Proċedura : 2014/2843(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0109/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0109/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0027

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 162kWORD 105k
17.9.2014
PE537.011v01-00}
PE537.012v01-00}
PE537.023v01-00}
PE537.036v01-00}
PE537.040v01-00} RC1
 
B8-0109/2014}
B8-0110/2014}
B8-0121/2014}
B8-0134/2014}
B8-0138/2014}RC1/rev.2

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0109/2014)

Verts/ALE (B8‑0110/2014)

PPE (B8‑0121/2014)

ALDE (B8‑0134/2014)

S&D (B8‑0138/2014)


dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi (2014/2843(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Mariya Gabriel, Andrej Plenković, Francisco José Millán Mon, David McAllister, Michèle Alliot-Marie, Tunne Kelam, László Tőkés, Esther de Lange, Lars Adaktusson, Monica Luisa Macovei, Dubravka Šuica, Jarosław Leszek Wałęsa, György Hölvényi, Davor Ivo Stier, Emil Radev, Philippe Juvin, Gabrielius Landsbergis, Francesc Gambús, Marijana Petir, Monika Hohlmeier, Ivana Maletić, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Richard Howitt, Ana Gomes, Kati Piri, Liisa Jaakonsaari, Gilles Pargneaux, Boris Zala, Goffredo Maria Bettini, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Nicola Caputo, Andi Cristea, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Vincent Peillon, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Robert Rochefort, Andrus Ansip, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Petr Ježek, Gérard Deprez, Petras Auštrevičius, Johannes Cornelis van Baalen, Ivan Jakovčić, Fredrick Federley, Marietje Schaake, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewroper dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva ISIS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi (2014/2843(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2170 (2014) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU S-22/L.1 (2014),

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Pariġi dwar is-sigurtà fl-Iraq u l-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku tal-15 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, li diġà kienet kritika, kompliet tmur għall-agħar bħala konsegwenza tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorji tagħhom mill-grupp terrorist ġiħadist li nqata' minn mal-Al-Qaeda, l-Istat Iżlamiku (IS); billi l-karattru transnazzjonali tal-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu jirrappreżenta theddida lill-bqija tar-reġjun; billi t-tħassib dwar il-benessri ta' dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-IS qed jiżdied;

B.  billi d-diżintegrazzjoni tal-fruntiera ta' bejn l-Iraq u s-Sirja, forniet lill-IS b'opportunitajiet biex itejjeb il-preżenza tiegħu fiż-żewġ pajjiżi; billi l-IS, matul dawn l-aħħar xhur, espanda l-konkwista territorjali tiegħu mil-Lvant tas-Sirja sal-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-akbar belt tal-Iraq, Mosul; billi fid-29 ta' Ġunju 2014 ġie rrapportat li l-IS ipproklama 'l-kalifat', jew 'l-Istat Iżlamiku', fit-territorji tal-Iraq u s-Sirja li jikkontrolla, u billi l-kap tiegħu, Abdu Bakr al-Baghdadi, iddikkjara lilu nnifsu bħala kalif; billi l-IS ma jirrikonoxxix fruntieri aċċettati internazzjonalment u ddikjara l-intenzjoni li jifrex il-"kalifat Iżlamiku" lejn pajjiżi oħra b'maġġoranza Musulmana;

C. billi l-konkwista tat-territorji fl-Iraq u s-Sirja wara l-impożizzjoni tal-interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Xarija; billi l-ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali sar f'żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-IS u l-gruppi assoċjati miegħu, inklużi l-qtil immirat, l-konverżjonijiet furzati, s-sekwestri, il-bejgħ tan-nisa, it-tjassir tan-nisa u t-tfal, ir-reklutaġġ tat-tfal għall-attakki suwiċida bil-bombi, l-abbuż sesswali u fiżiku u t-tortura; billi l-IS qatel lill-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff, u l-ħaddiem umanitarju David Haines; billi l-komunitajiet tal-Insara, il-Yezidi, it-Turkmeni, x-Shabak, il-Kaka’e, is-Sabian u x-Shi’a qegħdin fil-mira tal-IS, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti; billi l-moskej, il-monumenti, is-santwarji, il-knejjes u postijiet oħra ta' qima, l-oqbra u ċ-ċimiterji, kif ukoll siti arkeoloġiċi u siti ta' wirt kulturali nqerdu deliberatament;

D. billi l-Iraqini Nsara reċentement kienu vittimi ta' persekuzzjoni u ċċaħħdu mid-drittijiet fundamentali tagħhom u ġew mġiegħla jitilqu minn djarhom u jsiru rifuġjati minħabba r-reliġjon u t-twemmin tagħhom; billi skont l-Open Doors International, in-numru ta' Insara fl-Iraq naqas b'mod sinifikanti minn 1.2 miljuni fil-bidu tal-1990 għal bejn 330 000 u 350 000 fil-preżent; billi qabel ma beda l-kunflitt fis-Sirja, fil-pajjiż kienu jgħixu madwar 1,8 miljun Insara; billi mindu beda l-kunflitt ġew spostati minn tal-inqas 500 000 Insara;

E.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) madwar 1,4 miljun persuna ġew spostati internament fl-Iraq din is-sena u madwar 1,5 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi ż-żieda qawwija tal-IS ipproduċiet kriżi umanitarja, notevolment l-ispustament massiv taċ-ċivili; billi fit-12 ta' Awwissu 2014 l-UE ddeċidiet li żżid l-assistenza umanitarja tagħha lill-Iraq b'EUR 5 miljun sabiex tingħata assistenza bażika lill-persuni spostati, b'hekk il-finanzjament umanitarju tal-2014 għall-Iraq s'issa jammonta għal EUR 17-il miljun; billi l-UE qed tkompli żżid ulterjorment l-għajnuna umanitarja u stabbiliet pont tal-imbark bejn Brussell u Erbil;

F.  billi skont in-NU 'l fuq minn 191 000 ruħ mietu fis-Sirja fil-kunflitt; billi skont l-OCHA huwa stmat li hemm aktar minn 6.4 miljun persuna spostata internament fis-Sirja, u aktar minn 3 miljun refuġjat Sirjan, prinċipalment fil-Libanu (1.170 miljun refuġjat), it-Turkija (832,000 refuġjat), il-Ġordan (613,000 refuġjat), l-Iraq (21,500 refuġjat) u l-Eġittu u l-Afrika ta' Fuq (162,000 refuġjat); Billi skont l-Uffiċċju għall-Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili (ECHO) madwar 10,8 miljun persuna għandhom bżonn assistenza umanitarja; billi, s'issa, l-UE kkontribwixxiet b'EUR 150 miljun f'għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-kriżi Sirjana;

G. billi mijiet ta' ġellieda barranin, inklużi ħafna mill-Istati Membri tal-UE, issieħbu fil-ġlied man-naħa tal-IS; billi dawn iċ-ċittadini tal-UE huma identifikati bħala riskju għas-sigurtà mill-gvernijiet tal-Istati Membri;

H. billi l-UE rrikonoxxiet il-piż li tqiegħed fuq ir-reġjun tal-Kurdistan u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, li qed jospita numru kbir ta' persuni spostati internament;

I.   billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikkjara li se jibqa' diffiċli ferm li wieħed jopera fiż-żona biex iċ-ċivili u r-refuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li għandhom bżonn; billi huwa importanti li li l-eluf ta' mijiet ta' refuġjati Sirjani u Iraqini isibu kenn qabel ma tidħol ix-xitwa;

J.   billi l-UE tenniet l-impenn sod tagħha lejn l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq;

K. billi l-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern li pparteċipaw fis-Summit tan-NATO tal-4 u l-5 ta' Settembru 2014 stqarru li l-preżenza tal-IS, kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq, hija theddida għall-istabbiltà reġjonali, u li l-popli tas-Sirja u dak tal-Iraq u fi bnadi oħra tar-reġjun jeħtieġu l-appoġġ tal-komunità internazzjonali biex jikkontrastaw din it-theddida;

L.  billi l-possibbiltà tqajmet biex isiru attakki mill-ajru fil-Lvant tas-Sirja; billi fil-laqgħa tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014, tfasslet koalizzjoni kontra l-IS; billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħalissa qed jaħdem fuq strateġija reġjonali komprensiva li tindirizza t-theddida mill-IS; billi fl-10 ta' Settembru 2014 il-President Amerikan Obama tal-Istati Uniti żvela l-istrateġija tiegħu għall-ġlieda kontra l-IS, li tinkludi, fost azzjonijiet oħra, kampanja sistematika ta' attakki mill-ajru kontra elementi IS "ikunu fejn ikunu", inkluż fis-Sirja, appoġġ akbar għall-forzi tal-alleati fuq l-art li qed jiġġieldu kontra l-IS, u sforzi akbar kontroterroristiċi mmirati biex jaqtgħu kull finanzjament lill-grupp; billi l-Lega Għarbija wiegħdet li se ssaħħaħ il-kooperazzjoni biex tgħeleb lill-IS fis-Sirja u fl-Iraq;

M. billi l-IS irnexxielu jikseb sorsi ta' dħul sinifikanti minn sakkeġġi ta' banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, waqt li ħa f'idejh sitt bjar taż-żejt fis-Sirja, fosthom l-ikbar faċilità taż-żejt tas-Sirja, al-Omar, qrib il-fruntiera mal-Iraq u qed jirċievi wkoll fondi mingħand donaturi għonja li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mir-reġjun;

N. billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittjiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, inkluż id-dritt għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin, huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-UE u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar id-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja bħala riżultat tal-okkupazzjoni ta' partijiet tat-territorju tagħhom mill-IS; ikkundanna bil-qawwa l-qtil indiskriminat u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn din l-organizzazzjoni u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra kontra minoritajiet reliġjużi u erniċi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel u postijiet ta' qima, u l-użu tal-eżekuzzjonijiet u l-vjolenza sesswali mill-IS fl-Iraq u s-Sirja; jenfasizza l-fatt li m'għandu jkun hemm l-ebda impunità għan-nies li jagħmlu dawn l-atti;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-ġurnalisti James Foley u Steven Sotloff u l-ħaddiem umanitarju David Haines mill-IS u jesprimi tħassib serju dwar is-sikurezza ta' dawk li għadhom maqbuda mill-estremististi; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawn il-vittmi u lill-familji tal-vittmi kollha tal-kunflitt;

3.  Jenfasizza li l-attakki sistematiċi u fuq skala wiesgħa mmirati fuq iċ-ċivili minħabba l-appartenenza etnika jew politika, ir-reliġjon, it-twemmin u s-sess tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu delitt kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' persekuzzjoni, diskriminazzjoni u l-intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin, u l-atti ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kollha; jisħaq, għal darba oħra, dwar il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

4.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-vittmi tal-intolleranza reliġjuża u l-mibegħda; jesprimi s-solidarjetà tiegħu lejn il-membri tal-komunitajiet Insara li qed ikunu vittmi ta' persekuzzjoni u jħabbtu wiċċhom mal-periklu tal-estinzjoni f'art twelidhom, l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll lejn minoranzi reliġjuzi oħra vittmi ta' persekuzzjoni; jikkonferma l-appoġġa tiegħu lejn id-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali fejn twieldu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà ir-reliġjon tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li d-delitti li saru fuq il-minoranzi Nsara bħall-Assirjani, is-Sirijaċi u l-Kaldej, kif ukoll il-Yezidi u l-Musulmani Xiiti, huwa l-aħħar sforz tal-IS biex iwettqu persekuzzjoni reliġjuża kompleta fl-għeruq taċ-ċiviltà u l-Kristjanità; jinnota li, għal-sekli sħaħ, il-gruppi reliġjużi differenti f'dan ir-reġjun kienu jikkoeżistu b'mod paċifiku;

5.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mill-mexxej tal-ISIS li huwa waqqaf kalifat fiż-żoni li issa jikkontrolla; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti oħra fl-Iraq u s-Sirja, hu theddida diretta għas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej; jirrifjuta n-nozzjoni ta' kwalunkwe bidla unilaterali tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment permezz tal-forza; jisħaq mill-ġdid li l-IS huwa soġġett għal embargo fuq l-armi u ffriżar tal-assi imposti mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1267 (1999) u 1989 (2011), u jissottolinja l-importanza ta' implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawn il-miżuri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra użu aktar effikaċi tal-miżuri restrittivi eżistenti, b'mod partikolari biex iċaħħad lill-IS il-benefiċċji ta' bejgħ illeċitu taż-żejt jew bejgħ illeċitu ta' riżorsi oħra fis-swieq internazzjonali; jinsab imħasseb ħafna dwar allegazzjonijiet li atturi f'xi Stati Membri tal-UE huma involuti f'kummerċ illeċitu ta' żejt mal-IS; jistaqsi lill-Kummissjoni jekk tistax tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet u jekk huwa l-każ, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċ illeċitu taż-żejt jintemm immedjatament;

6.  Jikkundanna l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata mill-IS u gruppi assoċjati, fatt li jippermetti lill-IS jiġġenera introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha jżommu mar-riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw il-kummerċ dirett jew indirett kollu mal-IS u gruppi assoċjati; jinsab imħasseb li l-IS qed jiġġenera introjtu permezz tal-bejgħ taż-żejt; jieħu nota tal-intenzjoni tal-UE li tissikka s-sanzjonijiet biex l-IS ma jkunx jista' jbiegħ iż-żejt; jappella għalhekk lill-UE timponi sanzjonijiet fuq dawk kollha (il-gvernijiet u l-kumpaniji pubbliċi jew privati) involuti fit-trasport, it-trasformazzjoni, l-irfinar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' żejt estratt f'żoni ikkontrollati mill-IS, flimkien ma' kontrolli stretti fuq il-flussi finanzjarji sabiex jiġu evitati l-attività ekonomika u l-isfruttament tar-rifuġji fiskali min-naħa tal-IS;

7.  Jilqa' l-appell li għamlu l-Federazzjonijiet Iżlamiċi Franċiżi kollha fit-8 ta' Settembru, kif ukoll l-appelli minn komunitajiet Iżlamiċi oħra, li b'mod inekwivoku u mingħajr kundizzjonijiet jikkundannaw l-istrumentalizzazzjoni tal-Iżlam mill-gruppi terroristiċi estremisti biex jiġġustifikaw il-vjolenza, l-intolleranza u d-delitti li jwettqu kontra l-umanità;

8.  Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fl-Iraq jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u jżommu mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jingħata appoġġ u għajnuna umanitarja immedjati lill-persuni spostati tal-Iraq;

9.  Jilqa' l-isforzi tal-Istati Uniti u tal-istati kollha l-oħra li qed jagħtu l-kontribut tagħhom biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali tal-Iraq fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS, iwaqqfu lill-IS milli jkompli javvanza u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jilqa' t-talba tal-Istati Uniti għal koalizzjoni internazzjonali kontra l-IS, li qed iżid fil-poter; jilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet mil-Lega Għarbija fis-7 ta' Settembru 2014 biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa għal konfrontazzjoni mal-IS u kooperazzjoni mal-isforzi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu miġġielda l-militanti fis-Sirja u l-Iraq, u biex tiġi approvata r-riżoluzzjoni 2170 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden lil-Lega Għarbija tiddiskuti l-emendar tal-Konvenzjoni Għarbija għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-1998, biex b'hekk tkun tista' tiġġieled it-terroriżmu globali b'kull mezz;

10. Jistieden lill-komunità internazzjonali tassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq, inkluż billi tipprovdi protezzjoni militari lill-gruppi partikolarment vulnerabbli, sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza lil dawk li qed jaħarbu miż-żoni milquta mit-terroriżmu, b'mod partikolari membri ta' gruppi vulnerabbli u membri ta' komunitajiet etniċi u reliġjużi; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu lejn l-isforzi għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà fl-Iraq; ifakkar li għandu jkun l-impenn u r-responsabilità finali tal-atturi reġjonali kollha, kif ukoll tal-UE, li jagħmlu ħilthom kollha biex jiggarantixxu r-ritorn tal-minoranzi tradizzjonali u taċ-ċittadini kollha lejn fejn kienu joqogħdu qabel ma kellhom jaħarbu; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jassistu lill-awtoritajiet tal-Iraq u dawk lokali bil-mezzi kollha possibbli, inkluża assistenza militari adegwata, sabiex irażżnu u jimbuttaw lura l-espansjoni terroristika u aggressiva tal-IS; jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni koordinata min-naħa tal-pajjiżi fir-reġjun biex tiġi miġġielda t-theddida tal-IS; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha minn entitajiet uffiċjali jew privati maħsuba biex ixerrdu ideoloġiji Iżlamisti estremi; jistieden lit-Turkija timpenja ruħha b'mod ċar u mhux ambigwu li tiġġieled it-theddida komuni għas-sigurtà li qed jippreżenta l-IS; jistieden lill-UE tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha, b'mod partikolari l-Iraq u l-Arabja Sawdija;

11. Jilqa' l-mobilizzazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta' Koordinazzjoni tar-Reazzjoni għall-Emerġenzi u l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili fuq talba tal-gvern tal-Iraq; jilqa' l-għajnuna umanitarja tal-UE lill-Iraq u s-Sirja; jitlob għajnuna umanitarja addizzjonali għall-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitt, inklużi l-Kurdi Sirjani;

12. Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Sirja, b'mod partikolari r-reġim tas-Sirja, jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, iżommu mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-forniment tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza permezz tal-kanali kollha possibbli, inkluż min-naħa għall-oħra tal-fruntiera u l-linji tal-kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u tal-ħaddiema umanitarji; ifaħħar ir-rwol tal-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija għall-fatt li jaċċettaw ir-refuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali tkun aktar attiva u disponibbli fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet u tipprovdi appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi ospitanti; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'mod rapidu; jilqa' l-impenji mill-Istati Membri, peress li l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna finanzjarja u s-sors ta' wegħdiet futuri;

13. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-possibiltajiet kollha biex it-theddida tal-IS tiġi miġġielda b'mod effettiv, b'rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali; jenfasizza li fuq perjodu ta' żmien twil hija biss soluzzjoni politika dejjiema u inklużiva li tinvolvi tranżizzjoni paċifika lejn gvern ġenwinament rappreżentattiv fis-Sirja li tista' tgħin tinnewtralizza t-theddida tal-IS u organizzazzjonijiet estremisti oħra;

14. Jistieden lill-partijiet kollha tal-kunflitt fis-Sirja jirrispettaw il-mandat tal-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn u jiżguraw is-sikurezza u l-libertà tal-moviment tat-truppi tan-NU, inkluż dawk mill-Istati Membri tal-UE; jikkundanna l-fatt li 45 ħaddiem għaż-żamma tal-paċi mill-Fiġi nżammu minn grupp armat; jilqa' l-ħelsien tal-ħaddiema għaż-żamma tal-paċi fil-11 ta' Settembru 2014;

15. Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-Koordinatur Speċjali għall-Missjoni Konġunta tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi u n-Nazzjonijiet Uniti (OPCW-NU), fejn intqal li 96 % tal-armi kimiċi Sirjani nqerdu; jitlob li l-armi li fadal jiġu diżattivati f'konformità mal-Qafas għall-Eliminazzjoni tal-Armi Kimiċi tas-Sirja;

16. Jilqa' d-deċiżjoni meħuda minn Stati Membri individwali li jirreaġġixxu b'mod pożittiv għat-talba tal-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jipprovdulhom materjal militari b'mod urġenti; jisħaq fuq il-fatt li dawn ir-reazzjonijiet isiru skont il-kapaċitajiet u l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri u għandhom il-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Iraq; jistieden lil dawk l-Istati Membri li qed jipprovdu materjal militari lill-awtoritajiet reġjonali Kurdi biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jimplimentaw miżuri effikaċi ta' monitoraġġ sabiex jevitaw li dan il-materjal jinxtered mingħajr kontroll u li jintuża kontra persuni ċivili;

17. Itenni t-tħassib tiegħu li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu fir-rewwixta tal-IS; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex lill-ġellieda ma jħalluhomx jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jitlob kooperazzjoni fil-livell tal-UE u dak internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwalunkwe individwu suspettat li jkun involut f'atti ta' terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll ma' korpi tal-UE, u jiżguraw kooperazzjoni effiċjenti mat-Turkija; jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, l-estensjoni, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

18. Jilqa' l-ħolqien ta' gvern ġdid u inklużiv fl-Iraq, kif ukoll l-adozzjoni tal-programm ministerjali; jappoġġa l-isforzi tal-Prim Ministru biex jiffinalizza l-formazzjoni tal-gvern; jistieden lill-gvern ikun verament rappreżentattiv, b'aġenda inklużiva; jenfasizza li l-gvern għandu jirrappreżenta kif jixraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà tal-Iraq, inkluża l-minoranza Sunnita, biex jieqaf it-tixrid tad-demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż; jistieden lill-parteċipanti kollha jaħdmu flimkien fl-interess tal-istabbiltà politika u l-paċi, u sabiex jiġi miġġieled l-irvell tal-IS; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u r-reġjun;

19. Jistieden lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq jeżaminaw mill-ġdid b'mod urġenti l-leġiżlazzjoni u l-prattika legali, jagħmlu riforma tas-sistema ġudizzjarja u tas-sistema tas-sigurtà tal-pajjiż, u jimplimentaw politiki inklużivi fil-konfront tal-Iraqini kollha, sabiex itemmu l-politika ta' diskriminazzjoni;

20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jindirizzaw il-qagħda tan-nisa fl-Iraq u s-Sirja, jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ bikri tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li żdiedet kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa Yazidi, li qed jiġu miżmuma f'ħabsijiet, stuprati, abbużati sesswalment u mibjugħa mill-membri tal-IS;

21. Jesprimi tħassib dwar l-għadd dejjem jikber ta' każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal u żgħażagħ fl-Iraq u s-Sirja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha flimkien ma' sħab, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jitħejja programm komprensiv li jindirizza l-ħtieġa li jitħarsu t-tfal u n-nisa milquta mill-kunflitt armat;

22. Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li wettqu l-IS u gruppi terroristiċi assoċjati, u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata reponsabilità sħiħa;

23. Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabilità tad-delitti li twettqu miż-żewġ naħat matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lir-Rappreżentanti tal-Kunsill tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

 

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

Avviż legali