Proċedura : 2014/3017(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0012/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0012/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.7
CRE 15/01/2015 - 11.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 183kWORD 113k
14.1.2015
PE545.692v01-00}
PE547.442v01-00}
PE547.445v01-00}
PE547.447v01-00}
PE547.449v01-00} RC1
 
B8-0012/2015}
B8-0019/2015}
B8-0022/2015}
B8-0024/2015}
B8-0026/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8‑0012/2015)

Verts/ALE (B8‑0019/2015)

ECR (B8‑0022/2015)

PPE (B8‑0024/2015)

ALDE (B8‑0026/2015)


dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Tunne Kelam, Mariya Gabriel, Eduard Kukan, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Michael Gahler, Fernando Ruas, Claude Rolin, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Monica Macovei, Ivana Maletić, Lara Comi, Gabrielius Landsbergis f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Richard Howitt, Alessia Maria Mosca, Goffredo Maria Bettini, Afzal Khan, Josef Weidenholzer, Elena Valenciano, Ana Gomes, Neena Gill, Jeppe Kofod, Arne Lietz, Brando Benifei, Michela Giuffrida, Miroslav Poche, Tonino Picula, Alessandra Moretti, Liisa Jaakonsaari, Nicola Caputo, Sorin Moisă, Ricardo Serrão Santos, Andrejs Mamikins, Pier Antonio Panzeri, Tanja Fajon, Javi López, Victor Negrescu, David Martin, Soraya Post, Boris Zala, Eugen Freund f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Frédérique Ries, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Louis Michel, Gérard Deprez, Pavel Telička, Alexander Graf Lambsdorff, Fredrick Federley, Petras Auštrevičius, Urmas Paet f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Eva Joly, Barbara Lochbihler

f'isem il-Grupp Verts/ALE

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (2014/3017(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(1) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Eġittu tat-22 ta' Awwissu 2013 u ta' Frar 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-Eġittu, inklużi dawk tal-21 ta' Settembru 2014 dwar il-bombi fil-Ministeru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin u tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar id-deċiżjonijiet tal-qorti fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri u sostenituri tal-Frattellanza Musulmana ; wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon tal-25 ta' Ottubru 2014 dwar l-attakki terroristiċi fis-Sinaj,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta' Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu, wara li kkunsidra l-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-rapport ta' progress l-aktar reċenti dwar l-Eġittu ta' Marzu 2014,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, adottata permezz ta' referendum fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu tal-24 ta' Novembru 2013 dwar id-Dritt għal Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi,

–   wara li kkunsidra d-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014, li jqiegħed il-"faċilitajiet pubbliċi u essenzjali" kollha taħt ġurisdizzjoni militari għal sentejn,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-politika barranija tal-UE(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(4),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 2013 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bit-titolu "Kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu fil-Qasam tal-Governanza",

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tat-22 ta' Lulju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra d-diskorsi tal-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi tal-1 ta' Jannar 2015 dwar l-estremiżmu Iżlamiku u tas-6 ta' Jannar 2015 dwar il-ħtieġa ta' relazzjonijiet paċifiċi u kostruttivi bejn il-Musulmani u l-Insara fl-Eġittu,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI), u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Eġittu huwa firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralistika; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja hija elementi vitali għad-demokrazija u għal soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.  billi l-Eġittu ilu għal żmien twil sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea, b'miri komuni ta' bini ta' stabbiltà, paċi u prosperità fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani; billi l-Eġittu għadda minn diversi sfidi politiċi diffiċli sa mir-rivoluzzjoni tal-2011 u l-poplu tiegħu għandu bżonn l-appoġġ u l-assistenza tal-komunità internazzjonali biex jindirizza l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà tal-pajjiż;

