Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0352/2014

Testi mressqa :

RC-B8-0352/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0104

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 182kWORD 244k
15.12.2014
PE545.601v01-00}
PE545.605v01-00} RC1
 
B8-0352/2014}
B8-0356/2014} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8‑0352/2014)

PPE (B8‑0356/2014)


dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))


Antonio Tajani, Siegfried Mureşan, Anne Sander, Françoise Grossetête, Claude Rolin, Pilar del Castillo Vera, Ivo Belet, Massimiliano Salini, András Gyürk, Angélique Delahaye, Paul Rübig, Philippe Juvin, Tokia Saïfi, Esther de Lange, Angelika Niebler, Andor Deli, Raffaele Fitto, Lorenzo Cesa, Giovanni Toti, Jerzy Buzek, Franck Proust, Markus Pieper, Annie Schreijer‑Pierik, Nadine Morano, Elisabetta Gardini, Lambert van Nistelrooij f'isem il-Grupp PPE
Dan Nica, Bernd Lange, Patrizia Toia, Edouard Martin, Theresa Griffin, Miroslav Poche, Martina Werner, Simona Bonafè, Jens Geier, Soledad Cabezón Ruiz, Jude Kirton-Darling, Inmaculada Rodríguez Piñero Fernández, Flavio Zanonato, Adam Gierek, Krystyna Łybacka, Sorin Moisă, José Blanco López, Caterina Chinnici, Jutta Steinruck, Evelyn Regner, Brando Benifei, Pina Picierno, Maria Arena, Alessandra Moretti, Elly Schlein, Clare Moody f'isem il-Grupp S&D
Reinhard Bütikofer, Monika Vana f'isem il-Grupp Verts/ALE

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li minnu tnissel it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011 bit-titolu 'Il-politika industrijali: it-tisħiħ tal-kompetittività' (COM(2011)0642),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku – Aġġornament tal-komunikazzjoni dwar il-politika industrijali' (COM(2012)0582),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa' (COM(2013)0407),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar, u dwar ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(3),

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impjant tal-azzar Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja (O-000087/2014),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

L-isfidi ġenerali

A. billi s-settur tal-azzar Ewropew kellu rwol storikament sinifikanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jikkostitwixxi l-bażi għall-ħolqien tal-valur miżjud industrijali Ewropew;

B.  billi s-settur tal-azzar għandu rwol essenzjali fl-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa u attwalment qed iġarrab tnaqqis sostanzjali fid-domanda, li qed jikkawża telf kontinwu ta' impjiegi u kompetittività li mhuwiex sinjal tajjeb għall-irkupru meħtieġ tal-ekonomija Ewropea;

C. billi l-UE għandha tippromwovi politika favur l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali fl-Istati Membri kollha sabiex tissalvagwardja l-impjiegi fl-UE u għandha tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq l-objettiv indikattiv tagħha li sal-2020 iżżid is-sehem tal-PDG iġġenerat mill-industrija għal 20 %;

D. billi wieħed mill-objettivi tal-UE huwa li tappoġġa l-industrija tal-azzar u telimina x-xkiel u t-theddid għall-kompetittività tal-industrija, u li l-industrija ssir reattiva għal kundizzjonijiet tas-suq Ewropew, kif ukoll ta' swieq mhux Ewropej, li qed jinbidlu;

E.  billi fis-snin reċenti l-industrija tal-azzar ħabbtet wiċċha ma' sfidi enormi f'termini ta' ristrutturar u fużjonijiet industrijali, bi spejjeż soċjali korrispondenti, kif ukoll f'termini ta' rekwiżiti ġodda biex jintlaħqu l-miri tal-UE rigward il-klima;

F.  billi għadd kbir ta' produtturi tal-azzar, b'mod partikolari, kienu qed jużaw strateġiji li jiffukaw fuq redditi finanzjarji fuq terminu qasir għad-detriment tal-innovazzjoni, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-impjieg u t-tiġdid tal-ħiliet;

G. billi l-industrija Ewropea tal-azzar qed tħabbat wiċċha ma' kriżi ta' investiment li qed tipperikola l-futur tagħha stess, filwaqt li, fl-istess ħin, il-materjali tal-azzar huma mistennija jkollhom rwol kruċjali fil-provvediment ta' soluzzjonijiet industrijali sostenibbli għall-urbanizzazzjoni, il-mobilità u t-tibdil demografiku;

H. billi żieda fid-domanda limitata se tfisser li l-Ewropa, minn esportatur nett se ssir importatur nett tal-azzar, speċjalment ta' prodotti ċatti u prodotti ta' valur miżjud għoli;

I.   billi skont il-Kummissjoni l-għeluq ta' impjanti wassal għal telf ta' 60 000 impjieg mill-2007, u l-produzzjoni naqset minn 210 miljun tunnellata fl-2007 għal 166 miljun tunnellata fl-2013(4);

Il-kompetittività u l-kummerċ

J.   billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħtieġa għal prestazzjoni ambjentali għolja maż-żieda fil-kompetittività globali filwaqt li jittaffa t-tħassib dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u jittejjeb l-aċċess għall-materja prima għadhom sfidi fundamentali għas-settur tal-azzar, meta jitqies il-fatt li kompetituri differenti huma marbuta bi standards differenti;

K. billi l-ispejjeż għall-enerġija jridu jiġu kkunsidrati f'approċċ globali għall-industrija tal-azzar, u billi l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi industrijali fl-UE jista' jkollhom impatt dirett fuq il-kompetittività;

L.  billi titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi jista' jfisser aktar iffrankar tal-ispejjeż u tnaqqis tal-emissjonijiet għall-industrija;

L-aspetti soċjali

M. billi rati tal-qgħad għoljin fl-UE jikkorelataw mal-kontrazzjoni tal-bażi tal-produzzjoni industrijali u tal-manifattura tagħha, u billi l-kriżi attwali ħolqot tbatija soċjali profonda għall-ħaddiema u r-reġjuni milquta;

N. billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur ewlieni, li tirrappreżenta 'l fuq minn 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni aktar f'industriji relatati, inkluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ;

O. billi s-sitwazzjoni ta' xi impjanti tal-azzar fl-Ewropa qed tikkaġuna tħassib serju għall-ħaddiema u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali;

P.  billi l-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b'mod soċjalment responsabbli, fid-dawl tal-fatt li l-esperjenza wriet li r-ristrutturar soċjalment u ekonomikament sostenibbli jirrikjedi djalogu soċjali suffiċjenti, b'enfasi speċjali fuq l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema u l-konsultazzjoni tagħhom, bħalma hu spjegat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2013 li ssemmiet qabel;

Q. billi l-involviment komprensiv tas-sħab soċjali fil-livelli kollha, u t-tisħiħ tad-djalogi soċjali fil-livell tal-UE huma kruċjali għas-salvagwardja kemm tal-interessi tal-kumpaniji tal-azzar kif ukoll tal-ħaddiema tagħhom;

R.  billi bosta impjanti, li jirrappreżentaw kapaċità ta' 20 miljun tunnellata, ilhom temporanjament inattivi għal aktar minn tliet snin; billi, fl-istess ħin, il-forzi tax-xogħol ta' ħafna impjanti fl-Ewropa huma kkaratterizzati minn ħaddiema tas-sengħa li qegħdin jikbru fl-età u li kważi laħqu l-età tal-irtirar;

Ir-riċerka u l-iżvilupp / it-teknoloġija

S.  billi l-industriji ta' teknoloġija avvanzata – pereżempju fis-settur tal-azzar – intużaw bħala mudell ta' know-how teknoloġiku li jrid jiġi protett, u billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġi evitat li dawn l-industriji jiġu delokalizzati barra l-UE;

T.  billi r-riċerka u l-iżvilupp huma strateġiċi għal industrija li trid issib mod kif tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, speċjalment (iżda mhux esklużivament) tad-diossidu tal-karbonju;

L-isfidi

1.  Jisħaq fuq il-fatt li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jiddependi ħafna minn industrija tal-manifattura b'saħħitha, li fiha l-industrija tal-azzar ikollha rwol importanti, u li l-manifattura tiddependi fuq it-tkabbir u d-domanda domestiċi;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef it-tħejjija tagħha tal-pjan direzzjonali għall-politika industrijali li tħabbar għall-ewwel nofs tal-2015 sabiex tingħata spinta lill-industrija Ewropea fil-kuntest tas-suq globali bl-għan li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin fl-oqsma soċjali u ambjentali fl-UE u li ssir ħidma favur ir-reċiproċità fil-pajjiżi terzi;

3.  Iqis li approċċ ambizzjuż għar-riindustrijalizzazzjoni fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa ta' importanza fundamentali għall-kisba ta' politika industrijali tal-UE ġenwina u għat-tnedija mill-ġdid tal-kompetittività industrijali tal-UE fil-livell globali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-pożizzjoni strateġika tal-industrija Ewropea tal-azzar fid-dinja, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni tal-azzar hija meqjusa strateġika f'għadd kbir ta' pajjiżi, u tiżviluppa b'mod speċifiku pjan direzzjonali ċar għall-inizjattivi fuq terminu medju u twil li biħsiebha tipproponi sabiex tappoġġa l-industrija tal-azzar fl-Ewropa; jenfasizza li pjan direzzjonali bħal dan irid jinkludi involviment komprensiv u bikri tas-sħab soċjali fil-livelli kollha;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument ta’ analiżi tas-suq tal-azzar fil-fond li jista’ jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-bilanċ Ewropew u globali tal-provvista tal-azzar u d-domanda għalih, li jiddistingwi bejn il-komponenti strutturali u ċikliċi tal-iżvilupp ta’ dan is-suq; jemmen li l-monitoraġġ tas-suq tal-azzar jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-trasparenza tas-swieq tal-azzar u tar-ruttam u jipprovdi inputs importanti għall-miżuri korrettivi u proattivi, li huma inevitabbli minħabba n-natura ċiklika tal-industrija tal-azzar; jitlob lill-Kummissjoni tuża dan l-istrument ta' analiżi tas-suq biex tantiċipa r-riskji u tinvestiga kif l-għeluq tal-impjanti qed jaffettwa l-irkupru tas-settur;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fuq perjodu qasir tipprovdi rapport dwar l-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija tal-azzar fl-Ewropa, inklużi l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li wara li skada t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tal-iżviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan l-esperjenza pożittiva, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tripartitiċi;

7.  Jitlob li jitwaqqaf mill-ġdid u b'urġenza l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar fil-kuntest tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li għadu kemm ġie elett, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament, u li tiġi organizzata laqgħa f'dak il-qafas bl-għan li l-partijiet ikkonċernati relevanti jiġu informati dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-40 miżura stipulati fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzar; jistieden lill-Kummissjoni torganizza, kull meta jkun xieraq jew possibbli, laqgħat tal-Grupp ta' Livell Għoli fi żminijiet xierqa sabiex il-ħidma tiegħu tista' talimenta d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill Kompetittività;

8.  Iqis li huwa essenzjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u t-trade unions li jirrappreżentaw iż-żoni li l-impjanti tal-azzar jinsabu fihom ikunu involuti mill-qrib, sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prassi fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir studju dwar kif tista' tiġi indirizzata l-krizi fil-qasam tal-investiment sabiex l-industrija Ewropea tinbidel f'industrija sostenibbli u li tħalli qligħ, filwaqt li jitqies il-fatt li l-investimenti fl-industrija tal-azzar huma kkaratterizzati minn redditi fuq perjodu ta' żmien twil; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddedika parti mill-pakkett ta' investiment tagħha għal proġetti infrastrutturali vijabbli u fit-tul, u għal proġetti industrijali fuq skala kbira ffukati fuq l-innovazzjoni, inklużi proġetti ta' effiċjenza enerġetika u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li jistgħu wkoll jagħtu spinta sinifikanti lid-domanda għall-azzar fl-UE;

10. Jinkoraġġixxi wkoll l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi oħra bħall-faċilitajiet ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji li jagħtu prijorità lill-industriji tal-azzar fi kriżi; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex ifasslu qafas ta’ finanzjament fit-tul għall-proġetti tal-azzar;

11. Jenfasizza li l-appoġġ għas-settur tal-azzar huwa kruċjali, inkluż l-iżvilupp strateġiku ta' setturi ewlenin oħra li jużaw l-azzar, pereżempju fis-settur tal-enerġija (ġenerazzjoni u distribuzzjoni ta' enerġija rinnovabbli), fis-settur tat-trasport u l-proġetti ta' kostruzzjoni effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, biex b'hekk jinħolqu inċentivi għal proċessi ta' produzzjoni effiċjenti, jissaħħaħ is-suq intern u jingħataw inċentivi għall-iżvilupp tal-ħiliet;

12. Jitlob l-applikazzjoni tal-approċċ 'valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja' sabiex jiġu evlalwati l-impatti ambjentali u jitnaqqas l-użu ta' riżorsi tul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi l-estrazzjoni u l-konverżjoni ta' materja prima, segwiti mill-manifattura u d-distribuzzjoni, permezz tal-użu u/jew il-konsum, sabiex jitrawwem l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali u l-irkupru tal-enerġija u biex jitnaqqas ir-rimi finali;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni wasslitx għal soluzzjonijiet inġusti fis-suq Ewropew tal-azzar, b'effetti negattivi potenzjali fuq l-effiċjenza tiegħu, u, f'dak il-każ, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri korrettivi u tipprevjeni sitwazzjonijiet bħal dawn fil-futur; jisħaq fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet u r-rimedji tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni m'għandhomx jipperikolaw il-vijabilità ekonomika ta' impjanti individwali li jipproduċu l-azzar, speċjalment fil-kuntest taż-żieda fil-kompetizzjoni globali; iżid li l-Kummissjoni għandha taġixxi wkoll biex tħares l-infrastruttura industrijali ewlenija u l-kapaċità ta' produzzjoni minn impriżi li jaħkmu u jbigħu l-assi ta' impriżi oħra;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskema attwali tal-għajnuna mill-Istat lill-industriji li jużaw ħafna enerġija ma tiġġenerax tfixkil fis-suq intern, u b'hekk tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji; huwa tal-fehma li l-industriji li jużaw ħafna enerġija jeħtieġu qafas stabbli għall-investimenti tagħhom sabiex jiggarantixxu livell għoli ta' impjieg;

Il-kummerċ u l-kompetittività

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti aktar importanza lill-politika industrijali billi tadotta miżuri li jippermettu li tingħata ħajja ġdida lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fis-suq dinji, u tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni effikaċi għall-atturi ekonomiċi kollha;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fi żmien debitu u b'mod effikaċi, l-importazzjoni fis-suq tal-UE ta' azzar suġġett għal dumping jew għal sussidji illegali u biex tuża, fejn ikun adegwat, l-istrumenti ta' rimedju kummerċjali tal-UE skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali futuri jinkludu dispożizzjonijiet li jtejbu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet ta' esportazzjoni u l-aċċess għas-suq għall-prodotti Ewropej tal-azzar u dawk ibbażati fuq l-azzar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata bidu għal negozjati ma' sħab kummerċjali li jirrappreżentaw volumi ta' importazzjonijiet partikolarment sinifikanti fl-UE, bl-għan li jiġu introdotti restrizzjonijiet kwantitattivi; jisħaq fuq il-fatt li l-kummerċ ġust ta' prodotti tal-azzar jista' jopera biss abbażi tal-konformità mad-drittijiet bażiċi tal-impjieg u l-istandards ambjentali, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-importazzjonijet bi prezzijiet ta' dumping iwasslu għal kompetizzjoni inġusta, b'mod partikolari għall-produtturi tal-azzar inossidabbli fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu modernizzati l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konkreta sabiex jaċċelleraw dan il-proċess ta' modernizzazzjoni, biex b'hekk jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġusta u jippermettu lill-UE tieħu miżuri rapidi u proporzjonati fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti;

18. Jemmen li l-miżuri pożittivi proposti hawnhekk jippermettu lill-industrija tal-azzar issir aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali, fatt li juri li l-prodotti tal-azzar tal-UE jissodisfaw standards soċjali, ambjentali u ekonomiċi ogħla minn dawk li jinsabu bnadi oħra, u jissottolinja l-kwalità tal-produtturi tal-azzar tal-UE, li fl-istess waqt ikun qed itejjeb il-perċezzjoni tal-konsumaturi;

19. Jenfasizza l-fatt li l-istandards għoljin Ewropej rigward il-ħarsien tal-klima u tal-ambjent jistgħu jsiru standards globali, u dan jiggarantixxi kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni;

20. Jinnota d-diffikultajiet li s-settur tal-azzar qed iħabbat wiċċu magħhom f'ħafna Stati Membri, li xi wħud minnhom huma kkawżati minn tnaqqis sinifikanti fid-domanda globali, żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u żieda fid-delokalizzazzjoni tal-manifattura Ewropea; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)0571) u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi;

21. Jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart għandha tittejjeb sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament tas-suq tar-ruttam tal-azzar tal-UE, pereżempju permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi li M'għadhomx Jintużaw; ifakkar fl-importanza ta' suq tar-ruttam li jiffunzjona tajjeb, li għandu jkompli jiġi stimulat u msaħħaħ fid-dawl tal-istrateġija għal ekonomija ċirkolari tal-UE, sabiex jiġu evitati żidiet eċċessivi tal-prezzijiet b'riżultat tal-preżenza ta' industriji ta' pajjiżi terzi fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tikkunsidra l-applikazzjoni ta' dazji tal-esportazzjoni fis-suq tar-ruttam tal-UE sabiex jiġi evitat id-dumping ambjentali li jseħħ normalment;

L-aspetti soċjali

22. Ifakkar fil-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, u jisħaq fuq ir-relevanza ta' monitoraġġ għaqli min-naħa tal-Kummissjoni tal-iżviluppi li qed isiru sabiex jiġu salvagwardjati l-wirt industrijali u l-forza tax-xogħol ikkonċernati;

23. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-Istati Membri ma jkollhomx jikkompetu kontra xulxin meta produttur kbir tal-azzar li jħaddem impjanti f'diversi pajjiżi jħabbar ristrutturar; barra minn hekk, minħabba l-importanza tal-politiki ta' koordinazzjoni biex tkun żgurata industrija tal-azzar sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirreaġixxi għal kundizzjonijiet tas-suq Ewropew u ta' swieq mhux Ewropej li jinbidlu, jitlob li tinstab soluzzjoni pan-Ewropea li tissalvagwardja u toħloq impjiegi tajbin u attività industrijali fir-reġjuni tal-Ewropa;

24. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-industrija, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali jantiċipaw ir-rekwiżiti ta' taħriġ li joriġinaw minn ristrutturar possibbli tal-impjanti li ngħalqu temporanjament;

25. Huwa favur il-promozzjoni ta' programm ta' trasferiment tal-għarfien espert sabiex il-ħaddiema tas-sengħa li huma akbar fl-età jittrażmettu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom lill-ħaddiema l-ġodda fl-impjanti Ewropej tal-azzar;

26. Jisħaq fuq il-fatt li l-istandards tal-UE tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jiġu implimentati wkoll mill-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi terzi;

27. Jisħaq fuq il-fatt li l-involviment tal-ħaddiema f'miżuri ta' innovazzjoni u ristrutturar huwa essenzjali biex jiġi xprunat is-suċċess ekonomiku, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma li tinkludi s-sħab soċjali bl-għan li tagħti pariri dwar, timplimenta u timmonitorja l-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar l-azzar;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-użu tal-fondi relevanti tal-UE, bħalma huma l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-istrumenti ta' politika sabiex ittaffi l-ispejjeż soċjali ta' aġġustament, u tiżgura li l-ħiliet relevanti jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija;

29. Jemmen li t-tibdil drastiku li jista' jseħħ fil-ġejjieni fis-settur tal-azzar u f'setturi industrijali oħra għandu jiġi antiċipat; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jallinjaw iktar mill-qrib il-politiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bl-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu ma' sitwazzjonijiet simili u jippromwovu l-interess fl-oqsma tekniċi u xjentifiċi, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm professjonisti speċjalizzati fis-settur tal-azzar sabiex jixprunaw l-innovazzjoni;

Ir-riċerka u l-iżvilupp / it-teknoloġija

30.    Jagħraf il-ħtieġa li l-aqwa tekniki disponibbli (BATs) jiġu żviluppati u disseminati fl-UE kollha;

31.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bħala aspetti kruċjali fit-tiġdid u fl-għoti ta' nifs ġdid lill-ekonomija b'mod ġenerali, u lill-industrija tal-azzar b'mod partikolari, li hija bbażata fuq ċikli ta' ħajja twal u potenzjal kbir ta' riċiklaġġ; isemmi, f'dan ir-rigward, it-teknoloġiji eżistenti u ġodda bbażati fuq l-idroġenu li jintużaw għar-riduzzjoni ta' minerali tal-ħadid, li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu jew jeliminaw ammonti kbar ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju; jitlob l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' marka kummerċjali għall-prodotti tal-azzar etiċi 'made in Europe';

32.    Jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza kruċjali tal-programmi Orizzont 2020 u Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE), kif ukoll il-ħtieġa għal finanzjament, min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrument futur NER400, tal-programmi ta' innovazzjoni u riċerka l-aktar riskjużi;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li twitti t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti u proċessi innovattivi, ta' kwalità għolja u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, politika li tippermetti lill-UE tibqa' kompetittiva fid-dawl ta' kompetizzjoni globali dejjem aktar ħarxa; jenfasizza l-fatt li s-soluzzjoni għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-azzar, fid-dawl tal-preżenza ta' fornituri minn pajjiżi terzi, hija l-innovazzjoni fil-prodotti l-ġodda - bħalma huma prodotti tal-azzar tal-massa, inklużi folji tal-azzar b'saħħithom ħafna u b'reżistenza għolja li jintużaw għall-produzzjoni tal-vetturi, kif ukoll azzar illigat ħafna bi proprjetajiet fiżiċi u kimiċi differenti, u proċessi ta' produzzjoni ġodda, speċjalment il-metallurġija bl-użu tal-idroġenu u l-metallurġija bl-użu tat-teknika tat-tidwib mill-ġdid tal-metall - u jemmen li dan il-qasam għandu jingħata appoġġ partikolari;

34.    Jappoġġa l-finanzjament tal-proġetti pilota industrijali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju bl-għan li tiġi ssodisfata l-ħtieġa urgenti ta' tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u dekarbonizzata, ekonomija li l-aspetti ewlenin tagħha huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura intelliġenti, u bl-għan li t-teknoloġija ta' produzzjoni tal-azzar b'emissjonijiet baxxi ħafna ta' CO2 (Ultra-low CO2 steelmaking, ULCOS), tinbidel f'għodda tal-politika industrijali effiċjenti mil-lat ambjentali u fl-użu tal-enerġija;

35.    Jemmen li l-possibilitajiet ta' tnaqqis, b'mod partikolari għas-setturi tal-industrija tal-azzar, jiddependu bil-kbir fuq teknoloġiji ġodda, u b'hekk jenfasizza r-rwol importanti li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE jista' jkollhom sabiex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea permezz ta' Orizzont 2020, kif ukoll ir-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-kompetittività tas-settur tal-azzar Ewropew u l-kwalità għolja tal-produzzjoni tiegħu; ifakkar li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku u għall-industrija kompetittiva;

36.    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattiva SustSteel, bħalma ġie propost fil-pjan ta' azzjoni dwar l-azzar, inizjattiva li għandha l-appoġġ sħiħ tal-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u biex dan tagħmlu mill-aktar fis possibbli;

37.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0069.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0060.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0005.

(4)

Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa tal-11 ta' Ġunju 2013 (COM(2013)0407)’ (SWD(2014)0215).

Avviż legali