Proċedura : 2014/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0107/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0107/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0026

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 150kWORD 80k
17.9.2014
PE537.009v01-00}
PE537.010v01-00}
PE537.016v01-00}
PE537.021v01-00}
PE537.028v01-00} RC1
 
B8-0107/2014}
B8-0108/2014}
B8-0114/2014}
B8-0119/2014}
B8-0126/2014} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0107/2014)

Verts/ALE (B8‑0108/2014)

S&D (B8‑0114/2014)

ALDE (B8‑0119/2014)

PPE (B8‑0126/2014)


dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))


Davor Ivo Stier, Peter Liese, Giovanni La Via, Bogdan Brunon Wenta, Gabrielius Landsbergis, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Françoise Grossetête, Annie Schreijer-Pierik, Philippe Juvin, Cristian Dan Preda, Mariya Gabriel, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Knut Fleckenstein, Kathleen Van Brempt, Norbert Neuser, Matthias Groote, Enrique Guerrero Salom, Linda McAvan, Maria Arena, Marlene Mizzi, Tonino Picula, Nicola Caputo, Christel Schaldemose, Gilles Pargneaux, Kashetu Kyenge, Liisa Jaakonsaari, Glenis Willmott, Andi Cristea, Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Grupp S&D
Nirj Deva, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR
Charles Goerens, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Louis Michel, Marietje Schaake, Javier Nart, Dita Charanzová, Catherine Bearder, Robert Rochefort, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, José Inácio Faria, Nathalie Griesbeck, Ramon Tremosa i Balcells, Juan Carlos Girauta Vidal, Martina Dlabajová, Petr Ježek, Fredrick Federley, Andrus Ansip, Gerben‑Jan Gerbrandy, Ivan Jakovčić, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Michèle Rivasi, Maria Heubuch, Keith Taylor, Bart Staes, Judith Sargentini, Jean Lambert, Claude Turmes

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-risposta tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola (2014/2842(RSP))    

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' 'emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali' tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tat-8 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għar-rispons tal-Ebola tal-WHO tat-28 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar il-kriżi tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-15 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni tar-riskju għall-Ebola miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard tas-27 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar it-tfaqqigħ tal-Ebola' fil-Punent tal-Afrika mill-Kummissarju għas-saħħa, Tonio Borg tat-8 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra d-'Dikjarazzjoni dwar ir-rispons tal-UE għat-tfaqqigħ tal-Ebola' mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva tal-5 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Avveniment ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea biex tikkoordina r-rispons għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika tal-15 ta’ Settembru,

–   wara li kkunsidra il-missjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), 'Appoġġ mill-UA għat-Tfaqqigħ tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika' (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta' Awissu 2014,

–   wara li kkunsidra t-Tgħarrif Speċjali lin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ebola minn Dr Joanne Liu, President Internazzjonali ta' Médecins Sans Frontières, fit-2 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Ministru għad-Difiża tal-Liberja, Brownie Samukai, quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-theddida li qed jirrappreżenta t-tfaqqigħ tal-Ebola għal pajjiżu,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru fejn il-krizi tal-Ebola se jkollha prominenza fl-aġenda,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Marda tal-Virus tal-Ebola (EVD), li qabel kienet magħrufa bħala d-deni emorraġiku Ebola, hija marda severa, ħafna drabi fatali fil-bniedmin;

B.  billi, mit-tfaqqigħ tal-Ebola li ġie ddikjarat uffiċjalment fit-22 ta' Marzu 2014 fil-Ginea, dan laħaq erba’ pajjiżi oħra (Liberja, Niġerja, Sierra Leone u Senegal), affettwa kważi 4 000 persuna u kkawża 'l fuq minn 2000 mwiet, filwaqt li jiġi kkunsidrat li hemm ukoll każijiet mhux irrappurtati ta’ persuni infettati bl-Ebola u mwiet;

C. billi l-epidemija qed taċċellera malajr u tinfirex fir-reġjun tal-Punent tal-Afrika, għalkemm qed iseħħ tfaqqigħ separat tal-virus anke fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

D. billi l-WHO tirrikonoxxi li t-tfaqqigħ ġie sottovalutat u tistima li l-għadd ta' pazjenti jista' jmur oltre l-20 000 tul it-3 xhur li ġejjin;

E.  billi l-WHO ħabbret li dan huwa l-ikbar tfaqqigħ f'termini ta' każijiet, imwiet u kopertura ġeografika, u ddikjarat il-kriżi bħala "emerġenza tas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali" li titlob rispons internazzjonali kkoordinat;

F.  billi hemm 4,5 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin li qed jgħixu fiż-żoni milqutin mill-virus tal-Ebola, u n-nisa (li jirrappreżentaw 75 % tal-każi) intlaqtu b'mod sproporzjonat mill-virus minħabba r-rwol tagħhom bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor;

G. billi l-pjan direzzjonali tal-WHO jelenka għadd ta' miżuri ferm konkreti u immedjati bl-għan li jwaqqfu t-trażmissjoni tal-Ebola madwar id-dinja fi żmien sitt jew disa’ xhur, filwaqt li jġestixxu malajr il-konsegwenzi ta' kwalunkwe tixrid internazzjonali u jirrikonoxxu l-ħtieġa li, b'mod parallel, jiġi indirizzat l-impatt soċjoekonomiku usa' tat-tfaqqigħ;

H. billi l-iktar NGOs attivi fil-post, il-Médecins Sans Frontières u l-International Federation of Red Cross u r-Red Crescent Societies, qed jikkritikaw l-isforzi internazzjonali billi qalu li dawn huma inadegwati b'mod perikoluż, peress li kapaċitajiet ferm limitati fil-post qed jirriżultaw f'nuqqasijiet kritiċi fl-aspetti kollha tar-rispons: kura medika ta' appoġġ, taħriġ tal-persunal tas-saħħa, kontroll tal-infezzjonijiet, traċċar tal-kuntatti, sorveljanza epidemoloġika, twissija u sistemi ta' riferiment, edukazzjoni komunitarja u mobilizzazzjoni;

I.   billi d-dipartiment tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DĠ DEVCO) u d-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO) wiegħdu aktar minn EUR 147 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex irażżnu t-tixrid tal-virus, jipprovdu trattament u tagħmir bżonnjuż ħafna lil persuni infettati u jiskjeraw esperti umanitarji;

J.   billi EUR 11.9 miljun biss mill-EUR 147 miljun mwiegħda jindirizzaw speċifikament uħud mill-aktar bżonnijiet umanitarji urġenti;

K. billi l-organizzazzjonijiet sħab fuq il-post kollha saħqu fuq il-fatt li, sabiex il-pazjenti jiġu iżolati u jingħataw il-kura, hemm ħtieġa urġenti mhux biss għal fondi, imma anke għal kapaċità operattiva, inklużi riżorsi umani kwalifikati u materjal loġistiku;

L.  billi l-Kummissjoni qed tissorvelja s-sitwazzjoni permezz taċ-Ċentru tagħha għall-Koordinament tar-Rispons għal Emerġenza (ERCC), li għandu jservi ta' pjattaforma għall-koordinament tal-assistenza tal-UE;

 

M. billi esperti umanitarji tal-UE intbagħtu fir-reġjun biex jissorveljaw is-sitwazzjoni u jżommu kuntatt mall-organizzazzjonijiet imsieħba u l-awtoritajiet lokali;

 

N. billi l-Istati Membri tal-UE għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw timijiet ta' rispons immedjat biex jiżguraw djanjosi bikrija, iżolament (każijiet suspetti u każijiet ikkonfermati fi swali differenti), il-monitoraġġ ta' persuni f'kuntatt u li jintraċċaw katini ta' trażmissjoni, miżuri ta' dfin, edukazzjoni u appoġġ lokali;

O. billi l-pajjiżi affettwati diġà jsofru minn nuqqasijiet ta' ikel u ilma nadif u kollass ekonomiku kkawżat minn ostakli fil-kummerċ, it-titjiriet kummerċjali u l-ħidma tal-ħsad, wara t-tfaqqigħ tal-epidemija, u dan iwassal għal problemi soċjali, ħarb, kaos, theddid lill-ordni pubbliku u tifrix ulterjuri tal-virus;

P.  billi l-marda żvelat l-inadegwatezza serja tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milqutin u l-bżonn urġenti ta' appoġġ biex jissaħħu;

1.  Jiddeplora l-imwiet fir-reġjun devastat mit-tfaqqigħ tal-Ebola u jestendi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-gvernijiet tal-pajjiżi u l-persuni affettwati mit-tfaqqigħ;

2.  Jikkunsidra li l-komunità internazzjonali għandha jkollha rwol akbar filwaqt li l-pajjiżi Afrikani għandhom jassumu wkoll is-sehem tagħhom tar-reponsabbiltà, peress li t-tfaqqigħ tal-Ebola toħloq sfida ta' sigurtà globali u mhijiex biss problema tal-Punent tal-Afrika iżda pjuttost hi problema fuq skala globali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha u tikkoordina azzjonijiet mal-Istati Uniti biex tiġġieled t-tfaqqigħ tal-virus tal-Ebola; jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien mal-pajjiżi sħab affettwati, jikkunsidraw il-possibbiltà li jintużaw assi ta’ difiża militari u ċivili taħt it-tmexxija tas-Segretarju Ġenerali u koordinati mill-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

4.  Jilqa' u jħeġġeġ ż-żieda fl-impenn finanzjarju li għadu għaddej tal-Kummissjoni f'termini ta' għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp b'rispons għall-kriżi, u speċjalment l-appoġġ tagħha għall-missjoni ASEOWA tal-Unjoni Afrikana;

5.  Ifaħħar il-ħidma li saret fuq l-art minn organizzazzjonijiet sħab minkejja l-isfidi u jilqa' l-kontribut kbir u l-għajnuna tagħhom għall-kontroll ta' dan it-tfaqqigħ.

6.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-għajnuna finanzjarja pprovduta lill-pajjiżi affettwati m’għandhiex tkun askapitu tal-għajnuna għall-iżvilupp fit-tul iżda, minflok, għandha tkun kumplimentari;

7.  Jiddispjaċih dwar is-sottovalutazzjoni tal-kriżi min-naħa tal-komunità internazzjonali u d-dewmien fil-provvista ta' strateġija kkoordinata adegwata;

8.  Jilqa’ l-impenni li saru mill-Istati Membri fl-Avveniment ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Settembru, u jħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea torganizza laqgħa ministerjali biex jiġi stabbilit pjan ta’ emerġenza għall-mobilizzazzjoni ta’ rispons mediku biex ikun hemm qbil u tiġi pprovduta għajnuna umanitarja mill-Istati Membri, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni;

9.  Jappella lill-Kummissjoni biex tfassal valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u pjanijiet imfassla apposta għall-pajjiż biex tiddetermina u tikkoordina d-domanda u l-użu ta’ persunal ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, laboratorji mobbli, tagħmir tal-laboratorju, ħwejjeġ protettivi u ċ-ċentri ta' trattament ta' swali ta' iżolament;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkordinaw titjiriet u jistabbilixxu pontijiet tal-arja li huma dedikati għaċ-ċaqliq ta' persunal u tagħmir tas-saħħa lejn il-pajjiżi u r-reġjun affetwati, u biex jipprovdu evakwazzjoni medika jekk hi neċessarja;

11. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-kollaborazzjoni xjentifika u l-appoġġ teknoloġiku fiż-żoni affettwati minn dan it-tfaqqigħ, bl-għan li jiġu stabbiliti infrastrutturi kliniċi, epidemoloġiċi u dijanjostiċi, inkluż infrastruttura u sorveljanza sostenibbli, u li tingħata attenzjoni partikolari għall-involviment tal-persunal lokali, inkluż it-taħriġ;

12. Jitlob lill-Kummissjoni, permezz tal-ERCC, biex iżżomm kuntatt mill-qrib mal-ECDC, il-WHO u l-Istati Membri permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;

13. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistemi ta' kontroll biex tiżgura li l-baġit sħiħ allokat lit-twaqqif tat-tfaqqigħ tal-Ebola jintuża verament biex tiġi miġġielda l-epidemija fil-pajjiżi affettwati mill-virus, u mhux għal skopijiet oħra;

14. Jikkunsidra l-pjan direzzjonali għar-Rispons tal-Ebola tal-WHO bħala bażi għall-attivitajiet ta' prijorità, speċjalment ir-rispons differenzjat tal-pajjiżi b'trażmissjoni mxerrda ħafna, każijiet inizjali u pajjiżi ġirien fejn il-preparamenti għandhom jiġu msaħħa;

15. Jilqa’ d-diskussjonijiet dwar kif l-isforzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi jistgħu – bit-taħriġ xieraq – jappoġġaw ulterjorment il-ġlieda kontra l-Ebola fir-reġjun;

16. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġaw u jinkoraġġixxu lill-Unjoni Afrikana fir-rigward tal-bżonn ta’ pjan ta’ azzjoni olistiku, peress li s-sitwazzjoni qed tkompli tmur għall-agħar b'mod rapidu u qed taffettwa l-ekonomija kif ukoll l-ordni pubblika fil-pajjiżi kkonċernati, peress li l-kriżi tal-Ebola saret kumplessa, b’implikazzjonijiet politiċi, ta’ sigurtà, ekonomiċi u soċjali li jkomplu jaffettwaw ir-reġjun lil hinn sew mill-emerġenza medika attwali;

17. Jenfasizza li l-kriżi attwali ma tistax tissolva mis-sistemi tas-saħħa waħedhom, iżda hemm bżonn ta' approċċ ikkonċentrat li jinvolvi d-diversi setturi (il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, s-sanitazzjoni, l-għajnuna għall-ikel) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kritiċi fis-servizzi essenzjali kollha;

18. Jemmen li l-persunal mediku lokali jrid jiġi involut fit-trattament tal-popolazzjoni affettwata u għandu joħloq kuntatt mal-popolazzjoni u l-persunal mediku internazzjonali;

19. Jappella għal azzjoni edukattiva u informattiva biex jiżdied l-għarfien dwar is-sintomi u l-miżuri preventivi għall-faċilità tal-fiduċja u l-kooperazzjoni popolari mal-miżuri kontra l-Ebola, peress li l-informazzjoni u l-komunikazzjoni jikkostitwixxu aspett importanti tal-ġlieda kontra t-tfaqqigħ tal-Ebola;

20. Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-Ebola ma tistax twassal għall-istigmatizzazzjoni tal-pazjenti superstiti fil-komunitajiet jew fil-pajjiżi;

21. Jitlob lill-Istati Membri kollha jwettqu kontroll tal-infezzjonijiet rigorużi u, b'kooperazzjoni mal-ECDC, jipprovdu informazzjoni iktar kompluta lill-pubbliku dwar ir-riskji;

22. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw u jsaħħu r-riċerka medika u l-produzzjoni ta' mediċini effiċjenti u titqib kontra l-Ebola, u jmexxu 'l quddiem il-provi kliniċi neċessarji għat-trattamenti kandidati eżistenti;

23. Jitlob ukoll li ssir distinzjoni ċara bejn it-testijiet ta' tilqim tal-Ebola u t-trattament li jingħata lil persuni infettati mill-Ebola; jitlob li l-provi kliniċi tal-vaċċin għall-Ebola biex jirrispettaw ir-regoli fis-seħħ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

24. Jitlob lill-Kumitat għall-Iżvilupp biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet approfonditi għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi fit-tul tal-epidemija u jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi affettwati sabiex jiġi evitat tfaqqigħ simili;

25. Jaqgħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni , lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana, s-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

Avviż legali