Mistoqsijiet parlamentari
PDF 194kWORD 19k
1 ta' Marzu 2018
O-000025/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000025/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Jan Zahradil, f'isem il-Grupp ECR

 Suġġett: Il-ħatra tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea

Nhar l-Erbgħa, il-21 ta' Frar, il-Kummissjoni ħabbret li s-Segretarju Ġenerali tagħha, Alexander Italianer, irtira b'effett immedjat u kien se jiġi sostitwit minn Martin Selmayr, il-Kap tal-Kabinett attwali tal-President Jean-Claude Juncker. Il-Kummissjoni spjegat li s-Sur Italianer ġie sostitwit immedjatament sabiex jiġi evitat it-tidgħjif tal-effettività tiegħu u tiġi żgurata l-kontinwità. Madankollu, fl-2015, wara li tħabbar li l-ex Segretarju Ġenerali Catherine Day kienet se tirtira, is-Sa Day baqgħet fil-kariga għal madwar tliet xhur oħra. Abbażi tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata s'issa lill-istampa mill-Kummissjoni, huwa mifhum li l-iskeda ta' żmien kif seħħew l-affarijiet kienet hekk:

Fil-31 ta' Jannar: il-kariga ta' Viċi Segretarju Ġenerali saret vakanti u nfetħet għall-applikazzjonijiet; Fl-14 ta' Frar: id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet skadiet; Fil-15 ta' Frar: il-kandidati attendew iċ-ċentru ta' evalwazzjoni; Fis-16 ta' Frar: il-kandidati ġew intervistati u evalwati; Fid-19 ta' Frar: il-Kapijiet tal-kabinett iltaqgħu biex iħejju laqgħa tal-kulleġġ (mingħajr ebda referenza għall-ħatra la fl-aġenda u lanqas taħt "Affarijiet oħra"); Fl-20 ta' Frar: il-Kummissarju għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther Oettinger iltaqa' mal-kandidat prospettiv; Fil-21 ta' Frar, fid-9.00: tqassmet l-aġenda riveduta tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, biż-żieda tal-aħbar tal-ħatra; fid-9.30: bdiet il-laqgħa tal-kulleġġ, Martin Selmayr inħatar Viċi Segretarju Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea rriżenja, Martin Selmayr inħatar Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea; fid-9.39: il-Kummissjoni avżat lill-ġurnalisti li kien se jkun hemm ħin għall-istampa mal-President Juncker u l-Kummissarju Oettinger dwar il-ħatriet; fl-10.30: Juncker fetaħ il-laqgħa għall-istampa biex jiġu diskussi l-ħatriet li saru matul il-laqgħa tal-Kummissjoni.

– Filwaqt li l-Kummissjoni ddikjarat li r-reklutaġġ tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid issodisfa r-regoli u l-proċeduri meħtieġa, hija temmen li aġixxiet fl-ispirtu tar-regoli u in bona fede f'dak li jirrigwarda t-trasparenza u l-ekwità?

– Il-Kummissjoni temmen li r-regoli u l-proċeduri attwali tagħha għar-reklutaġġ ta' uffiċjali għolja taċ-ċivil huma trasparenti u ġusti biżżejjed?

– Il-Kummissjoni temmen li l-proċess ta' reklutaġġ kif inhu bħalissa jippermettilha, bħala istituzzjoni, tqis firxa wiesgħa ta' kandidati b'ħiliet u livelli ta' esperjenza differenti?

– Fid-dawl taż-żmien limitat mogħti lill-ġurnalisti biex iħejju ruħhom għall-ħin għall-istampa, il-Kummissjoni biħsiebha tirrevedi l-istrateġija tagħha rigward kif tinforma lill-istampa u lill-pubbliku dwar deċiżjonijiet u avviżi ewlenin?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2018Avviż legali