C. billi mindu l-armata ħadet il-kontroll f'Ġunju 2013, il-Gvern Eġizzjan wettaq kampanja fuq skala kbira ta' detenzjoni arbitrarja, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra kritiċi tal-gvern, u dan talli sempliċement eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-għaqda, ta' assoċjazzjoni u tal-espressjoni, inklużi ġurnalisti, studenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u kontra avversarji politiċi, inklużi membri tal-Fratellanza Musulmana; billi rapporti jindikaw li, minn Lulju 2013 'l hawn, ġew arrestati 'l fuq minn 40 000 persuna insegwitu ta' mewġiet mingħajr preċedent ta' arresti tal-massa, u huwa stmat li madwar 1 400 dimostrant inqatlu bħala riżultat tal-użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza min-naħa tal-forzi tas-sigurtà; billi l-libertajiet ta' assoċjazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport "Freedom in the World" maħruġ minn Freedom House;

 

D. billi eluf ta' dimostranti u priġunieri tal-kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Lulju 2013; billi baqgħu jseħħu arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014 'l hawn; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kisru l-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt għal Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (il-Liġi dwar id-Dimostrazzjonijiet); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom taħt arrest; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;

E.  billi fl-10 ta' Jannar 2015, qorti Eġizzjana fil-provinċja tad-Delta tan-Nil ta' Baheira ikkundannat lil Karim al-Banna, student ta' 21 sena, għal tliet snin ħabs talli ħabbar fuq Facebook li huwa ateu u talli insulta lill-Iżlam;

F.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani ssikkaw l-ingassa fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda bl-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni repressiva, u b'hekk għamluha aktar faċli għall-gvern li jsikket lill-kritiċi tiegħu u juża mezzi repressivi fuq il-protesti;

G. billi, fin-nuqqas ta' parlament, għaddew għadd ta' liġijiet repressivi mill-gvern tal-President al-Sisi bħad-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014, li ddikjara l-proprjetà pubblika kollha bħala stallazzjonijiet militari, fatt li l-konsegwenza l-aktar immedjata tiegħu hi li kull delitt li jsir fuq proprjetà pubblika jista' jinstema' fi qrati militari u b'effett retroattiv; billi l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, hija u tinterpreta l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (li l-Eġittu huwa stat firmatarju tagħha), qalet li l-qrati militari taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq iċ-ċivili;

H. billi l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU ħareġ 300 rakkomandazzjoni, inkluż il-ħelsien ta' kull min ġie arrestat talli eżerċita l-libertà tal-espressjoni; billi seba' gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ibbażati fl-Eġittu ma ħadux sehem fir-rieżami tan-NU tal-prestazzjoni ta' pajjiżhom, minħabba biża' ta' prosekuzzjoni;

I.   billi l-libertà tal-istampa għadha taħt pressjoni kbira fl-Eġittu u l-ġurnalisti għadhom qed jiġu detenuti fuq allegazzjonijiet mingħajr bażi; billi għadd ta' ġurnalisti ttellgħu l-qorti fl-2014 fuq akkużi li kienu ta' theddida għall-unità nazzjonali u l-paċi soċjali, mexxew rapporti ta' aħbarijiet foloz u kkollaboraw mal-Fratellanza Musulmana; billi l-ogħla qorti tal-ġustizzja tal-Eġittu, il-Qorti tal-Kassazzjoni, iddeċidiet li kien hemm nuqqasijiet proċedurali fil-proċess tal-ġurnalisti tal-Al-Jazeera Mohammed Fahmy, Peter Greste u Baher Mohamed; billi madankollu, it-tliet ġurnalisti se jerġa' jkollhom proċess ieħor u l-akkużi ta' ''falsifikazzjoni tal-aħbarijiet'' u ta' ''involviment mal-Fratellanza Musulmana'' li għandhom kontra tagħhom għadhom ma waqgħux; billi tliet ġurnalisti oħrajn – Sue Turton, Dominic Kane u Rena Netjes – ingħataw sentenza ta' 10 snin ħabs in absentia; billi l-ġurnalisti Eġizzjani Mahmoud Abdel Nabi, Mahmoud Abu Zeid, Samhi Mustafa, Ahmed Gamal, Ahmed Fouad u Abdel Rahman Shaheen ġew ikkundannati talli sempliċement wettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom; billi teżisti polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni tas-soċjetà Eġizzjana;

J.   billi fit-2 ta' Diċembru 2014, qorti kriminali Eġizzjana tat pieni tal-mewt provviżorji kontra 188 imputat fit-tielet każ ta' sentenzjar tal-massa fl-2014; billi dawn il-proċessi tal-massa prinċipalment kellhom fil-mira lill-Fratellanza Musulmana, l-akbar moviment tal-oppożizzjoni tal-Eġittu, li ġie ddikjarat grupp terroristiku mill-awtoritajiet f'Diċembru 2013; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar reċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali; billi ħadd ma nżamm responsabbli għall-użu eċċessiv tal-vjolenza f'Awwissu 2013, meta l-forzi tas-sigurtà rrejdjaw kampijiet fil-Pjazza Rabaa al-Adawiya u qatlu 1 150 dimostrant favur Morsi;

K. billi l-biċċa l-kbira tal-pieni tal-mewt, iżda mhux kollha, li ngħataw fil-proċessi tal-massa f'Marzu u April 2014 kontra membri tal-Fratellanza Musulmana u allegati sostenituri tal-eks President Morsi nbidlu f'sentenza ta' għomor il-ħabs;

L.  billi attwalment huma detenuti 167 membru tal-kmamar inferjuri u superjuri tal-parlament elett fl-2011;

M. billi l-eks President Mubarak, l-eks Ministru tal-Intern tiegħu, Habib al-Adly, u sitt membri oħra tal-persunal tiegħu nħelsu fid-29 ta' Novembru 2014 wara li twaqqgħu l-akkużi ta' qtil u korruzzjoni kontrihom, abbażi ta' żball tekniku; billi fit-13 ta' Jannar 2015 il-Qorti Eġizzjana tal-Kassazzjoni bidlet il-kundanni tal-eks President Hosni Mubarak u ż-żewġt uliedu subien għal approprjazzjoni indebita u ordnat li jerġa' jkollhom proċess ieħor abbażi tal-fatt li l-proċeduri ġuridiċi ma kinux ġew segwiti sew;

N. billi dawn il-prattiki ġudizzjarji reċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abbiltà tagħha li tiżgura r-responsabbiltà; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għall-piena tal-mewt jissugraw li jimminaw il-prospetti għal stabbiltà fit-tul fl-Eġittu;

O. billi l-Eġittu qed jiffaċċja sfidi ekonomiċi serji, inkluż eżodu ta' flus barranin, inflazzjoni dejjem togħla, qgħad u dejn pubbliku dejjem jikber, kif ukoll sfidi ta' sigurtà dovuti għat-theddida globali rappreżentata mit-terroriżmu; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sinaj hija waħda kritika u mijiet ta' suldati qed jinqatlu minn gruppi ġiħadisti li joperaw fiż-żona; billi fl-24 ta' Ottubru 2014 mill-anqas 33 suldat inqatlu f'attakk terroristiku; billi qed iseħħu atti ta' terroriżmu f'dan ir-reġjun kważi ta' kuljum; billi l-istat ordna t-tkeċċija ta' eluf ta' residenti f'Rafah u stabbilixxa żona ta' lqugħ ta' 500 metru tul il-fruntiera ta' Gaża u billi fil-peniżola ilu ddikjarat stat ta' emerġenza sa mill-24 ta' Ottubru 2014; billi n-netwerks kriminali għadhom qed joperaw fuq ir-rotot ta' traffikar tal-bnedmin/kuntrabandu fi ħdan u lejn is-Sinaj;

P.  billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi proposti ġodda ta' leġiżlazzjoni jkomplu jirrestrinġu l-ħidma ta' NGOs domestiċi u barranin, li jinsabu partikolarment imħassba dwar abbozz ta' liġi ġdida li twaqqaf il-flus u l-materjal milli jilħqu terroristi u gruppi oħra armati, imma timpedixxi l-NGOs milli jirċievu fondi barranin, li bosta jiddependu minnhom; billi digriet presidenzjali tal-21 ta' Settembru 2014 li jemenda l-kodiċi penali jipprevedi kastigi severi, inklużi sentenzi ta' għomor il-ħabs, għall-NGOs li jirċievu finanzjament barrani bl-iskop, ifformulat b'mod vag, li "jagħmlu ħsara lill-interess nazzjonali";

Q. filwaqt li jieħu nota tad-diskors tal-President al-Sisi fl-Università tal-Kajr dwar il-ħtieġa li l-mod tal-ħsieb Iżlamiku jiġi modernizzat u riformat;

R.  billi huwa rrappurtat li l-vjolenza kontra n-nisa qed tmur għall-agħar, minkejja l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, li l-applikazzjoni tagħha għadha mhijiex osservata, skont NGOs Eġizzjani li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa; billi l-attivisti nisa Eġizzjani jinsabu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli u ta' spiss ikunu soġġetti għal vjolenza, attakki sesswali u forom oħra ta' trattament degradanti b'rabta mal-attivitajiet paċifiċi tagħhom; billi, minkejja l-ħruġ ta' liġi fl-2008 li tikkriminalizza l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), din il-prattika għadha mifruxa ħafna, u ma kienx hemm prosekuzzjonijiet b'suċċess ta' dawk li wettquha fuq il-bniet;

S.  billi fix-xhur reċenti kien hemm żieda fl-arresti tal-irġiel omosesswali; billi kien hemm għadd ta' interventi mill-pulizija f'postijiet fejn kien maħsub li jiltaqgħu l-omosesswali madwar l-Eġittu; billi l-komunità LGBT qed tiġi ppersegwitata u umiljata pubblikament; billi l-Inizjattiva Eġizzjana għad-Drittijiet Personali tqis li mill-anqas 150 ruħ ġew arrestati matul dawn l-aħħar 18-il xahar fuq akkużi ta' debuxxjar; billi fit-12 ta' Jannar 2015 qorti Eġizzjana ħelset 26 raġel li kienu ġew arrestati x-xahar ta' qabel f'rejd li kien sar f'hammam fil-Kajr, u li kienu ġew akkużati b'''inċitament ta' debuxxjar'';

T.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014 fl-Eġittu seħħew f'kuntest fejn kienet ristretta ferm il-libertà tal-espressjoni u mrażżna kull forma ta' dissens u ta' kritika, inkluż dawk minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-elezzjonijiet parlamentari kienu mħabbra uffiċjalment għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015;

U. billi s-settur taż-żejt huwa l-akbar settur li jattira l-investiment mill-investituri barranin fl-Eġittu, u billi ż-żejt huwa l-akbar prodott bażiku li jesporta l-Eġittu; billi l-Eġittu ngħata kunsinni taż-żejt mingħajr ħlas mill-Istati tal-Golf sabiex jappoġġa lill-gvern il-ġdid; billi l-gvern qed jadotta pjan iddikjarat biex jeħles minn sussidji fuq l-enerġija fi żmien ħames snin minn Lulju 2014 'il quddiem, u billi għandu l-għan li jimplimenta pjan għat-tqassim tal-fjuwil permezz ta' "smart cards" f'April 2015, sabiex ikun jista' jikkontrolla l-kuntrabandu taż-żejt lejn pajjiżi ġirien u jkun jista' jiskopri r-rekwiżiti eżatti f'termini ta' fjuwil;

V. billi l-Eġittu daħal f'negozjati mal-FMI aktar minn darba wara r-rivoluzzjoni ta' Jannar 2011, fejn huwa fittex self ta' USD 4,8 biljun, iżda billi n-negozjati waqfu wara t-30 ta' Ġunju 2013; billi saru xi kuntatti mill-ġdid,u esperti tal-FMI żaru l-Eġittu f'Novembru 2014 biex iwettqu konsultazzjonijiet skont l-Artikolu IV, valutazzjoni minn esperti tal-FMI tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta' pajjiż;

W. billi l-livell ta' impenn tal-UE fil-konfront tal-Eġittu għandu jkun abbażi ta' inċentivi, bi qbil mal-prinċipju "aktar għal aktar" tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandu jiddependi mill-progress fir-riformi tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

X. billi l-UE hija tradizzjonalment is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Eġittu, u kopriet 22,9 % tal-volum ta' kummerċ tal-Eġittu fl-2013, u b'hekk kienet l-ewwel kemm bħala s-sieħeb tal-Eġittu għall-importazzjoni kif ukoll għall-esportazzjoni; billi, insegwitu tat-Task Force UE-Eġittu, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-Eġittu b'ammont totali ta' kważ EUR 800 miljun; billi dan huwa magħmul minn EUR 303 miljun fil-forma ta' għotjiet (EUR 90 miljun mill-fondi Spring u EUR 50 miljun bħala komponent ta' għotja tal-operazzjoni ta' assistenza mikrofinanzjarja, u l-bqija mill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat) u EUR 450 miljun fil-forma ta' self (assistenza makrofinanzjarja); billi, madankollu, l-UE se tipprovdi dan l-appoġġ finanzjarju biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet politiċi u demokratiċi meħtieġa, b'tiftix u tisħiħ ta' tranżizzjoni demokratika inklużiva bis-sħiħ u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għad-drittijiet tan-nisa;

Y. billi fis-16 ta' Ġunju 2014, is-Sur Stavros Lambrinidis, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, żar il-Kajr u kellu laqgħat mal-Presidenza, il-Kunsill tax-Shoura u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; billi d-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tħejjijiet għal liġi ġdida dwar l-NGOs, u ġiet enfasizzata l-importanza li l-UE tagħti lir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu;

1.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lill-kooperazzjoni tagħha mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Eġittu għall-istabbiltà tar-reġjun; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Eġittu u huwa impenjat li jkompli jappoġġa l-Eġittu fil-proċess ta' bini tal-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, filwaqt li jirrispetta u jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u jippromovi l-ġustizzja soċjali u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eġittu jissodisfa l-impenji internazzjonali tiegħu bħala sieħeb importanti fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

2.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li s-suċċess fit-tul tal-Eġittu u tal-poplu tiegħu jiddependi mill-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u fuq il-fatt li jkunu stabbiliti u ankrati istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu wkoll impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Eġizzjani jimplimentaw b'mod sħiħ il-prinċipji tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

3.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-restrizzjonijiet attwali fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fl-Eġittu; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dimostranti, ġurnalisti, bloggers, studenti, trejdunjonisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jikkundanna l-użu tal-vjolenza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti;

4.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri tal-kuxjenza kollha, kif ukoll ta' dawk kollha li ġew arrestati talli b'mod paċifiku eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda, kif ukoll dawk arrestati minħabba sħubija allegata mal-Fratellanza Musulmana; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw id-dritt għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu passi konkreti sabiex jiżguraw li jiġu implimentati bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

5.  Jenfasizza li r-rispett għall-libertà tal-istampa, tal-informazzjoni u tal-opinjoni (online u offline) kif ukoll il-pluraliżmu politiku huma fundamentali għad-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li dawk il-libertajiet ikunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limiti arbitrarji jew ċensura fil-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw il-libertà tal-espressjoni; jemmen li l-ġurnalisti kollha jeħtiġilhom jitħallew jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu mingħajr il-biża' ta' prosekuzzjoni, priġunerija, intimidazzjoni, jew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kelma jew tal-espressjoni tagħhom;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwettqu investigazzjonijiet pronti, imparzjali u indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv tal-forza, trattament ħażin u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż abbuż sesswali, min-naħa tal-forzi tal-infurzar tal-liġi matul protesti, jikkastigaw lill-persuni responsabbli, jagħtu kumpens lill-vittmi u jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ u l-investigazzjoni tal-imġiba tal-forzi tas-sigurtà; jistieden lill-Eġittu jirratifika l-Istatut ta' Ruma u jsir membru tal-QKI;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Eġittu jirtiraw il-pieni tal-mewt li ngħataw mingħajr kunsiderazzjoni għal proċess adegwat li jirrispetta d-drittijiet tal-imputati u jirrevokaw il-liġijiet repressivi u mhux kostituzzjonali li jirrestrinġu bil-kbir id-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari d-digriet presidenzjali, il-Liġi 136 tal-2014; jistieden lill-awtoritajiet jannullaw il-verdetti kollha kontra ċ-ċivili li ngħataw mill-qrati militari minn Lulju 2013 'l hawn; jappella għall-ħelsien tal-167 membru tal-parlament elett fl-2011 u li attwalment jinsabu taħt arrest; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevokaw il-Liġi dwar id-Dimostrazzjonijiet ta' Novembru 2013 u jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti ġuridiċi sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni dwar l-assoċjazzjoni u l-għaqda f'konformità mal-istandards internazzjonali, u jissalvagwardaw id-dritt li wieħed jifforma assoċjazzjoni minqux fl-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi jew jgħaddi finanzjament; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw mill-ġdid l-abbozz tal-liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) ippreżentat mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali; iħeġġeġ biex il-liġi l-ġdida proposta tkun konformi mal-Kostituzzjoni Eġizzjana u mat-trattati internazzjonali kollha li l-Eġittu huwa pajjiż firmatarju tagħhom;

9.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom; jinsisti li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralistika, li tkun tirrispetta d-diversità tal-fehmiet u l-istili ta' għajxien, li wieħed jista' jiżgura stabbiltà u sigurtà fit-tul fl-Eġittu, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu l-impenn lejn id-djalogu u n-nonvjolenza, kif ukoll lejn il-governanza inklużiva;

10. Jilqa' u jinkoraġġixxi l-passi li ħa l-Gvern Eġizzjan bħala appoġġ għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-komunitajiet reliġjużi; ifakkar fid-dispożizzjoni inkluża fl-Artikolu 235 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, li tistipula li l-parlament elett il-ġdid, matul l-ewwel leġiżlatura tiegħu, irid joħroġ liġi li tirregola l-kostruzzjoni u r-rinnovament tal-knejjes b'mod li jiggarantixxi l-libertà tal-prattika reliġjuża għall-Insara; jilqa' l-fatt li l-President al-Sisi sar l-ewwel president li attenda quddiesa fi knisja fil-Kajr, lejlet il-Milied tal-Kopti, u jemmen li din hija dikjarazzjoni simbolika importanti fl-isforzi biex tinbena l-unità fi ħdan is-soċjetà Eġizzjana;

11. Jenfasizza l-importanza tal-Eġittu bħala attur internazzjonali u jittama li jkompli jkollu rwol attiv fit-tnedija ta' negozjati ġenwini ta' paċi li jġibu fi tmiemu l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, u li jagħti l-kontribut kostruttiv tiegħu fit-tiftix għall-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran, attwalment l-aktar fil-Libja u fil-Lvant Nofsani; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadini Eġizzjani maħtufa kollha li bħalissa qed jinżammu fil-Libja, inkluż l-20 Eġizzjan Kopt fit-3 ta' Jannar 2015; itenni r-rieda tal-UE li taħdem mal-Eġittu bħala sħab fir-reġjun biex jiġu indirizzati dawn id-theddidiet serji;

12. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi reċenti fuq il-Peniżola tas-Sinaj u l-atti l-oħra kollha ta' terroriżmu kontra l-Eġittu; jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; jenfasizza l-fatt li l-UE u l-komunità internazzjonali jeħtiġilhom jappoġġaw u jikkooperaw mal-Eġittu fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex iwaqqfu n-netwerks kriminali li għadhom qed joperaw fuq ir-rotot ta' traffikar tal-bnedmin/kuntrabandu fi ħdan u lejn is-Sinaj;

13. Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistedinhom jagħtu prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-ġustizzja;

14. Jinnota li t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt se jwassal direttament għal allokazzjonijiet aktar baxxi tas-sussidji fuq l-enerġija, u din hija l-akbar sfida li ffaċċjaw ir-reġimi ta' wara r-rivoluzzjoni sa mir-Rivoluzzjoni tal-25 ta' Jannar; jinsab imħasseb li dan it-tnaqqis jista' jkollu impatt enormi fuq ħafna pjanijiet tal-gvern, li l-aktar importanti fosthom huma l-isforzi sabiex jinżamm marġni sikur fuq il-muniti barranin;

15. Iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan biex jimplimenta bis-sħiħ strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, filwaqt li jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effikaċi tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u ta' gruppi oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

16. Jesprimi r-rabja tiegħu għar-restrizzjonijiet li qed jintensifikaw fuq il-komunità LGBT fl-Eġittu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT abbażi ''tal-liġi tad-debuxxjar'', talli jesprimu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u talli jingħaqdu, u biex jeħilsu lill-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi;

17. Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkooperaw bis-sħiħ mal-mekkaniżmi ta' drittijiet tal-bniedem tan-NU, inkluż billi japprovaw it-talbiet pendenti għal żjarat min-naħa ta' bosta rapporteurs speċjali tan-NU, u jaġixxu fuq l-impenn tal-Eġittu li jiftaħ bureau reġjonali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

18. Itenni, bi qbil mas-sejbiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, li l-elezzjonijiet ma laħqux l-istandards internazzjonali applikabbli u ma rrispettawx bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Kostituzzjoni l-ġdida adottata, minħabba li kien hemm limitazzjoni għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u regolamentazzjoni insuffiċjenti dwar l-iffinanzjar tal-kampanja, id-dritt li wieħed jipparteċipa bħala kandidat u d-dritt għall-vot; jistieden lill-Gvern Eġizzjan jindirizza n-nuqqasijiet fl-elezzjonijiet presidenzjali fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet parlamentari mħabbra għall-21 ta' Marzu u l-25 ta' April 2015; jinnota li fiċ-ċirkostanzi attwali mhuwiex opportun li tintbagħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, billi dan jista' jimmina serjament il-kredibbiltà tal-istrument ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet;

19. Jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; jerġa' jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'mod attiv skont il-prinċipju tal-kundizzjonalità ("aktar għal aktar") u biex fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-pajjiż u fl-appoġġ finanzjarju tagħhom iqisu l-isfidi ekonomiċi serji li qed jiffaċċja l-Eġittu; itenni t-talba tiegħu li jkun hemm punti ta' riferiment ċari u miftiehma b'mod konġunt f'dan ir-rigward; jikkonferma l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess lejn riforma demokratika u ekonomika;

20. Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr ikunu preżenti waqt il-proċessi tal-qorti politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdujonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili Eġizzjani u barranin fil-pajjiż;

21. Itenni t-talbiet tiegħu lill-VP/RGħ biex tiċċara l-miżuri speċifiċi meħuda b'rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin li tiġi rieżaminata l-assistenza tal-UE lill-Eġittu, b'riferiment ukoll għar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tal-2013; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus: (i) tal-programm ippjanat dwar ir-riforma tal-ġustizzja; (ii) tal-programmi għall-appoġġ baġitarju tal-UE; (iii) tal-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) tal-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika s-salvagwardji stabbiliti fi ħdan il-programmi ffinanzjati permezz tal-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat, fir-rigward tar-riskji ta' korruzzjoni kif ukoll tal-entitajiet ekonomiċi u finanzjarji kkontrollati mill-militar;

22. Jitlob li jkun hemm projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u ta' sorveljanza li jistgħu jintużaw għal spjunaġġ u repressjoni taċ-ċittadini; jitlob, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, li jkun hemm projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għar-repressjoni ta' protesti paċifiċi jew kontra l-interessi strateġiċi u ta' sigurtà tal-UE;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.

 

(1)

Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0007.

(3)

Testi Adottati, P7_TA(2012)0470.

(4)

Testi Adottati, P7_TA(2013)0274.

Avviż legali