Mistoqsija Parlamentari - O-000091/2018Mistoqsija Parlamentari
O-000091/2018

Il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (PAK)

31.8.2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000091/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Czesław Adam Siekierski, f'isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Fid-dawl tal-kritika, minn maġġoranza kbira ta' Stati Membri, tat-tnaqqis fil-baġit tal-PAK fil-kuntest tal-proposta tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni, il-Parlament enfasizza li l-agrikultura u s-sostenibbiltà ekonomika tal-irziezet tagħna huma, u jridu jibqgħu, prijoritajiet ewlenin għall-UE.

Provvista domestika tal-ikel affidabbli u sikura hija essenzjali għas-sigurtà ta' kwalunkwe żona ġeografika u l-UE trid iżżomm PAK adegwatament iffinanzjata sabiex tiżgura sigurtà tal-ikel fit-territorju tagħha u tissalvagwardja l-vijabbiltà tal-biedja Ewropea, b'mod li hi tkun tista' tissodisfa l-aspettattivi għoljin tal-agrikultura u tiffaċċja t-tħeddid li qed jiżdied tat-temp u fitosanitarju, kif ukoll il-volatilità tas-swieq tad-dinja.

Il-bdiewa diġà qed ibatu l-konsegwenzi politiċi tal-embargo Russu u tal-kunflitt kummerċjali mal-Istati Uniti; huma m'għandhomx ikunu dawk li jġarrbu l-ispejjeż tal-għażliet politiċi bħall-Brexit u prijoritajiet Ewropej ġodda bħall-migrazzjoni u s-sigurtà.

Għalhekk aħna nitolbu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżidu l-baġit propost tal-PAK sabiex jinġieb lura għal-livell kurrenti tal-UE-27, u biex dan jinżamm f'termini reali matul id-durata tal-perjodu tal-QFP li jmiss sabiex jiġi żgurat finanzjament xieraq tal-objettivi tal-PAK u tiġi evitata kull possibbiltà ta' rinazzjonalizzazzjoni fil-futur.

Mingħajr finanzjament adegwat, kif se niżguraw li l-PAK tista' tkompli tipprovdi stabbiltà lill-bdiewa u twassal ikel bi prezzijiet raġonevoli għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej kollha kif meħtieġ mit-Trattati tagħha?

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza