Mistoqsijiet parlamentari
PDF 204kWORD 19k
26 ta' Mejju 2016
O-000084/2016
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000084/2016
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Antonio Tajani, Monika Hohlmeier, Franck Proust, Marian-Jean Marinescu, Françoise Grossetête, Salvatore Domenico Pogliese, Massimiliano Salini, Herbert Reul, Claude Rolin, Alain Cadec, Maurice Ponga, Tokia Saïfi, Anne Sander, Axel Voss, Bogdan Andrzej Zdrojewski, f'isem il-Grupp PPE
Flavio Zanonato, José Blanco López, Inés Ayala Sender, f'isem il-Grupp S&D
Evžen Tošenovský, f'isem il-Grupp ECR
Dominique Riquet, f'isem il-Grupp ALDE

 Suġġett: Il-politika industrijali spazjali tal-UE

Is-settur spazjali huwa strateġikament ferm importanti u jikkontribwixxi għall-potenzjal tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-ekonomija Ewropea permezz ta' tkabbir u impjiegi. Se jkun ukoll kruċjali biex tintlaħaq il-mira ta' 20% tal-PDG iġġenerat mill-industrija qabel l-2020 u, finalment, għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Iż-żewġ programmi ewlenin tal-UE, Galileo u Copernicus, kif ukoll EGNOS, huma ċentrali f'dan ir-rigward: Dawn għandhom isiru operattivi mill-aktar fis possibbli, bl-użu tal-kostellazzjoni sħiħa ta' satelliti u billi jipprovdu servizzi għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE. Huwa importanti wkoll li ssir enfasi fuq l-użu tad-data u l-applikazzjonijiet satellitari f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bħat-trasport, l-agrikoltura, l-għajnuna umanitarja, il-klima u l-enerġija.

Iżda waħedhom mhumiex biżżejjed: Biex l-Ewropa tibqa' minn ta' quddiem nett f'dan is-settur, l-investiment fi programmi ta' riċerka huwa wkoll fundamentali, peress li dan se jmexxi l-innovazzjoni, mingħajr ma titħalla barra l-importanza tan-nondipendenza u tas-sigurtà tal-provvista f'teknoloġiji kritiċi. L-Unjoni Ewropea għandha ttejjeb ir-rwol tagħha biex tagħti inċentiv lill-iżvilupp tar-riċerka dwar l-ispazju u l-opportunitajiet tas-suq. L-EUR 1.4 biljun mwarrba fi ħdan Orizzont 2020 għandhom jintużaw bis-sħiħ biex jipproteġu l-infrastruttura tagħna, jiżviluppaw aċċess għall-ispazju, u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-konstellazzjoni ta' programmi ġodda.

Sabiex jinżamm programm spazjali indipendenti, affidabbli, kost-effettiv u affordabbli, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll bħala prijorità għolja l-iżvilupp, l-iskjerament u l-opportunitajiet tas-suq għal pjattaformi tal-varar.

Fl-aħħar nett, l-SMEs huma kontributuri prezzjużi ħafna għall-katina tal-provvista fl-ambjent spazjali iżda l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti Ewropej kbar ħafna għadu 'l bogħod milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu minħabba għadd ta' ostakli għad-dħul. Għalhekk hemm bżonn li jkun possibbli u li jitjiebu l-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs permezz ta' strumenti finanzjarji spazjali tal-UE.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq:

1. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tkompli l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-politika industrijali spazjali u b'mod partikolari l-użu ta' satelliti Galileo u Copernicus bl-għan li jkunu provduti servizzi malajr kemm jista' jkun?

2. Il-Kummissjoni biħsiebha tippermetti li jkun hemm aktar riżorsi għal programmi ta' riċerka jew tal-inqas tippermetti li l-flus li ma jintefqux jerġgħu jintużaw għas-sena ta' wara, u kif biħsiebha tippermetti l-aċċess tal-SMEs għal strumenti finanzjarji spazjali tal-UE?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali