Mistoqsija Parlamentari - O-000085/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000085/2015

Pakkett ta' Investiment tal-UE għall-Greċja

30.6.2015

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000085/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Rebecca Harms, Philippe Lamberts, f'isem il-Grupp Verts/ALE

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, ħabbar pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 35 biljun għall-Greċja, biex jiġu allokati minn issa sal-2020. Il-flus diġà huma riżervati għal Ateni, iżda skont is-Sur Juncker, l-allokazzjoni tiddependi fuq riformi min-naħa tal-Greċja. Sorsi tal-midja jissuġġerixxu li l-flus ġejjin mill-politika ta’ koeżjoni (madwar EUR 20 biljun) u l-għajnuna agrikola (madwar EUR 15-il biljun). Dawn iċ-ċifri jikkorrispondu għall-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Greċja taħt il-QFP attwali.

Tista’ l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-pakkett tal-investiment għall-Greċja fir-rigward ta' sorsi ta’ finanzjament, prijoritajiet tal-investiment u l-kondizzjonijiet li jeħtieġ jiġu sodisfatti biex il-pakkett tal-investiment jiġi rilaxxat?

Il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tikkonferma li hi mhix qed toffri fondi supplimentari, iżda pjuttost allokazzjonijiet għall-Greċja li diġà ġew adottati skont il-baġit tal-UE sal-2020?

Liema dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippermetti li l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament mill-UE jsiru bil-kundizzjoni tal-aċċettazzjoni tal-proposti minn kredituri (il-Kummissjoni Ewropea/BĊE/FMI) fil-kuntest tal-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku?

Liema miżuri oħra, inkluż fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni, l-agrikoltura u l-EFSI, qed tħejji l-Kummissjoni biex tagħmel dawn il-fondi disponibbli għall-Greċja malajr kemm jista’ jkun u biex jinkisbu benefiċċji immedjati għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar?