li ġejjin?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali