Mistoqsijiet parlamentari
PDF 54kWORD 19k
18 ta' Jannar 2019
O-000002/2019

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000002/2019

lill-Kummissjoni

Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura

Daniel Buda, Theodor Dumitru Stolojan, Marian-Jean Marinescu, Adina-Ioana Vălean, Cristian-Silviu Buşoi, Mihai Ţurcanu, Csaba Sógor, Siegfried Mureşan, Emil Radev, Milan Zver, Romana Tomc, Ivana Maletić, Michaela Šojdrová, Marijana Petir, Dubravka Šuica, Danuta Jazłowiecka, Krzysztof Hetman, Franc Bogovič, Anna Záborská, Željana Zovko, Marek Plura, Dariusz Rosati, Tamás Deutsch, Kinga Gál, Norbert Erdős, László Tőkés, Andrea Bocskor, András Gyürk, György Schöpflin, Andor Deli, Pál Csáky, Vladimir Urutchev, Michał Boni, Lívia Járóka, Andrey Kovatchev, Asim Ademov, Stanislav Polčák, Eva Maydell, Alojz Peterle, Ivica Tolić


  Suġġett: Ksur tad-drittijiet tat-tfal li l-ġenituri tagħhom jaħdmu fl-Awstrija

Is-sena l-oħra l-Parlament Awstrijak adotta att normattiv li permezz tiegħu l-benefiċċji għall-kura tat-tfal għall-ħaddiema barranin li t-tfal tagħhom ma joqogħdux flimkien magħhom fl-Awstrija jridu jiġu aġġustati skont id-dispożizzjonijiet tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Din il-miżura twassal biex mill-1 ta' Jannar 2019 isir tnaqqis sostanzjali fil-benefiċċji mħallsa għat-tfal li jgħixu fil-Lvant tal-Ewropa. Il-ħaddiema Ewropej għandu jkollhom drittijiet ugwali, il-Kummissjoni m'għandhiex tittollera aktar azzjonijiet diskriminatorji li jaffettwaw l-idea ta' unità u solidarjetà fil-livell Ewropew u li jistgħu jsaħħu t-twemmin fi ħdan l-Unjoni dwar l-eżistenza ta' ċittadini tal-ewwel u tat-tieni klassi.

Bħala tweġiba għal mistoqsija dwar dan is-suġġett, Marianne Thyssen, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, iddikjarat li: "Ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jipprevedu regoli komuni għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja għall-ħaddiema li huma impjegati fi Stat Membru ieħor. Skont dawn ir-regoli, il-ħaddiema mobbli huma intitolati għall-istess benefiċċji għat-tfal bħall-ħaddiema lokali, irrispettivament mill-post ta' residenza ta' wliedhom. Il-Kummissjoni se teżamina l-miżuri meħuda mill-Awstrija f'termini tal-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE, jekk u meta jiġu adottati u applikati. Il-Kummissjoni tfakkar li t-Trattat jipprojbixxi kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra l-ħaddiema abbażi tan-nazzjonalità." Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq:

1. Il-Kummissjoni hija konxja mill-miżura adottata mill-1 ta' Jannar 2019 mill-awtoritajiet Awstrijaċi biex jitnaqqsu l-benefiċċji tal-kura tat-tfal u l-benefiċċji tat-taxxa fuq l-introjtu personali għall-ħaddiema barranin li huma ċittadini tal-UE u li t-tfal tagħhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor?

2. X'inhi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka l-ġdida dwar l-indiċjar tal-benefiċċji tat-tfal mad-dritt tal-UE?

3. X'miżuri biħsiebha tieħu l-Kummissjoni b'reazzjoni għall-ksur tad-drittijiet previsti mill-UE għal dawn il-ħaddiema u t-tfal tagħhom?

4. Jekk il-Kummissjoni tippjana li tieħu passi, kif se tipproċedi fil-ħin, filwaqt li tqis il-fatt li ħafna familji attwalment qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji bħala riżultat tal-miżuri Awstrijaċi?

Imressqa: 18.1.2019

Mgħoddija: 22.1.2019

L-iskadenza għat-tweġiba: 29.1.2019

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2019Avviż legali