Mistoqsijiet parlamentari
PDF 46kWORD 19k
29 ta' Jannar 2019
O-000005/2019

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000005/2019

lill-Kummissjoni

Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura

Biljana Borzan

f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi


  Suġġett: Id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi Balkani tal-Punent

Il-pajjiżi Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja) jinsabu fi stadji differenti tal-proċess biex isiru Stati Membri tal-UE; Għalkemm hemm leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiżi kollha msemmija hawn fuq, l-implimentazzjoni tagħha hija limitata u, f'ħafna każijiet, m'għandhiex l-appoġġ ta' riżorsi adegwati. Il-problema tal-vjolenza kontra n-nisa hija prevalenti, b'għadd baxx ta' postijiet ta' kenn, nuqqas ta' appoġġ legali b'xejn u aċċess insuffiċjenti għall-ġustizzja. In-nisa għadhom sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol: il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma agħar minn dawk tal-kontropartijiet irġiel tagħhom u ftit hemm regolamentazzjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-intraprenditorija femminili għadha baxxa u n-nisa għandhom aċċess limitat għas-self finanzjarju.

1. Il-Kummissjoni x'qed tagħmel biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji – b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u fuq is-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni politika – jiġu implimentati u jkunu ffinanzjati b'mod adegwat? Kif qed tappoġġa, tippromwovi u tippubbliċizza l-istrumenti disponibbli, b'mod partikolari għan-nisa fiż-żoni rurali u gruppi marġinalizzati?

2. Kif qed tgħin fil-ġlieda kontra l-isterjotipi dwar ir-rwoli tradizzjonali tas-sessi, li spiss huma identifikati bħala l-akbar ostaklu biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-reġjun?

3. Kif qed tiżgura nfiq effettiv, effiċjenti u li jħalli impatt fuq il-funzjonament tal-istituzzjonijiet governattivi u indipendenti li għandhom il-kompitu li jniedu u jimplimentaw miżuri ta' ugwaljanza bejn is-sessi u, b'mod partikolari, b'politiki dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri?

4. Kif qed tiżgura l-konformità mal-impenji deskritti fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II biex tintuża l-analiżi tas-sessi għall-infiq kollu tal-UE għall-Balkani tal-Punent, meta tipprogramma l-istrument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u fit-tfassil tal-politika fir-rigward tal-proċess ta' adeżjoni?

5. Kif se tikkonsulta regolarment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tan-nisa bħala parti mill-proċessi tal-adeżjoni, fi sforz biex ikun hemm djalogu politiku aktar infurmat mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent?

Imressqa: 29.1.2019

Mgħoddija: 31.1.2019

L-iskadenza għat-tweġiba: 7.2.2019

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2019Avviż legali