Mistoqsijiet parlamentari
PDF 195kWORD 18k
22 ta' Novembru 2018
O-000126/2018
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000126/2018
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
José Inácio Faria, Carlos Zorrinho, Urszula Krupa, Frédérique Ries, Margrete Auken, Kateřina Konečná, Piernicola Pedicini, Joëlle Mélin, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

 Suġġett: Il-faċilitazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura

Il-Kummissjoni trid twettaq trasformazzjoni diġitali rapida tas-saħħa u tal-kura fil-livell Ewropew. B'dan il-mod, tipproponi li titwettaq it-trasformazzjoni meħtieġa tal-approċċ attwali għas-servizzi tal-kura madwar l-Istati Membri.

Tixtieq tħeġġeġ l-użu u l-iżvilupp tal-midja diġitalizzata, fil-fażijiet differenti ta' viżjoni integrata tal-kura tas-saħħa – il-prevenzjoni tal-mard, l-identifikazzjoni u d-dijanjożi bikrija, it-trattament, il-kura u s-segwitu – filwaqt li tiżgura riċerka u taħriġ immirati għall-pazjenti, għall-persuni li jassistu fil-kura tas-saħħa u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa.

1. X'qed tippjana li tagħmel il-Kummissjoni biex tiżgura li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu kwalifikati u mgħammra bil-ħiliet diġitali xierqa? Daqstant ieħor importanti, kif biħsiebha l-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jippromwovu l-għarfien u l-ħiliet taċ-ċittadini u tal-pazjenti fl-użu ta' soluzzjonijiet diġitali?

2. Kif biħsiebha l-Kummissjoni tagħti garanziji dwar is-salvagwardja tal-kunfidenzjalità medika tal-pazjenti u s-sigurtà u l-indipendenza tas-soluzzjonijiet ta' softwer u tal-oġġetti konnessi mas-saħħa elettronika (eHealth) u s-saħħa mobbli (mHealth), f'kull stadju tal-proċess?

3. Taqbel il-Kummissjoni li matul it-tibdiliet iġġenerati bit-trasformazzjoni diġitali, il-persuni għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-kura?

4. X'azzjonijiet biħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex tiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċess sigur għad-data tagħhom u aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet magħmul mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa fir-rigward tal-għażla tat-trattament, it-terapija u l-kura?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2018Avviż legali