Mistoqsijiet parlamentari
PDF 197kWORD 17k
12 ta' Settembru 2018
O-000098/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000098/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Dubravka Šuica, Nicola Caputo, Arne Gericke, Gerben-Jan Gerbrandy, Stefan Eck, Marco Affronte, Mireille D'Ornano, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

 Suġġett: Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm LIFE

Fit-6 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE). Dan ir-rapport jivvaluta l-ewwel sentejn tal-programm Life 2014-2020, u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta' segwitu.

1. Il-pubblikazzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dam erba' xhur iżjed milli previst iżda xorta għad jonqsu ħafna informazzjoni dettaljata. Huma biss il-proġetti mis-sejħiet tal-2014 u l-2015 li fil-fatt bdew, filwaqt li ftit huma dawk li tlestew. Meta jitqies li diġà għaddew 4 snin mis-7 snin tal-programm LIFE, x'tagħlimiet ewlenin ġew misluta mill-Kummissjoni? Kif jista' jiġi spjegat u rkuprat dan id-dewmien?

2. Il-Kummissjoni kif tista' ttejjeb is-sistema tal-indikaturi, speċjalment fir-rigward tal-valur miżjud tal-UE?

3. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tipprovdi aktar tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE rigward id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu dwar il-programm ta' ħidma pluriennali li jmiss (2018-2020) u l-qafas finanzjarju pluriennali? Il-Kummissjoni kif biħsiebha tindirizza n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji tal-benefiċjarji u l-kapaċità ta' investiment tagħhom sabiex tissaħħaħ r-replikabbiltà tar-riżultati tal-proġett?

4. Fid-dawl tal-ħtieġa li jissaħħu l-impatt, is-sostenibbiltà, u/jew r-replikabbiltà tal-proġetti eżistenti, il-Kummissjoni kif se tiżgura li dawn jilħqu l-potenzjal tagħhom, speċjalment billi l-evalwazzjoni finali tal-LIFE+ ikkonkludiet li l-potenzjal ta' dimostrazzjoni ta' ħafna proġetti sikwit ma kienx għalkollox rilaxxat jew sfruttat?

5. X'jista' jsir biex titjieb l-istrateġija ta' komunikazzjoni f'termini ta' udjenza fil-mira u koordinazzjoni bejn l-atturi?

6. Il-proġetti integrati kif ukoll id-dimensjoni komplementari tal-programm LIFE ma' politiki oħra tal-UE għandhom jissaħħu fil-futur. X'se tagħmel il-Kummissjoni biex ittejjeb is-sinerġiji li jeżistu bejn il-programm LIFE u leġiżlazzjonijiet, politiki u programmi oħra fl-Unjoni Ewropea?

7. Il-Kummissjoni kif tippjana li ssaħħaħ ir-rwol tal-NGOs u tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proposti, it-tfassil u t-tmexxija tal-proġetti? Hemm xi possibilità li jiżdied is-sehem tal-finanzjament tal-UE għall-proġetti tal-programm LIFE għall-NGOs u l-atturi tas-soċjetà ċivili?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2018Avviż legali