Proċedura : 2017/2922(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-000040/2018

Testi mressqa :

O-000040/2018 (B8-0017/2018)

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 29
CRE 02/05/2018 - 29

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
PDF 197kWORD 19k
12 ta' April 2018
O-000040/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000040/2018
lill-Kunsill
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sirpa Pietikäinen, Miriam Dalli, Bolesław G. Piecha, Frédérique Ries, Stefan Eck, Marco Affronte, Eleonora Evi, Sylvie Goddyn, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

 Suġġett: Projbizzjoni globali tal-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi
 Tweġiba fil-plenarja 

Ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tal-ingredjenti kożmetiċi fl-UE, u għandu l-għan li jikseb suq intern għall-prodotti kożmetiċi filwaqt li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (Regolament (KE) Nru 1223/2009). L-ittestjar fuq l-annimali ta' prodotti kożmetiċi lesti u ta' ingredjenti kożmetiċi ilu pprojbit fl-UE sa minn Settembru 2004 u Marzu 2009 rispettivament ("projbizzjoni tal-ittestjar"). Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi lesti u ta' ingredjenti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali saret applikabbli b'mod sħiħ f'Marzu 2013, irrispettivament mid-disponibbiltà ta' testijiet alternattivi mhux fuq l-annimali ("projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni"). Dawn il-projbizzjonijiet emblematiċi huma evidenza tat-tmexxija tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali u tal-impenn tagħha biex twaqqaf l-ittestjar fuq l-annimali. Barra minn hekk, kellhom ukoll konsegwenzi pożittivi ħafna; l-Ewropa għandha settur tal-kożmetiċi prosperu u innovattiv. L-attivitajiet ta' riċerka dwar metodi alternattivi kisbu riżultati impressjonanti. Fuq kollox, il-projbizzjoni tal-UE wriet li l-eliminazzjoni gradwali tal-ittestjar fuq l-annimali għall-kożmetiċi hija possibbli. L-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi ma jistax jibqa' jiġi ġġustifikat u għalhekk għandu jiġi eliminat b'mod gradwali globalment. Madankollu, minkejja xi avvanzi leġiżlattivi importanti madwar id-dinja, madwar 80 % tal-pajjiżi tad-dinja għadhom jippermettu l-ittestjar fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali.

F'dan il-kuntest, nilqgħu tweġibiet mingħand il-Kunsill għall-mistoqsijiet li ġejjin:

1. Il-Kunsill kif jivvaluta l-impatt globali attwali u l-aċċettazzjoni minn pajjiżi terzi tal-projbizzjoni tal-UE tal-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi?

2. Il-Kunsill kif se jiżgura li l-prodotti kożmetiċi kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE qatt ma ġew ittestjati fuq l-annimali f'pajjiż terz?

3. Il-Kunsill se jieħu azzjoni deċiżiva biex jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jintemm b'mod definittiv l-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi mad-dinja kollha, abbażi tal-mudell tar-Regolament dwar il-Kożmetiċi tal-UE?

4. Il-Kunsill kif se jippromwovi projbizzjoni globali tal-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi fin-NU?

5. Il-Kunsill kif se jiżgura li l-infurzar tal-projbizzjoni globali tal-ittestjar fuq l-annimali għall-prodotti kożmetiċi ma jkunx f'kunflitt ma' ftehimiet kummerċjali u mar-regoli tad-WTO?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali