Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0036/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0036/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.10
CRE 15/01/2015 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 139kWORD 76k
14.1.2015
PE547.459v01-00}
PE547.463v01-00}
PE547.464v01-00}
PE547.465v01-00}
PE547.466v01-00}
PE547.467v01-00}
PE547.468v01-00} RC1
 
B8-0036/2015}
B8-0040/2015}
B8-0041/2015}
B8-0042/2015}
B8-0043/2015}
B8-0044/2015}
B8-0045/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8‑0036/2015)

EFDD (B8‑0040/2015)

ALDE (B8‑0041/2015)

Verts/ALE (B8‑0042/2015)

PPE (B8‑0043/2015)

GUE/NGL (B8‑0044/2015)

ECR (B8‑0045/2015)


dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))


Renate Sommer, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, Tunne Kelam, David McAllister, Philippe Juvin, Michael Gahler, Michaela Šojdrová, Barbara Matera, Davor Ivo Stier, Claude Rolin, Dubravka Šuica, Giovanni La Via, Pascal Arimont, Ivana Maletić, Lara Comi, József Nagy f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Alessia Maria Mosca, Eugen Freund, Goffredo Maria Bettini, Alessandra Moretti, Liisa Jaakonsaari, Sorin Moisă, Tonino Picula, Javi López, Marlene Mizzi, Nicola Caputo, Pier Antonio Panzeri, Michela Giuffrida, Tanja Fajon, Miroslav Poche, Victor Negrescu, Neena Gill, Andrejs Mamikins, David Martin, Vincent Peillon, Soraya Post, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Alexander Graf Lambsdorff, Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Beatriz Becerra Basterrechea, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Petr Ježek, Ivo Vajgl, Louis Michel, Gérard Deprez, Pavel Telička, Fredrick Federley, Petras Auštrevičius f'isem il-Grupp ALDE
Takis Hadjigeorgiou, Patrick Le Hyaric, Curzio Maltese, Marie-Christine Vergiat, Dimitrios Papadimoulis, Georgios Katrougkalos, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos, Neoklis Sylikiotis f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ska Keller, Ernest Maragall, Rebecca Harms, Bodil Ceballos, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Marco Affronte, Daniela Aiuto, Dario Tamburrano, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014,

–   wara li kkunsidra d-Dokument tal-Kummissjoni dwar Strateġija Indikattiva għat-Turkija (2014-2020) tas-26 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u diriġenti tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta Zaman, u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li 'bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat' u li dan kienet għamlitu 'billi gidbet, ċaħħdet lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikat id-dokumenti';

B.  billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret ir-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali, iżda li Hidayet Karaca kienet se tibqa' fid-detenzjoni sa ma l-investigazzjoni tintemm; billi fil-31 ta’ Diċembru 2014 qorti ta’ Istanbul irrifjutat l-oġġezzjoni ta' prosekutur għar-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı u ta' seba’ persuni oħra;

C. billi r-reazzjoni tal-gvern għall-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f’Diċembru 2013 qajmet dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u wriet intolleranza dejjem akbar rigward l-oppożizzjoni politika, il-protesti min-naħa tal-pubbliku u l-media kritika;

D. billi t-Turkija diġà għandha numru kbir ta’ ġurnalisti fil-ħabs u ta' ġurnalisti li qed jistennew li jingħaddu proċess, u l-pressjoni kontra l-media kibret tul dawn l-aħħar snin, inkluż kontra sidien u eżekuttivi ta’ gruppi tal-media kif ukoll ta' pjattaformi online u tal-media soċjali; billi dikjarazzjonijiet intimidanti minn politiċi u proċedimenti istitwiti kontra ġurnalisti li esprimew kritika, flimkien mal-istruttura tas-sjieda tas-settur tal-media, kienu fatturi li wasslu biex ħafna sidien tal-media u ġurnalisti ħaddmu l-awtoċensura, u wkoll għat-tkeċċija ta' xi ġurnalisti; billi, l-aktar spiss, il-Gvern Tork lill-ġurnalisti jakkużahom taħt l-Att Kontra t-Terroriżmu (TMK) u taħt l-artikoli tal-Kodiċi Kriminali relatati ma’ 'organizzazzjonijiet terroristiċi';

E.  billi fis-6 ta' Jannar 2015 il-pulizija arrestaw il-korrispondenta Netherlandiża Frederike Geerdink f'Diyarbakir, interrogawha u ħelsuha dakinhar stess, wara li involva ruħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands li nzerta kien qed iżur it-Turkija f'dak il-waqt, u billi fis-7 ta' Jannar ġurnalist Netherlandiż ieħor, Mehmet Ülger, ġie arrestat malli wasal fl-ajruport ta' Istanbul, ġie interrogat f'għassa tal-pulizija u nħeles aktar tard dakinhar;

F.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bin-negozjati relatati, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

G. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw bil-qawwa l-arresti li saru fl-14 ta’ Diċembru 2014, u qalu li l-arresti huma 'inkompatibbli mal-valuri Ewropej' u 'inkompatibbli mal-libertà tal-media'; billi l-President Erdogan irrifjuta bil-qawwa l-kritika mill-UE;

1.  Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fit-Turkija fl-14 ta' Diċembru 2014; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji rigward ir-rispett tal-istat tad-dritt u tal-libertà tal-media, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija;

2.  Ifakkar li stampa ħielsa u pluralista hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċessi regolari, il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-indipendenza ġudizzjarja; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, li fir-rigward ta' dan l-aħħar ċiklu ta’ arresti, fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni abbundanti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja flimkien ma' drittijiet sħaħ ta’ difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġjonevoli; ifakkar lill-awtoritajiet tat-Turkija li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-media u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika u miftuħa;

3.   Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-gvern sejjer lura mill-impenji tiegħu rigward riformi demokratiċi, u b’mod partikolari li t-tolleranza tal-gvern rigward protesti mill-pubbliku u rigward il-media kritika qiegħda tonqos; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-arresti tal-14 ta' Diċembru 2014 jikkonformaw ma' skema deplorevoli ta' aktar pressjoni u restrizzjonijiet fuq il-mezzi tal-istampa u tal-media, inkluż fuq il-media soċjali u fora fuq l-internet; jinnota li projbizzjonijiet tas-siti tal-internet għandhom portata sproporzjonata fit-Turkija; jiddeplora l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu f'detenzjoni qabel is-smigħ tal-kawża tagħhom, b'tali mod li effettivament qed jiġu kkastigati, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jirrieżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet mill-aktar fis possibbli;

4.  Iħeġġeġ lit-Turkija biex taħdem fuq ir-riformi li għandhom jipprevedu kontrolli u ekwilibriji li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-media, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jissottolinja l-importanza li għandhom il-libertà tal-istampa u r-rispett tal-valuri demokratiċi għall-proċess ta' tkabbir tal-UE; jenfasizza li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku tat-Turkija u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tati lok li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi kollettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi informata, u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija, f'dan ir-rigward, biex jindirizza l-libertà tal-media bħala kwistjoni prijoritarja u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu bi qbil mal-istandards internazzjonali; jitlob ukoll li l-pressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-mezzi tal-espressjoni tal-kritika u l-ġurnalisti jintemmu;

6.  Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprevedix reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Liġi kontra t-Terroriżmu jew tal-Kodiċi Kriminali, li intużaw biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riforma ta’ dawn il-liġijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità;

7.  Jenfasizza li, kif ġie konkluż mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għall-perjodu 2014-2020 jipprevedi l-introduzzjoni ta’ aktar koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress globali li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni, inkluż ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali;

8.  Jitlob li l-media indipendenti tingħata aktar attenzjoni fi ħdan il-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni; jissottolinja f'dan ir-rigward, barra minn hekk, l-importanza li jingħataw sostenn ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għaliex biss soċjetà ċivili trasparenti u li taħdem sewwa tista' tibni l-fiduċja u l-kunfidenza fost il-komponenti differenti ta' soċjetà ħajja u demokratika;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

Avviż legali