Mistoqsijiet parlamentari
PDF 197kWORD 20k
3 ta' Ottubru 2018
O-000110/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000110/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Ska Keller, Jean Lambert, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero, Romeo Franz, Eva Joly, f'isem il-Grupp Verts/ALE

 Suġġett: Il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali

Sentejn ilu, il-Parlament adotta rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRF)(1). Ir-riżoluzzjoni tirrakkomanda l-istabbiliment ta' Patt interistituzzjonali tal-UE għad-DRF. Tali patt ikun jinkludi Rapport DRF annwali dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, biex iservi bħala bażi għal dibattitu interparlamentari u ċiklu politiku permanenti dwar id-DRF fi ħdan l-istituzzjonijiet. Il-Patt għad-DRF jieħu post l-approċċ erratiku, politiċizzat u influwenzat mill-kriżijiet li jikkaratterizza r-reazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE għall-isfidi tad-DRF fl-UE. Sfortunatament, il-Kunsill u l-Kummissjoni mhumiex qed jipparteċipaw fl-isforz biex jiġi stabbilit Patt għad-DRF. Fid-dawl tal-isfidi li qed jikbru tad-DRF fl-UE, bħal dawk enfasizzati bl-iskattar tal-proċeduri tal-Artikolu 7(1) tat-TUE u l-proċeduri tal-Qafas dwar l-Istat tad-Dritt, tal-proċeduri ta' ksur u l-kawżi quddiem il-QĠUE, il-ħolqien ta' grupp ta' monitoraġġ tal-istat tad-dritt tal-PE u diversi seduti ta' smigħ u riżoluzzjonijiet, huwa ċar li l-UE teħtieġ urġentement mekkaniżmu oġġettiv u permanenti biex tindirizza dawn l-isfidi fundamentali.

Fid-dawl ta' dan:

1. Il-Kummissjoni taqbel li l-approċċ kurrenti mhuwiex sostenibbli, minħabba li ma setax jipprevjeni jew jindirizza b'mod effettiv ksur serju tal-Artikolu 2 tat-TUE?

2. Il-Kummissjoni taqbel li l-Artikolu 7 tat-TUE waħdu mhuwiex biżżejjed għal reazzjoni effikaċi għal tali ksur, speċjalment jekk aktar minn Stat Membru wieħed ikun soġġett għal proċedura skont dan l-artikolu, u li, għaldaqstant, jenħtieġ mekkaniżmu interistituzzjonali permanenti biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jikbru tad-DRF?

3. Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt fil-baġit tal-Unjoni(2), il-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni mfissra fl-opinjoni(3) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jenħtieġu aktar speċifikazzjoni tas-sorsi u linji gwida biex jiġu determinati nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri tal-UE, u li l-Patt għad-DRF jipprovdi mekkaniżmu adatt għall-fini tad-determinazzjoni ta' tali nuqqasijiet?

4. Il-Kummissjoni se tipproponi l-istabbiliment ta' Patt għad-DRF fil-komunikazzjoni li jmiss tagħha dwar l-istat tad-dritt?

(1) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(2) Kummissjoni Ewropea, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, COM(2018)0324, 2 ta' Mejju 2018.
(3) Qorti Ewropea tal-Awdituri, Opinjoni 1/2018, 17 ta' Lulju 2018.

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2018Avviż legali