Mistoqsijiet parlamentari
PDF 193kWORD 19k
6 ta' Novembru 2018
O-000120/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000120/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Tanja Fajon, f'isem il-Grupp S&D
Terry Reintke, f'isem il-Grupp Verts/ALE

 Suġġett: Il-futur tal-Lista ta' Azzjonijiet LGBTI (2019-2023)

F'riżoluzzjoni adottata fl-4 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni taħdem fuq qafas ta' politika pluriennali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI. F'Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat il-Lista ta' Azzjonijiet tagħha biex tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI, li dwarha sar rapport kull sena. Dawn ir-rapporti annwali juru b'mod ċar l-impatt li kellha l-lista f'terminu tal-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjonijiet ta' politika tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI. Sabiex inkomplu nibnu fuq din l-esperjenza pożittiva u tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, issa huwa kruċjali li tiġi żgurata strateġija ta' segwitu b'saħħitha u komprensiva tal-lista ta' azzjonijiet mill-2019 'il quddiem.

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI mhumiex protetti b'mod uniformi madwar l-UE. L-UE għadha nieqsa minn protezzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni mwettqa fuq il-bażi tal-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew il-karatteristiċi tas-sess. Unjonijiet tal-istess sess mhumiex rikonoxxuti jew protetti fl-Istati Membri kollha. L-isterilizzazzjoni hija rekwiżit għal rikonoxximent legali tal-ġeneru fi tmien Stati Membri, u 18-il Stat Membru jesiġu dijanjożi tas-saħħa mentali. F'21 Stat Membru, issir operazzjoni ta' "normalizzazzjoni" tas-sess fuq tfal intersesswali. Sadanittant, il-lista ta' azzjonijiet għadha limitata rigward l-enfasi u l-impenn; ir-reazzjonijiet innovattivi tal-UE, bħall-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, mhumiex integrati.

– Liema inizjattivi u azzjonijiet konkreti qed tippjana li tieħu l-Kummissjoni biex tavvanza aktar id-drittijiet tal-persuni LGBTI madwar l-UE, inkluż dwar il-libertà ta' moviment tal-familji kollha fid-dawl ta' kawża reċenti Coman u oħrajn tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-673/16)?

– Ir-rekwiżit għal sterilizzazzjoni u/jew dijanjosi tas-saħħa mentali għal rikonoxximent legali tal-ġeneru f'xi Stati Membri tal-UE huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, speċjalment fid-dawl tar-reviżjoni reċenti ICD-11? Il-Kummissjoni meta beħsiebha tieħu azzjoni f'dan ir-rigward?

– Il-Kummissjoni kif se taħdem mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Parlament Ewropew biex tidentifika oqsma strateġiċi u tiżviluppa strateġija għal persuni LGBTI? Il-Kummissjoni kif se tiżgura li d-Direttorati Ġenerali differenti tagħha jikkooperaw fuq suġġetti trasversali, bħad-drittijiet, is-saħħa jew l-edukazzjoni tal-persuni LGBTI?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2018Avviż legali