Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Minuti
It-Tnejn, 12 ta' Novembru 2018 - StrasburguVerżjoni finali

3. Dikjarazzjonijiet tal-Presidenza
CRE

Il-President għamel dikjarazzjoni li fiha fakkar il-parteċipazzjoni tiegħu, f'isem il-Parlament, fiċ-ċelebrazzjonijiet organizzati f'Pariġi fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-iffirmar tal-Armistizju, li temm l-Ewwel Gwerra Dinjija, ta ġieħ lis-17-il miljun ruħ li mietu f'dik il-gwerra, enfasizza l-importanza tal-proġett Ewropew biex jiddefendi l-ideali tal-paċi, il-libertà u l-prosperità, u fakkar fl-effetti tat-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija fuq l-eżistenza ta 'diversi stati Ewropej.

Il-President esprima l-kondoljanzi tal-Parlament lill-familjari tal-vittmi tal-għargħar li reċentement laqat diversi reġjuni fl-Italja; enfasizza l-għajnuna li l-Unjoni tista' tipprovdi permezz tal-Fond ta' Solidarjetà kif ukoll l-isforzi tal-Parlament biex l-għajnuna tingħata bl-aktar mod rapidu, u esprima t-tħassib tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' dawn l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, li huma konsegwenza tat-tibdil fil-klima fil-livell globali. Huwa fakkar li l-laqgħa tal-COP 24 se ssir f'Diċembru f'Katowice, il-Polonja, u li din tirrappreżenta opportunità biex titrawwenm tmexxija Ewropea fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-President laqa' l-ħelsien mill-akkuża mill-Qorti suprema tal-Pakistan u l-għoti tal-libertà lil Asia Bibi, li fl-2010 ġiet ikkundannata għall-mewt minħabba blasfemija, u kkonferma li jinsab f'kuntatt ma' Ján Figeľ, mibgħut speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin barra l-Unjoni Ewropea, u mal-awtoritajiet Pakistani biex jassisti l-iforzi biex jiġu żgurati l-libertà u s-sigurtà ta' Asia Bibi u l-familja tagħha.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Frar 2019Avviż legali