Mistoqsijiet parlamentari
PDF 194kWORD 17k
20 ta' Diċembru 2018
O-000142/2018

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000142/2018

lill-Kummissjoni

Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura

Czesław Adam Siekierski

f'isem il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


  Suġġett:  Predaturi kbar

Id-Direttivi tal-UE dwar in-Natura (id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi) jistabbilixxu l-qafas legali meħtieġ biex jiġu protetti madwar 1 500 speċi ta' annimali u pjanti u madwar 200 tip ta' ħabitat rari fl-UE. Madankollu, mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats fl-1992, ċerti speċijiet indikati bħala li jeħtieġu protezzjoni speċjali laħqu livell tajjeb ta' konservazzjoni. Każ partikolari huwa l-ilpup, li l-popolazzjoni tagħhom madwar l-Ewropa ġiet stabbilita mill-ġdid u saħansitra qabżet il-limiti ta' ċerti reġjuni. B'riżultat ta' dan, evolva kunflitt ta' koeżistenza bejn annimali domestiċi u karnivori kbar, li jhedded b'mod partikolari l-eżistenza ta' dawk l-annimali miżmuma f'mergħat u sistemi tar-ragħa miftuħa f'reġjuni muntanjużi u b'popolazzjoni baxxa. F'żoni rurali b'densità ogħla ta' popolazzjoni, il-preżenza ta' karnivori kbar jista' jkollha impatti negattivi fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet lokali u fuq l-agrikoltura tradizzjonali u t-turiżmu sostenibbli.

1.  Tista' l-Kummissjoni tispjega kif b'mod regolari d-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-annessi tagħha huma mmonitorjati u evalwati biex jiġi żgurat li dawn jirriflettu l-iżviluppi attwali u jekk sussegwentement jiġux proposti aġġornamenti biex jadattaw l-istatus ta' protezzjoni tal-ispeċijiet malli jintlaħaq l-istatus ta' konservazzjoni mixtieq?

2.  Minħabba li, f'dawn l-aħħar snin, ċerti speċijiet fl-Ewropa żviluppaw, pereżempju l-ilpup, l-orsijiet u l-linċijiet, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra li tiddefinixxi mill-ġdid it-terminoloġija li tiddeskrivi popolazzjoni ta' speċi speċifika?

3.  X'inhi l-fehma tagħha dwar il-ħtieġa li jiġu involuti b'mod attiv l-atturi reġjonali u lokali u kif se tipprovdi appoġġ sabiex ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet konkreti f'reġjuni partikolari biex jissolvew b'mod effettiv il-kunflitti ta' koeżistenza bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-predaturi kbar?

4.  Tista' tispjega kif, flimkien mal-Istati Membri, qed tippjana li tieħu miżuri konkreti biex tindirizza kwistjonijiet fi sforz biex tissalvagwardja l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali u l-agrikoltura lokali, b'mod partikolari fir-rigward ta' prattiki agrikoli tradizzjonali bħall-pastoraliżmu?

5.  Peress li beħsiebha taġġorna u tiżviluppa aktar id-dokumenti ta' gwida, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija u fid-dawl tal-ħtieġa għal flessibbiltà, tista' jekk jogħġobha tiddikjara liema stadju laħqet fl-abbozzar ta' dawn il-linji gwida u sa liema punt se tinvolvi u tikkonsulta lill-Parlament qabel tadottahom?

Imressqa: 20.12.2018

Mgħoddija: 24.12.2018

L-iskadenza għat-tweġiba: 31.12.2018

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali