Mistoqsija Parlamentari - O-000016/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000016/2018

Minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti: miżuri ta' akkumpanjament

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000016/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp

Proċedura : 2018/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000016/2018
Testi mressqa :
O-000016/2018 (B8-0008/2018)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fis-16 ta' Marzu 2017, il-Parlament adotta pożizzjoni fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli. Ir-regolament ġie adottat fis-17 ta' Mejju 2017. Fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom tal-5 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli: Lejn Approcc integrat tal-UE", il-Kummissjoni u l-VP/RGħ impenjaw ruħhom favur l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni u l-konformità fir-rigward tad-diliġenza dovuta għall-pajjiżi li joriġinaw minnhom il-minerali. Il-komunikazzjoni kien fiha għadd ta' miżuri ta' akkumpanjament – elenkati taħt ħames intestaturi u 14-il qasam ta' ħidma differenti – li l-għan tagħhom kien li jinkoraġġixxu l-provenjenza responsabbli tal-minerali. Lejn tmiem l-2017, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel miżura ta' akkumpanjament iffinanzjata mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI): "Il-promozzjoni ta' katina tal-provvista responsabbli fil-qasam tal-minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti (3TG)".

Din il-miżura ta' akkumpanjament tkopri biss ċerti aspetti ta' xi wħud mill-14-il qasam ta' ħidma elenkati fil-komunikazzjoni tal-2014. Il-Kummissjoni, għalhekk, beħsiebha tippreżenta miżuri ta' akkumpanjament oħra li jkopru l-bqija tal-aspetti msemmija fil-komunikazzjoni? Jekk iva, x'inhu l-kalendarju previst? X'baġit hu antiċipat għal dan, u minn liema linji baġitarji? Dawn il-miżuri l-oħra jinkludu kwistjonijiet relatati ma’: l-implimentazzjoni ta’ tassazzjoni ġusta għall-minerali; l-integrazzjoni ta' eluf ta' ħaddiema klandestini fil-minjieri u l-impenn ġuridiku fil-konfront tagħhom; u l-varar tal-ipproċessar tal-minerali fil-post? Tista' l-Kummissjoni tispjega kif il-Parlament se jkun involut mill-qrib fit-tfassil tal-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija u, jekk ikun il-każ, x'konsultazzjoni rilevanti beħsiebha twettaq? Id-Dokument ta' Azzjoni jirreferi għal diversi ċikli ta' sejħiet għal proposti. Kemm se jkun hemm minn dawn? X'intervall hu mistenni bejniethom? X'inhu l-ammont tal-għotjiet? X'se tkun il-firxa ta' perċentwali tal-kontribuzzjoni mitluba mingħand il-benefiċjarji?

Il-Pjan ta' Azzjoni jirreferi għal sinerġiji interessanti mal-Pjan ta' Investiment Estern, iżda liema sinerġiji eżattament? Il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament u l-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija jikkonċernaw il-minerali 3TG. Ladarba hemm minerali problematiċi li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi miżuri oħra biex tinkoraġġixxi l-provenjenza responsabbli ta' minerali li mhumiex fost it-3TG? Jeżistu miżuri ta' akkumpanjament iffinanzjati minn strumenti oħra, u mhux mid-DCI?

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza