Mistoqsija Parlamentari - O-000110/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000110/2015

It-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (GAP)

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000110/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp

Proċedura : 2015/2754(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000110/2015
Testi mressqa :
O-000110/2015 (B8-0763/2015)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015) (GAP) wassal biex l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha jiżdiedu u jiġu kkoordinati aħjar fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (GEWE). L-evalwazzjonijiet tal-GAP jindikaw għadd ta’ riżultati importanti, iżda wkoll nuqqasijiet fl-implimentazzjoni.

Il-GAP il-ġdid 2016-2020 huwa maħsub biex jindirizza dawn in-nuqqasijiet, notevolment permezz ta’ “bidla kulturali istituzzjonali” biex jiżdiedu l-kapaċità, l-għarfien espert u t-taħriġ tal-GEWE, żieda fl-iffukar fuq ir-rappurtar, il-monitoraġġ u r-responsabbiltà li jkunu sensittivi għas-sessi u qafas ibbażat fuq ir-riżultati. Se jiġu proposti tliet oqsma prijoritarji: l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tan-nisa u l-bniet; it-tħeġġiġ tad-drittijiet ekonomiċi tan-nisa; u t-tisħiħ tal-leħen u l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet.

1. Il-Kummissjoni temmen li l-GAP il-ġdid għandu jieħu l-forma ta’ komunikazzjoni sabiex itejjeb il-profil tiegħu u jiżgura skrutinju parlamentari xieraq?

2. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura koerenza politika esterna billi tapplika l-GAP, mhux biss għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp iżda għall-politiki esterni kollha, inkluż il-kummerċ?

3. Minħabba nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-ewwel GAP, x’mezzi se jintużaw biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tat-tieni GAP, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri?

4. Il-Kummissjoni hija lesta li timpenja ruħha biex tinkludi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa bħala tema f’rapporti annwali futuri dwar l-assistenza esterna tal-UE?

5. Il-Kummissjoni hija impenjata li tuża r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-2017 tad-DCI u r-reviżjoni tal-prestazzjoni tal-11-il FEŻ biex tivvaluta l-impatt ta’ programmi li huma ffinanzjati mid-DCI u mill-FEŻ dwar in-nisa u l-bniet u biex tagħmel ir-riallokazzjonijiet neċessarji sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-GAP u l-SDGs ta' wara l-2015?

6. Taħseb li l-"bidla kulturali istituzzjonali" tirriżulta f'profil aħjar u aktar riżorsi għal kwistjonijiet dwar is-sessi kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-UE, inkluża politika tar-riżorsi umani li tkun aktar sensittiva għas-sessi u impenn biex jiżdied l-għarfien espert tal-persunal tagħha dwar is-sessi?