Mistoqsija Parlamentari - O-000024/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000024/2018

Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm LIFE

1.3.2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000024/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Dubravka Šuica, Nicola Caputo, Julie Girling, Gerben-Jan Gerbrandy, Stefan Eck, Marco Affronte, Mireille D'Ornano, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

Fit-6 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE). Dan ir-rapport jivvaluta l-ewwel sentejn tal-programm LIFE 2014-2020 u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta' segwitu.

1. Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dam erba' xhur iżjed milli previst iżda xorta għad jonqsu ħafna informazzjoni dettaljata. Huma biss il-proġetti mis-sejħiet tal-2014 u l-2015 li bdew, filwaqt li ftit huma dawk li tlestew. Meta jitqies li diġà għaddew 4 snin mis-7 snin tal-programm LIFE, liema tagħlimiet ewlenin ġew misluta mill-Kummissjoni? Kif jista' jiġi spjegat u rkuprat dan id-dewmien?

2. Il-Kummissjoni kif tista' ttejjeb is-sistema tal-indikaturi, speċjalment fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE?

3. Il-Kummissjoni kif tista' tipprovdi aktar tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE rigward id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar il-programm ta' ħidma pluriennali li jmiss (2018-2020) u l-qafas finanzjarju pluriennali? Il-Kummissjoni kif biħsiebha tindirizza l-kapaċità tal-investiment u n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji disponibbli għall-benefiċjarji sabiex tissaħħaħ r-replikabbiltà tar-riżultati tal-proġett?

4. Fid-dawl tal-ħtieġa li jissaħħu l-impatt, is-sostenibbiltà, u/jew r-replikabbiltà tal-proġetti eżistenti, il-Kummissjoni kif se tiżgura li dawn jilħqu l-potenzjal tagħhom, speċjalment billi l-evalwazzjoni finali tal-LIFE+ ikkonkludiet li l-potenzjal ta' dimostrazzjoni ta' ħafna proġetti sikwit ma kienx rilaxxat jew sfruttat għalkollox?

5. X'jista' jsir biex titjieb l-istrateġija ta' komunikazzjoni f'termini ta' udjenza fil-mira u l-koordinazzjoni bejn l-atturi?

6. Il-proġetti integrati u l-komplementarjetà bejn il-programm LIFE u politiki oħra tal-UE għandħom jissaħħu fil-futur. Il-Kummissjoni x'se tagħmel biex ittejjeb is-sinerġiji li jeżistu bejn il-programm LIFE u leġiżlazzjonijiet, politiki u programmi oħra fl-UE?

7. Il-Kummissjoni kif tippjana li ssaħħaħ ir-rwol tal-NGOs u tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proposti, it-tfassil u t-tmexxija tal-proġetti. Hemm xi possibilita li jiżdied is-sehem tal-finanzjament tal-UE għall-proġetti tal-programm LIFE disponibbli għal NGOs u atturi tas-soċjetà ċivili?

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Marzu 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza