Mistoqsijiet parlamentari
PDF 47kWORD 10k
28 ta' Novembru 2019
O-000039/2019
Mistoqsija għal tweġiba orali
lill-Kummissjoni
Artikolu 136 tar-Regoli ta' Proċedura
Pascal Durand
f'isem il-Grupp Renew
Marie Toussaint
f'isem il-Grupp Verts/ALE
 Suġġett: Riforma tal-prinċipji ġenerali tal-komitoloġija

Fil-bidu tal-2017, il-Kummissjoni ppubblikat proposta leġiżlattiva għal rieżami tal-hekk imsejħa proċedura ta' 'komitoloġija' li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni, mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-UE, bl-għajnuna ta' kumitati ta' rappreżentanti mill-Istati Membri. Dan l-abbozz ta' regolament jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata aktar responsabbiltà min-naħa tal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jwassal għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni.

L-għan ta' din ir-riforma huwa li jiġi evitat ix-xenarju tant frekwenti fejn il-kumitati tal-komitoloġija magħmulin mir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu maġġoranza kwalifikata u għaldaqstant jikkonkludu b'"ebda opinjoni". Fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-abbozz ta' regolament, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa problematiku li l-awtorizzazzjonijiet għall-OĠM jew għas-sustanzi attivi fil-pestiċidi xorta jistgħu jingħataw anke f'każijiet ta' "ebda opinjoni" billi "dawn id-deċiżjonijiet spiss jikkonċernaw kwistjonijiet politikament sensittivi li għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u tas-sikurezza tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti". Barra minn hekk, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-pożizzjoni predominanti ta' bosta Stati Membri hija li jivvotaw kontra jew jastjenu.

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament dwar il-Komitoloġija tal-2011 ma jobbligax lill-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjoni f'każijiet ta' "ebda opinjoni" fil-kumitat ta' appell, u l-Premessa 14 tar-Regolament tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tevita li tmur kontra l-pożizzjoni predominanti tal-kumitat ta' appell. Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta diversi riżoluzzjonijiet fejn issir oġġezzjoni għal deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' sustanzi u prodotti sensittivi minħabba t-tħassib imqajjem dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent. Madankollu, il-Kummissjoni tkompli tadotta atti ta' implimentazzjoni f'każijiet ta' "ebda opinjoni" u għaldaqstant qiegħda tagħmel dan mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri u minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Parlament.

Il-Kummissjoni kif tispjega li tkompli tadotta atti ta' implimentazzjoni meta hemm nuqqas ċar ta' appoġġ mill-koleġiżlaturi?

Il-Kummissjoni ser tfittex li ssegwi l-proposta inizjali tagħha biex tirriforma r-Regolament dwar il-Komitoloġija u l-prinċipji ġenerali tiegħu li jirregolaw il-mekkaniżmi għall-iskrutinju tal-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni kif beħsiebha ssolvi dan l-imblokk fil-Kunsill dwar dawn il-kwistjonijiet?

Imressqa: 28/11/2019

Skadenza: 29/02/2020

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: PT
Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Diċembru 2019Avviż legali