Mistoqsijiet parlamentari
PDF 106kWORD 23k
26 ta' Ġunju 2017
P-001486/2017(ASW)
Tweġiba mogħtija mill-Viċi President Mogherini f'isem il-Kummissjoni
Referenza tal-mistoqsija: O-000036/2017

Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President issegwi mill-qrib ħafna s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu u ddiskutiet it-tħassib tal-UE f’dan ir-rigward b’mod regolari f’laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Shoukry. Filwaqt li tirrikonoxxi l-isfidi importanti ta’ sigurtà li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President insistiet b’mod ċar dwar il-ħtieġa li t-terroriżmu jkun ittrattat b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Hija poġġiet ukoll enfasi qawwija fuq ir-rwol importanti li l-atturi kollha tas-soċjetà ċivili kellhom fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali u fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent favorevoli għall-attivitajiet tagħha.

Id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt huma kollha identifikati fil-Prijoritajiet il-ġodda tas-Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu, miftehma ad referendum f’Diċembru 2016 u li għandhom jiġu adottati formalment f’laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni aktar tard fl-2017. Dan id-dokument jipprovdi bażi solida biex jiġu ttrattati fi spirtu ta’ sħubija d-diversi sfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż, inkluż l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Skont l-Istrateġija Globali tal-UE(1), ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President tal-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil dawn l-aspetti differenti kollha tas-sħubija u lil dawn id-diversi sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod parallel biex tikkontribwixxi għal stabbiltà u sigurtà sostenibbli.

Il-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2017 ma adottax konklużjonijiet dwar l-Eġittu.

(1)https://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/regions/files/eugs_review_web.pdf

Avviż legali