Proċedura : 2014/2729(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0016/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0016/2014

Dibattiti :

PV 17/07/2014 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 149kWORD 220k
16.7.2014
PE534.960v01-00}
PE534.963v01-00}
PE534.964v01-00}
PE534.965v01-00}
PE534.967v01-00}
PE534.958v01-00} RC1
 
B8-0016/2014}
B8-0019/2014}
B8-0020/2014}
B8-0021/2014}
B8-0023/2014}
B8-0024/2014} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8‑0016/2014)

ALDE (B8‑0019/2014)

ECR (B8‑0020/2014)

Verts/ALE (B8‑0021/2014)

S&D (B8‑0023/2014)

GUE/NGL (B8‑0024/2014)


dwar in-Niġerja – attakki reċenti mill-Boko Haram (2014/2729(RSP))


Cristian Dan Preda, Mariya Gabriel, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Jarosław Leszek Wałęsa, Seán Kelly, Petri Sarvamaa, Monica Luisa Macovei, Michèle Alliot-Marie, Philippe Juvin, Pavel Svoboda, László Tőkés, Pál Csáky, Eduard Kukan, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Andrej Plenković, Davor Ivo Stier, Franck Proust, Andrzej Grzyb, Joachim Zeller, Lars Adaktusson f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Enrique Guerrero Salom, Victor Boştinaru, Linda McAvan, Norbert Neuser, Andi-Lucian Cristea, Pier Antonio Panzeri, Maria Arena, Ana Gomes, David Martin, Marc Tarabella, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Liisa Jaakonsaari, Corina Creţu, Eva Kaili, Kashetu Kyenge, Luigi Morgano, Elena Valenciano Martínez-Orozco f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Bas Belder, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Alexander Graf Lambsdorff, Marielle de Sarnez, Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Jean-Marie Cavada, Johannes Cornelis van Baalen, Charles Goerens, Javier Nart f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Pablo Iglesias, Pablo Echenique Robba, Carlos Jiménez Villarejo, Lola Sánchez Caldentey, Tere Rodriguez-Rubio Vázquez, Kostas Chrysogonos, Sofia Sakorafa f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Bart Staes, Judith Sargentini, Ernest Urtasun, Ulrike Lunacek, f'isem il-Grupp Verts/ALE
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-Niġerja – l-attakki reċenti mill-Boko Haram (2014/2729(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, inklużi dawk tal-4 ta' Lulju 2013(1) u tal-15 ta' Marzu 2012(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton dwar in-Niġerja inklużi dawk tas-26 ta’ Ġunju 2014 u tal-15 ta’ April 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sekwestri fin-Niġerja tat-12 ta' Mejju 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliema tas-SEAE dwar in-Niġerja tas-26 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliema tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal Affettwati mill-Konflitti Armati (CAAC) ippubblikat fl-1 ta' Lulju 2014,

–   wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2014 fid-diskussjoni tal-panel li mmarkat Jum it-Tfal Afrikani (Day of the African Child),

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Attivitajiet ta' Eżami Preliminari tal-2013 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–   wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Boko Haram huwa theddida dejjem tikber għall-istabilità tan-Niġerja, l-Afrika tal-Punent u r-reġjun tas-Saħel; billi l-vjolenza instigata minn din l-organizzazzjoni estremista jihadista Islamika kkawżat eluf ta' mwiet f'dawn l-aħħar għaxar snin; billi l-organizzazzjoni, b'mod indiskriminat, għandha fil-mira tagħha l-Insara, il-Musulmani moderati, il-persunal tal-gvern u l-istituzzjonijiet u filfatt kull min ma jaqbilx mat-twemmin dommatiku u estrem tagħha;

B.  billi fil-lejl tal-14-15 ta' April 2014, 276 studenta femminili nħatfu mill-Boko Haram mill-Iskola Sekondarja tal-Gvern fil-belt ta' Chibok fl-Istat ta' Borno; billi s'issa iktar minn 200 student għadhom neqsin; billi hemm rapporti li l-forzi tas-sigurtà tan-Niġerja ma aġixxewx għal twissija minn qabel; billi kien hemm iktar ħtif ta' tfal tal-iskola wara l-attakk ta' Chibok;

C. billi t-tfajliet li nħatfu qed jaffaċċaw theddid serju ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwieġ furzata;

D. billi dawn is-sekwestri wasslu għal rispons qawwi mis-soċjetà ċivili fin-Niġerja u madwar id-dinja, fejn il-Gvern Niġerjan intalab jieħu azzjoni effikaċi biex 'iġib lura l-bniet tagħna', jiżgura l-protezzjoni tat-tfal tal-iskola u jimmaniġġja l-firxa tal-Boko Haram;

E.  billi kien hemm rapporti allarmanti, inkluż mis-SEAE u sorsi tal-gvern, dwar il-vjolenza indiskriminata bħala parti mir-rispons mill-gvern, inkluż mit-Task Force Konġunta Niġerjana tal-unitajiet militari u tal-pulizija, imwaqqfa f'Mejju 2013 biex tiġġieled lill-Boko Haram;

F.  billi f'dawn l-aħħar xhur, ir-rata tal-attakki mill-Boko Haram żdiedet b'mod drammatiku u qed isiru dejjem iktar vjolenti, b'iktar minn 4 000 midruba fis-sena s'issa f'attakki fuq knejjes, skejjel, swieq u rħula kif ukoll istallazzjonijiet tas-sigurtà; billi l-Boko Haram bħalissa qed jestendi ż-żona ta' operazzjonijiet tiegħu biex ikopri n-nofs tat-Tramuntana tan-Niġerja kollu kif ukoll iż-żoni li jmissu ma din iż-żona fil-pajjiżi ġirien;

G. billi l-Boko Haram kien responsabbli għal tal-inqas 18-il attakk fuq il-popolazzjoni ċivili fit-Tramuntana tan-Niġerja f'dawn l-aħħar ġimagħtejn, flimkien ma' tensjonijiet politiċi dejjem jikbru qabel l-elezzjonijiet ġenerali ppjanati għall-2015;

H. billi l-attakki tal-Boko Haram u r-rispons tal-gvern taw bidu għal kriżi ta' rifuġjati, b'iktar minn 10 000 persuni jfittxu r-rifuġju barra pajjiżhom, l-iktar fin-Niġer u l-Kamerun, u ħafna iktar Persuni Spostati f'Pajjiżhom, skont l-UNHCR; billi dan jikkawża iktar tensjoni għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel wara snin ta' nixfa;

I.   billi s-sitwazzjoni umanitarja ta' parti kbira mill-popolazzjoni għadha kritika, fejn 70 % tal-popolazzjoni tgħix b'inqas minn USD 1.25 kuljum;

J.   billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw dwar l-awtoritajiet Niġerjani b'mod kritiku; billi l-Boko Haram hedded ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwaru;

K. billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza li ilha fis-seħħ mill-14 ta' Mejju 2013 fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istati saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u l-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;

L.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ripetutement offrew l-appoġġ tagħhom lin-Niġerja fl-isforzi tagħha għaddejjin bħalissa biex tipproteġi liċ-ċittadini u tegħleb it-terroriżmu f'kull forma tiegħu, kif ukoll biex tintemm il-kultura tal-impunità għall-użu ta' vjolenza sesswali;

M. billi fit-28 ta' Mejju 2014, l-UE qiegħdet lill-Boko Haram u lill-mexxej tiegħu, Abubaker Shekau, fuq il-lista tagħha ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati. wara deċiżjoni tan-NU li Boko Haram jiġi nominat bħala organizzazzjoni terroristika u l-eżempju ta' sħab internazzjonali oħrajn;

N. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, kien wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi inkjesta preliminari tal-QKI kkonfermat din it-twissija, li kkonkludiet li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jifhem li l-Boko Haram qiegħed iwettaq delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa il-fluss li qed ikompli ta' attakki bil-pistoli u l-bombi, l-attakki suwiċida bil-bombi, il-ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-militanti fin-Niġerja, fit-Tramuntana, kif ukoll f'Abuja u Lagos; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-bniet tal-iskola ta' Chibok;

2.  Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu lejn il-familji tal-vittmi u jappoġġa l-isforzi tal-Gvern Niġerjan biex iwaqqaf il-vjolenza u jressaq il-persuni responsabbli quddiem il-qorti;

3.  Jistieden lill-Gvern u l-awtoritajiet Niġerjani jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-bniet jiġu lura mingħajr periklu, biex itejbu t-trasparenza dwar l-isforzi ta' salvataġġ u biex jipprovdu informazzjoni adegwata kif ukoll appoġġ mediku u psikoloġiku għall-familji tal-bniet sekwestrati sabiex tintemm il-klima ta' suspetti;

4.  Jinsab imħasseb sew dwar il-mod attiv li bih l-Boko Haram qed jitfa' fil-mira n-nisa u t-tfal bħala parti mill-kampanja mdemmija ta' gwerilla tiegħu u jikkundanna l-ksur assolut tad-drittijiet fundamentali peress li l-Boko Haram qiegħed jipprojbixxi lit-tfal milli jkollhom aċċess għall-edukazzjoni;

5.  Huwa tal-opinjoni li l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Rappurtar dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati għandu jiġi attivat fin-Niġerja u li l-UNICEF għandha żżid il-kapaċità tagħha f'din iż-żona, bi qbil mal-mandat tagħha;

6.  Jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' konverżjonijiet furzati għall-Iżlam u t-twaqqif tal-Liġi Sharia bħala parti mill-għan iddikjarat tal-grupp li jinħoloq kalifat Iżlamiku fit-Tramuntana tan-Niġerja;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan u l-forzi tiegħu biex ma jesaġerawx meta jiġġieldu l-vjolenza mir-ribelli u jiżgura li kwalunkwe sforz biex tiġi ttrattata din il-vjolenza jitwettaq bi qbil mal-obbligi tal-Gvern Niġerjan skont il-liġi internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani biex jinvestigaw rapporti ta' vjolenza indiskriminata u sproporzjonata mill-forzi tal-gvern, inkluż il-ħruq ta' djar u l-eżekuzzjoni ta' persuni ssuspettati tal-Boko Haram jew anki ċittadini bl-ebda rabta ċara mal-organizzazzjoni, u biex iressqu l-persuni li jagħmlu dawn id-delitti quddiem il-qorti;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex mhux biss jiġġieled ir-rewwixta tal-Boko Haram imma wkoll ftit mill-kawżi primarji tagħha, inklużi s-sottożviluppar, il-korruzzjoni mifruxa, it-tbagħbis tal-flus miż-żejt, ir-radikalizzazzjoni u n-nuqqas ta' prospettivi u jitlob lill-Istati Membri biex jgħinu lin-Niġerja ħalli tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani, barra minn hekk, biex jeliminaw id-differenzi ekonomiċi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż, inkluż billi jiġu provduti edukazzjoni aħjar u servizzi tal-kura tas-saħħa fit-Tramuntana u biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji mill-ġid taż-żejt permezz tal-baġit tal-istat ħalli jiġi żgurat żvilupp reġjonali xieraq;

10. Jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni; għalhekk, jitlob li jittieħdu passi lejn it-titjib fl-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja bħala mezz ta' użu effikaċi tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11. Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja u biex jippermetti l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għal-linji fuq quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

12. Jesprimi tħassib dwar iż-żieda ta' traffikar tal-bnedmin u kuntrabandu tal-armi u tad-drogi fir-reġjun u r-rabta tagħhom mat-terroriżmu Iżlamiku; jinnota, barra minn hekk, il-konnessjonijiet bejn il-gruppi militanti ta' Boko Haram, AQIM u Al Shabab f'din l-attività illegali; jistieden lill-Gvern Niġerjan, f'kollaborazzjoni mal-gvernijiet tal-ECOWAS, gvernijiet oħra u aġenziji internazzjonali, biex jeqirdu dan il-kummerċ bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-firxa tat-terroriżmu internazzjonali u s-sorsi li jiffinanzjawh;

13. Iħeġġeġ lis-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaħdmu man-NU u sħab internazzjonali oħrajn sabiex jaqtgħu l-iffinanzjar għal, u jillimitaw il-movimenti ta', Boko Haram u, b'mod partikolari t-tmexxija tiegħu;

14. Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali biex ikomplu jikkooperaw man-Niġerja, inkluż dwar il-każ tal-bniet tal-iskola f'Chibok, b'mod bilaterali u permezz tal-istrutturi reġjonali u tan-NU, fi sforzi ta' rimedju, taħriġ ta' forzi tas-sigurtà u kondiviżjoni tal-intelliġenza;

15. Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jikkonkludu ta' malajr l-istrateġija tal-pajjiż tal-2014-2020 għan-Niġerja u biex jinkludu l-għajnuna u l-assistenza mmirati biex jeliminaw il-kawżi primarji tal-ħolqien ta' Boko Haram;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u l-Parlament Pan-Afrikan.

 

 

(1)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0335.

(2)

ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 97.

Avviż legali