Mistoqsija Parlamentari - O-000137/2015Mistoqsija Parlamentari
O-000137/2015

Data b'tariffa żero

29.10.2015

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000137/2015
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Patrizia Toia, Evelyne Gebhardt, Petra Kammerevert, f'isem il-Grupp S&D

Il-forniment ta' data b'tariffa żero (zero rating) huwa prattika kummerċjali min-naħa ta' xi fornituri ta' aċċess għall-internet, b'mod speċjali operaturi tat-telefonija ċellulari, li tippermetti li l-utent finali jkollu aċċess għal kontenut, servizzi jew applikazzjonijiet partikolari mingħajr ma jintalab iħallas jew mingħajr ma jingħadd dak l-użu ta' data speċifiku. It-tariffa żero tista' tapplika jew billi ma jiġi impost ebda ħlas għat-traffiku ta' data li jirriżulta minn applikazzjonijiet speċifiċi, jew permezz ta' sitwazzjonijiet fejn l-utent jista' jkollu aċċess għas-servizz anke jekk ma jkollux abbonament għal data. Dan jista' jkollu effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni jew l-aċċess għas-suq għal servizzi innovattivi ġodda permezz ta' diskriminazzjoni fil-prezzijiet, li twassal għal sitwazzjonijiet fejn titnaqqas l-għażla tal-utent finali. Dan jikkontradixxi d-dritt tal-utent finali li jaċċessa u jiddistribwixxi informazzjoni u kontenut, li juża u jipprovdi applikazzjonijiet u servizzi u li juża apparat terminali tal-għażla tiegħu, irrispettivament minn fejn jinsab l-utent finali jew il-fornitur, jew il-lokalizzazzjoni, l-oriġini u d-destinazzjoni tas-servizz, l-informazzjoni jew il-kontenut, permezz tas-servizz tiegħu ta' aċċess għall-internet.

L-UE impenjat ruħha, permezz tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, biex tissalvagwardja l-pluraliżmu fl-UE. Din id-dimensjoni għandha tiġi kkunsidrata fil-politiki l-oħra tal-UE, bħas-suq intern. Dan jirrikjedi azzjoni legali li tmur oltre dik prevista mil-liġi tal-UE dwar antitrust u kompetizzjoni b'mod li jiġi evitat it-tfaqqir kulturali li jirriżulta minn tnaqqis tal-pluraliżmu kulturali u medjatiku.

Tista' l-Kummissjoni tispeċifika kif il-prinċipji tan-newtralità tal-internet u d-diversità kulturali jistgħu jipproteġu lill-utent minn prattiċi ta' forniment ta' data b'tariffa żero, li potenzjalment jinkoraġġixxu lill-fornituri ta' aċċess għall-internet biex jiddiskriminaw bejn sorsi ta' kontenut u servizzi fuq l-internet?

Il-Kummissjoni kif se tipprevjeni t-tixrid ta' din l-imġiba antikompetittiva u diskriminatorja, li effettivament tammonta għal diskriminazzjoni pożittiva fil-prezzijiet?