Proċedura : 2014/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0118/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0118/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 173kWORD 111k
17.9.2014
PE537.020v01-00}
PE537.024v01-00}
PE537.025v01-00}
PE537.029v01-00}
PE537.030v01-00} RC1
 
B8-0118/2014}
B8-0122/2014}
B8-0123/2014}
B8-0127/2014}
B8-0128/2014} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8‑0118/2014)

ECR (B8‑0122/2014)

PPE (B8‑0123/2014)

Verts/ALE (B8‑0127/2014)

ALDE (B8‑0128/2014)


dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (2014/2841(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Arnaud Danjean, Othmar Karas, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Ivo Belet, Jerzy Buzek, David McAllister, Michael Gahler, Lars Adaktusson, Lorenzo Cesa, Anna Maria Corazza Bildt, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Monica Luisa Macovei, Gabriel Mato, György Schöpflin, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Jarosław Leszek Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Valdis Dombrovskis, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Ana Gomes, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Boris Zala, Kati Piri, Marju Lauristin, Liisa Jaakonsaari, Goffredo Maria Bettini, Nicola Caputo, Arne Lietz, Francisco Assis, Miroslav Poche, Vilija Blinkevičiūtė, Andi Cristea, Marc Tarabella, Afzal Khan, Jo Leinen f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Geoffrey Van Orden, Roberts Zīle, Ruža Tomašić, Dawid Bohdan Jackiewicz, Jadwiga Wiśniewska, Zbigniew Kuźmiuk, Beata Barbara Gosiewska, Janusz Wojciechowski, Zdzisław Krasnodębski f'isem il-Grupp ECR
Johannes Cornelis van Baalen, Petras Auštrevičius, Antanas Guoga, Kaja Kallas, Andrus Ansip, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Ramon Tremosa i Balcells, Nathalie Griesbeck, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Louis Michel, Martina Dlabajová f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Valentinas Mazuronis, Iveta Grigule

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (2014/2841(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (EaP) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Ukraina(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju u tal-15 ta' Awwissu u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awissu 2014 dwar l-Ukraina,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi tas-SEAE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar il-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għal dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(3), tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(4) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja(6),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew tal-Agrikoltura tal-5 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Ministerjali Konġunta tat-12 ta' Settembru 2014 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (AA/DCFTA) UE-Ukraina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sajf tal-2014 kien ikkaratterizzat minn eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina; billi, skont il-kalkoli tan-NU, tal-inqas 3 000 ruħ tilfu ħajjithom u ħafna eluf oħrajn sfaw midruba, filwaqt li mijiet ta' eluf ta' ċivili ħarbu miż-żoni tal-kunflitt; billi l-kostijiet ekonomiċi tal-kunflitt, inkluż il-kost biex ir-reġjuni tal-Lvant jinbnew mill-ġdid, huma ta' tħassib serju għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ukraina;

B.  billi fil-5 ta' Settembru 2014 f'Minsk, il-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali qabel dwar waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ fl-istess jum; billi l-ftehim kien fih ukoll protokol ta' 12-il punt li jkopri l-ħelsien tal-ostaġġi, miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni umanitarja, l-irtirar tal-gruppi armati illegali kollha, tat-tagħmir militari u tal-merċenarji mill-Ukraina u miżuri dwar deċentralizzazzjoni fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk;

C. billi l-waqfien mill-ġlied kien persistentement miksur prinċipalment mit-truppi regolari u s-separatisti Russi mill-Ġimgħa 5 ta' Settembru fiż-żona ħdejn Mariupol u l-ajruport ta' Donetsk, u kien hemm tentativi biex jinkiseb tagħrif dwar id-difiża tal-Ukraina f'diversi lokalitajiet oħra;

D. billi fil-ġimgħat preċedenti r-Russja żiedet il-preżenża militari fit-territorju tal-Ukraina kif ukoll l-appoġġ loġistiku tal-milizzji separatisti permezz ta’ fluss stabbli ta’ armi, munizzjoni, vetturi blindati u tagħmir, merċenarji u suldati bil-kamuflax, minkejja l-appelli tal-UE biex isir kull sforz biex it-tensjoni titnaqqas; billi sa mill-bidu tal-kriżi l-Federazzjoni Russa ġabret truppi u apparat militari fil-fruntiera mal-Ukraina;

E.  billi l-intervent militari dirett u indirett tar-Russja fl-Ukraina, inkluż l-annessjoni tal-Krimea, jikser il-liġi internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Helsinki u l-Ftehim ta’ Budapest tal-1994; billi r-Russja għadha qed tirrifjuta l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE);

F.  billi l-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu talab proposti li jsaħħu l-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja fil-Lvant tal-Ukraina; billi dawn il-proposti daħlu fis-seħħ fit-12 ta' Settembru;

G. billi wara l-iffirmar fil-21 ta' Marzu 2014 tad-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA), fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw b'mod uffiċjali l-parti pendenti ta' dan il-Ftehim, li tinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA); billi l-Parlament Ewropew u l-Verhovna Rada rratifikaw simultanjament il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; billi fit-12 ta' Settembru l-Kummissjoni ħabbret li l-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA se tkun posposta sal-31 ta' Diċembru 2015; billi dan se jwassal biex jitwalu l-preferenzi tal-kummerċ unilaterali mogħtija mill-UE lill-Ukraina, li kellhom jiskadu fl-1 ta' Novembru ta' din is-sena;

H. billi fis-7 ta' Awwissu l-Gvern Russu adotta lista ta' prodotti mill-UE, l-Istati Uniti, in-Norveġja, il-Kanada u l-Awstralja li kellhom ikunu projbiti mis-suq Russu għal perjodu ta' sena; billi l-UE se tkun dik l-aktar milquta minħabba li r-Russja hi t-tieni l-akbar suq esportatur għall-prodotti agrikoli tal-UE u s-sitt wieħed għall-prodotti tas-sajd u billi 73 % tal-importazzjonijiet ipprojbiti ġejjin mill-UE; billi r-restrizzjonijiet attwali applikati mir-Russja jistgħu jipperikolaw b'kemm jiswew EUR 5 biljun f'kummerċ u jaffettwaw id-dħul ta' 9,5 miljun persuna fl-UE li qed jaħdmu f'ażjendi agrikoli l-aktar ikkonċernati;

I.   billi l-projbizzjoni tal-prodotti tal-ikel tal-UE lejn is-suq Russu li laqtet l-aktar lis-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, kif ukoll is-setturi tal-ħalib u tal-laħam, jista' jkollha effett multiplikatur li jwassal għal provvista żejda fis-suq intern, filwaqt li l-projbizzjoni tal-prodotti tas-sajd tal-UE lejn is-suq Russu tista' potenzjalment toħloq problemi serji f'uħud mill-Istati Membri; billi l-valur tal-prodotti tas-sajd ipprojbiti jammonta għal kważi EUR 144 miljun;

J.   billi r-Russja qed timmina s-sigurtà tal-UE billi regolarment tikser l-ispazju tal-ajru tal-Finlandja, tal-Istati Baltiċi u tal-Ukraina, kif ukoll bil-qtugħ riċenti tal-gass lill-Polonja li jammonta għal 45 % tal-esportazzjoni Russa lejn dak il-pajjiż;

K. billi s-samit tan-NATO fi Newport afferma mill-ġdid li n-NATO qed tappoġġa lill-Ukraina quddiem l-influenza distabilizzanti tar-Russja, qed toffri appoġġ fit-tisħiħ tal-forzi armati Ukraini u titlob lir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-Ukraina u ttemm l-annessjoni illegali tal-Krimea;

L.  billi t-twaqqigħ traġiku tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fir-reġjun ta' Donetsk qajmet għadab kbir fost l-opinjoni pubblika internazzjonali u Ewropea; billi n-NU u l-UE esiġew investigazzjoni internazzjonali dettaljata taċ-ċirkustanzi tal-inċident, u billi huwa obbligu morali u legali li l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

1.  Jilqa’ l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Minsk għall-waqfien mill-ġlied u jappella lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentawh b'mod sħiħ u b'rieda tajba bl-għan li jwittu t-triq għall-bidu ta' proċess ġenwin ta’ paċi, inkluż kontroll permanenti u effettiv tal-fruntiera tal-Ukraina verifikata mill-OSKE, l-irtirar sħiħ u bla kondizzjoni tat-truppi Russi, tal-gruppi armati illegali, tat-tagħmir militar u tal-merċenarji mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukraina u l-ħelsien tal-ostaġġi; jiddeplora l-fatt li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied qed ikun miksur b'mod persistenti, l-aktar mit-truppi Russi u mill-forzi tas-separatisti u li t-tisħiħ tagħhom għadu għaddej;

2.  Jappella lin-naħat kollha biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni jew aġir li jistgħu jipperikolaw il-ftehim; jesprimi t-tħassib serju tiegħu, madankollu, li l-waqfien mill-ġlied hu pretest għat-truppi Russi sabiex jerġgħu jiġbru l-forzi tagħhom sabiex ikomplu l-offensiva li tistabbilixxi 'kuritur fuq l-art' għall-Krimea u lil hinn sat-Transnistria;

3.  Jikkundanna bil-qawwa lill-Federazzjoni Russa talli kompliet bi 'gwerra ibrida' mhux iddikjarata kontra l-Ukraina bl-użu ta' forzi Russi regolari u bl-appoġġ lil gruppi armati illegalment; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet mit-tmexxija Russa jikkostitwixxu theddida mhux biss għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina imma għall-kontinent Ewropew sħiħ; jistieden lir-Russja tirtira minnufih il-mezzi u l-forzi militari kollha tagħha mill-Ukraina, tipprojbixxi l-flussi ta' ġellieda u armi fil-Lvant tal-Ukraina, u ttemm l-appoġġ, dirett jew indirett, għall-azzjonijiet tal-forzi separatisti fit-territorju Ukrain;

4.  Itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri tal-Ukraina, u d-dritt tagħha li tagħmel għażla Ewropea; itenni li l-komunità internazzjonali mhux se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol jew it-tentattivi ta' ħolqien ta' kważi-repubbliki fir-reġjun ta' Donbas; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini mill-awtoritajiet Ukraini; jikkundanna, barra minn hekk, l-obbligu mixħut fuq iċ-ċittadini Ukraini fil-Krimea li jakkwistaw passaport Russu, il-persekuzzjoni tal-Ukraini u tat-Tartari tal-Krimea, kif ukoll it-theddid magħmul mill-mexxejja li pproklamaw lilhom infushom kontra ċittadini tal-Krimea li esprimew l-interess tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

5.  Jenfasizza li l-OSKE għandha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha fl-ittrattar ta' kunflitti armati u l-kriżijiet u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforzi sabiex isaħħu u jżidu l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina kemm f’termini ta’ persunal ta' esperjenza kif ukoll f’termini ta’ loġistika u tagħmir; jenfasizza l-bżonn li jintbagħtu mingħajr aktar dewmien l-osservaturi tal-OSKE tul il-partijiet tal-fruntiera tal-Ukraina u r-Russja li attwalment tinsab taħt il-kontroll tas-separatisti;

6.  Jenfasizza li r-riforma u l-aġenda ta' Assoċjazzjoni jridu jimxu id f'id mal-ġlieda kontinwa li tiżgura l-integrità u l-unità territorjali tal-Ukraina; itenni li dawn iż-żewġ kompiti huma marbuta sew u b'mod sinerġiku flimkien; jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu politiku u għal deċentralizzazzjoni li jibqgħu jiżguraw li l-awtorità fuq it-territorju kollu tibqa' mal-gvern ċentrali, b'hekk tkun garantita l-unità tal-Ukraina; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena l-fiduċja bejn il-komunitajiet differenti fis-soċjetà u jappella għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; jenfasizza l-importanza, f'dan il-kuntest, li jiġi stabbilit djalogu nazzjonali inklużiv, filwaqt li jiġu evitati l-propaganda, id-diskors ta' mibegħda u r-retorika, li jistgħu jkomplu jiggravaw il-kunflitt; jenfasizza li djalogu inklużiv bħal dan għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil ċittadini mir-reġjuni u l-minoranzi kollha;

7.  Jilqa' r-ratifika simultanja tal-AA/DCFTA mill-Verkhovna Rada u l-Parlament Ewropew; iqis dan bħala pass importanti li juri impenn miż-żewġ naħat lejn implimentazzjoni b'suċċess; jieħu nota tal-posponiment eventwali tal-implimentazzjoni provviżorja tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ukraina sal-31 ta' Diċembru 2015, li se jkun sostitwit mill-prolongazzjoni tal-miżuri ta' kummerċ unilaterali li jirrappreżentaw implimentazzjoni asimetrika de facto tal-ftehim; jiddeplora l-miżuri straordinarji u l-livell ta' pressjoni li qed tagħmel ir-Russja; jiddikjara li l-ftehim la jista' u lanqas se jinbidel u li dan kien magħmul ċar mill-Unjoni Ewropea matul ir-ratifika; jistieden lill-Istati Membri jipproċedu malajr bir-ratifika tal-AA/DCFTA mal-Ukraina; jieħu nota tal-konsultazzjoni li għaddejja bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-UE dwar l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA mal-Ukraina u jittama li din tgħin biex jiġi solvut kwalunkwe nuqqas ta' ftehim;

8.  Jenfasizza li x-xhur li ġejjin sal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA għandhom jintużaw biex ikunu indirizzati t-trasformazzjoni u l-modernizzazzjoni meħtieġa tas-sistema politika tal-Ukraina u l-ekonomija u s-soċjetà tagħha bi qbil mal-aġenda ta' Assoċjazzjoni; jilqa' l-programm ta' riforma mħabbar mill-President Poroshenko li jinkludi liġijiet kontra l-korruzzjoni, id-deċentralizzazzjoni u l-amnestija; jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu b'mod urġenti pakkett komprensiv u ambizzjuż ta' assistenza finanzjarja u għajnuna għall-Ukraina, u b'mod partikolari għall-poplu fil-Lvant tal-Ukraina, bħala appoġġ għall-ħidma favur soluzzjoni politika u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

9.  Jinnota l-liġijiet dwar l-istatus speċjali ta' xi distretti tar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk u dwar l-amnestija adottata mill-Verkhovna Rada fis-16 ta' Settembru bħala kontribut importanti biex ttinaqqas it-tensjoni fi ħdan l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Paċi tal-President tal-Ukraina;

10. Jappoġġa l-mizuri restrittivi li l-UE adottat kontra r-Russja matul is-sajf minħabba l-aggressjoni kontinwa tar-Russja, u jinnota l-infurzar tagħhom fit-12 ta' Settembru 2014; huwa tal-opinjoni li s-sanzjonijiet kollha għandhom jitfasslu b'mod li ma jippermettux lill-kumpaniji marbuta mar-Russja li jevitawhom; jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib tali forom ta' kooperazzjoni ekonomika bħal skambji marbuta ma' ekwità u impriżi konġunti;

11. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jadottaw sett ċar ta' punti ta' riferiment li, meta jinkisbu, jistgħu jimpedixxu l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għat-tneħħija ta' dawk preċedenti; jemmen li dawn il-punti ta' riferiment għandhom jinkludu: l-irtirar kollu tat-truppi u tal-merċenarji Russi mit-territorju tal-Ukraina; il-waqfien tal-provvista tal-armi u t-tagħmir lit-terroristi; ir-rispett sħiħ tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied mir-Russja; l-istabbiliment ta' kontroll u verifika internazzjonali effettivi tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied; u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kontroll tal-Ukraina fit-territorju kollu tagħha; jappella lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ma jikkunsidrawx it-tneħħija ta' kwalunkwe sanzjoni qabel ma dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu u biex jibqgħu lesti li jimponu sanzjonijiet ulterjuri fuq ir-Russja għal kwalunkwe azzjoni mwettqa mir-Russja biex iddgħajjef il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew biex tkompli teskala t-tensjonijiet fl-Ukraina;

12. Ifakkar li l-miżuri restrittivi meħuda mill-UE huma marbuta direttament mal-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Federazzjoni Russa permezz tal-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, filwaqt li l-miżuri kummerċjali meħuda mill-Federazzjoni Russa, inklużi dawk kontra l-Ukraina u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant li dan l-aħħar ikkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, mhumiex ġustifikati; jistieden lill-UE biex tqis li teskludi lir-Russja mill-kooperazzjoni nukleari ċivili u mis-sistema Swift;

13. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-impatt tal-hekk imsejħa "kontro sanzjonijiet" Russi u tieħu miżuri ta' malajr biex tappoġġa lill-produtturi li qed jintlaqtu mir-restrizzjonijiet kummerċjali Russi; jilqa' l-miżuri adottati mill-Kunsill Ewropew tal-Agrikoltura fil-5 ta' Settembru, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora modi biex l-UE tkun tista' tiflaħ aktar għal kriżijiet simili fil-futur u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja b'mod sostanzjali u f'waqtu lill-produtturi Ewropej affettwati; jiddispjaċih dwar is-sospensjoni tal-miżuri ta' emerġenza tas-suq għas-swieq tal frott u l-ħxejjex li jmorru malajr, imma jikkundanna kull abbuż tal-appoġġ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta skema ġdida malajr kemm jista' jkun;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-swieq agrikoli, tal-ikel, tas-sajd u tal-akwakultura, biex tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar kull tibdil u biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri meħuda sabiex possibbilment testendi l-lista ta' prodotti koperti u żżid il-baġit ta' EUR 125 miljun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tirrestrinġix lilha nnifisha għal miżuri tas-suq imma wkoll li tieħu miżuri fuq żmien medju biex issaħħaħ il-preżenza tal-UE fis-swieq ta' pajjiżi terzi (pereżempju b'attivitajiet promozzjonali);

15. Iqis il-possibbiltà li jintużaw fondi tal-UE apparti l-fondi agrikoli, minħabba li l-kriżi hi l-ewwel u qabel kollox ta' natura politika u mhux ir-riżultat ta' falliment tas-suq jew ta' kundizzjonijiet tat-temp ħżiena;

16. Jenfasizza l-fatt li l-istabilità politika u ekonomika u l-iżvilupp tar-Russja fuq perjodu ta' żmien medju u twil jiddependu fuq l-introduzzjoni ta' demokrazija vera u jisħaq li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja se jiddependi fuq l-isforzi biex jissaħħew id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-Russja;

17. Jesprimi sodisfazzjon għall-ħelsien tal-ostaġġi miżmuma mill-gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukraina u jappella biex jinħelsu l-priġunieri Ukraini miżmuma arrestati fil-Federazzjoni Russa; jindika b'mod partikolari l-każ ta' Nadezhda Savchenko, voluntiera Ukraina li nqabdet mis-separatisti f'Ġunju u li sussegwentement ġiet trasferita lejn ir-Russja u li għada f'detenzjoni;

18. Jilqa' l-wegħda mġedda tal-NATO li tipprijoritizza s-sigurtà kollettiva u l-impenn lejn l-Artikolu 5 tat-Trattat Washington; jilqa' d-deċiżjonijiet tas-samit tan-NATO ta' Newport li jżidu l-livell ta' sigurtà tal-allejati tal-Lvant, inkluż bil-ħolqien ta' Task Force Konġunta ta' Intervent Rapidu (Very High Readiness Joint Task Force (VJTF)), ta' preżenza militari permanenti, permezz ta' rotazzjoni, tan-NATO, u t-twaqqif ta' infrastruttura loġistika, kif ukoll ta' sforzi maħsuba biex isaħħu l-kapaċità tal-forzi armati tal-Ukraina li jipprovdi għas-sigurtà tagħha stess; jieħu nota tal-fatt li l-Istati Membri fuq livell bilaterali jistgħu jipprovdu lill-Ukraina l-armi, it-teknoloġija u t-tagħrif meħtieġ fl-interess tas-sigurtà u d-difiża tagħhom;

19. Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjoni indipendenti, rapida u sħiħa, iddelegata lid-Dutch Safety Board, tal-kawżi tat-traġedja tal-Malaysia Airlines MH17, u l-ħtieġa li dawk responsabbli għat-traġedja jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinnota li d-Dutch Safety Board ħareġ rapport preliminari dwar l-investigazzjoni rigward it-traġedja tal-MH17 fid-9 ta' Settembru 2014; jenfasizza li, abbażi tas-sejbiet preliminari sal-lum, l-ebda indikazjoni ta' kwalunkwe kwistjoni teknika jew operattiva ma nstabu dwar l-ajruplan jew l-eqwipaġġ, u li l-ħsara osservata fit-taqsima tal-bidu tidher li tindika li l-ajruplan kien penetrat minn għadd kbir ta' oġġetti b'enerġija qawwija minn barra l-ajruplan; jiddeplora l-fatt li r-ribelli għadhom mhux qed jippermettu aċċess mingħajr tfixkil lill-investigaturi għas-sit tat-traġedja, u jitlob lill-partijiet kollha jiffaċilitaw aċċess immedjat;

20. Jemmen bis-sħiħ li l-unika risposta vijabbli tal-UE għat-theddid tar-Russja hi li tibqa' unita u titkellem b'vuċi waħda; jemmen li l -UE jeħtieġ terġa' taħsibha dwar ir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, tabbanduna l-kunċett ta' sħubija strateġika u li ssib approċċ ġdid u unifikat;

21. Jesprimi tħassib serju fir-rigward tas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-lvant tal-Ukraina, speċjalment fir-rigward tax-xitwa li ġejja; jirrimarka l-ħtieġa urġenti li jingħataw assistenza umanitarja u provvisti lill-popolazzjoni fiż-żoni milquta mill-kunflitt, lin-nies spostati internament u lir-rifuġjati; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li talloka EUR 22 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp fl-Ukraina; jitlob għal sforzi urġenti akbar taħt it-tikketta u s-superviżjoni sħiħa tal-UE, inkluż konvoj tal-għajnuna umanitarja, li jikkontribwixxu biex jappoġġaw dawk l-aktar fil-bżonn; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA);

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda t-tħejjija tat-tielet pakkett ambizzjuż ta’ assistenza makrofinanzjarja għall-Ukraina, kif ukoll biex ikollha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tal-Konforenza tad-Donaturi għall-Ukraina, li għandha ssir qabel l-aħħar tal-2014, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina;

23. Jirrikomanda l-isforzi kontinwi li saru mill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni u partikolarment jiżguraw li t-tfal kollha jkunu jistgħu jirritornaw lejn l-iskejjel li kienu affettwati mill-kunflitt mill-aktar fis possibbli; ifakkar fl-importanza li jkun provdut appoġġ psikoloġiku lit-tfal kollha li kienu esposti direttament għall-avveniment vjolenti;

24. Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif illegali ta' uffiċjal Estonjan tal-counterintelligence mit-territorju Estonjan lejn ir-Russja u jitlob lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jeħilsu lis-Sur Kohver u jippermettulu ritorn sikur lejn l-Estonja;

25. Jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti riċenti kredibbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta’ kunflitt, okkupati l-aktar mit-truppi regolari Russi u mis-separatisti u f'ċerti każijiet ukoll mill-forzi tal-gvern; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u l-investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

26. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-raba’ rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viżi u d-deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Ukraina tgħaddi għat-tieni fażi; jinsisti fuq il-finalizzazzjoni malajr tar-reġim mingħajr viżi bejn l-UE u l-Ukraina bħala reazzjoni konkreta għall-aspirazzjonijiet Ewropej għan-nies li pprotestaw fil-Pjazza Maidan; itenni t-talba tiegħu, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viżi temporanji, sempliċi ħafna u rħas;

27. Jitlob biex jitkomplew it-taħdidiet trilaterali dwar il-provvista tal-gass tal-Ukraina li ġew sospiżi minn Ġunju sabiex jinstab mod ħalli jerġgħu jitkomplew; itenni l-ħtieġa li tkun żgurata l-provvista tal-gass permezz ta' flussi tal-gass bil-maqlub mill-istati ġirien lejn l-Ukraina;

28. Jistieden lill-UE tikkunsidra l-ħżin tal-gass, l-interkonnetturi u l-faċilitajiet ta’ bdil tad-direzzjoni tal-fluss bħala assi strateġiċi, u għaldaqstant tirregola s-sehem tan-negozju ta’ partijiet terzi f’dawk is-setturi kruċjali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkanċellaw il-ftehimiet ippjanati mar-Russja fis-settur tal-enerġija, inkluż il-pipeline tal-gass South Stream;

29. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ radikalment is-sigurtà tal-enerġija, l-indipendenza u r-reżiljenza tal-UE għal pressjoni esterna permezz tal-konsolidament tas-setturi tal-enerġija, ta' aktar żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi ġirien tal-UE u l-iżvilupp tal-interkonnetturi tal-enerġija bejn dawn il-pajjiżi u mal-UE, bi qbil mal-objettivi tal-Komunità Enerġetika, u li dawn il-proġetti ta' interess komuni jkunu implimentati bħala prijorità bl-akbar urġenza sabiex jinbena suq tal-gass liberu u li jiffunzjona sew fl-Ewropa;

30. Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' trasportaturi tal-elikotteri Mistral, u jappella lill-Istati Membri jieħdu approċċ simili fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjal b'użu duwali; ifakkar li dan il-kuntratt imur kontra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi u l-Pożizzjoni Komuni tal-2008 li tiddefinixxi r-regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ l-embargo fuq il-kummerċ tal-armi u l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' prodotti b'użu duwali għal utenti finali militari;

31. Jilqa d-deċiżjoni li jinżammu elezzjonijiet parlamentari bikrija fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014 u jistenna li l-gvern jiżgura li jkunu elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-Ukraina tistabbilixxi trasparenza fl-iffinanzjar tal-partiti u tal-kampanja politika tagħhom u li tindirizza b’mod sħiħ ir-rimarki kollha li sar riferiment għalihom fis-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet presidenzjali riċenti; jittama li jkun hemm maġġoranza qawwija għall-isfidi importanti u r-riformi meħtieġa tal-ġejjieni; huwa impenjat li jibgħat osservaturi tal-elezzjoni sabiex jimmonitorjaw dawn l-elezzjonijiet u jitlob għal missjoni internazzjonali sostanzjali ta' monitoraġġ tal-elezzjoni biex tissorvelja din l-elezzjoni kruċjali li se sseħħ taħt kundizzjonijiet diffiċli;

32. Jenfasizza li l-Russja issa għandha anqas raġuni minn qatt qabel li tikkritika l-Ftehim bejn l-UE u l-Ukraina jew li tirreaġixxi b'restrizzjonijiet tal-kummerċ u aggressjonijiet militari mingħajr ġustifikazzjoni; jesprimi tħassib li dan l-iżvilupp il-ġdid hu ta' inċentiv għar-Russja biex teskala l-politika tagħha ta' intimidazzjoni tal-Ukraina u li tqegħidha fl-isfera ta' influenza tagħha; jinkwieta li dan jista' jwassal biex is-sitwazzjoni tinfirex fil-Georgia u l-Moldova;

33. Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tmexxija Russa tqis is-Sħubija tal-Lvant tal-UE bħala theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tagħha; jissottolinja l-fatt li, bil-kontra, ir-Russja se tgawdi minn aktar attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi, waqt li s-sigurtà tar-Russja se tissaħħaħ b'viċinat stabbli u prevedibbli; jiddeplora l-użu tal-kummerċ mir-Russja bħala strument biex tiddestabilizza r-reġjun billi tintroduċi għadd ta’ projbizzjonijiet ta’ importazzjoni fuq prodotti mill-Ukraina u l-Moldova, u, aktar reċentament, billi tirrinunzja l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTA) tal-KSI mal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova u billi konsegwentament tintroduċi mill-ġdid tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit (MFN) għal prodotti li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi;

34. Itenni l-opinjoni tiegħu, f'dan ir-rigward, li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-Trattat UE, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0009.

(2)

Testi Adottati P7_TA(2014)0170.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0248.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0457.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2014)0009.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2014)0101.

Avviż legali