Proċedura : 2015/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0050/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0050/2015

Dibattiti :

PV 15/01/2015 - 9.2
CRE 15/01/2015 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 149kWORD 83k
14.1.2015
PE547.473v01-00}
PE547.475v01-00}
PE547.476v01-00}
PE547.480v01-00}
PE547.481v01-00}
PE547.483v01-00}
PE547.485v01-00} RC1
 
B8-0050/2015}
B8-0052/2015}
B8-0053/2015}
B8-0057/2015}
B8-0058/2015}
B8-0060/2015}
B8-0062/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0050/2015)

Verts/ALE (B8‑0052/2015)

ALDE (B8‑0053/2015)

EFDD (B8‑0057/2015)

GUE/NGL (B8‑0058/2015)

S&D (B8‑0060/2015)

PPE (B8‑0062/2015)


dwar il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar (2015/2515(RSP))


Cristian Dan Preda, Jeroen Lenaers, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Elisabetta Gardini, Lara Comi, Dubravka Šuica, Bogdan Brunon Wenta, David McAllister, Csaba Sógor, Jiří Pospíšil, Seán Kelly, Jarosław Wałęsa, Andrej Plenković, Monica Macovei, Andrzej Grzyb, Michaela Šojdrová, Joachim Zeller, Mariya Gabriel, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jaromír Štětina, Davor Ivo Stier, Luděk Niedermayer, Inese Vaidere, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Gabrielius Landsbergis f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Goffredo Maria Bettini, Enrico Gasbarra, Kashetu Kyenge, Andi Cristea, Krystyna Łybacka, Richard Howitt, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Miroslav Poche, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Michela Giuffrida, Marc Tarabella, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă, Miriam Dalli, Hugues Bayet, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Mark Demesmaeker, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Fernando Maura Barandiarán, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Juan Carlos Girauta Vidal, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Louis Michel, Ulrike Müller, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Dario Tamburrano, Marco Valli, Fabio Massimo Castaldo, Amjad Bashir, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan, b'mod partikulari s-sitwazzjoni wara l-attakk fuq l-iskola f'Peshawar (2015/2515(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan, b'mod partikulari dawk tas-27 ta' Novembru 2014(1), tas-17 ta' April 2014(2), tal-10 ta' Ottubru 2013(3) u tas-17 ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 u tal-presidenti tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel tas-17 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attakk fuq skola f'Peshawar, il-Pakistan, id-Dikjarazzjoni Lokali tal-UE tal-24 ta' Diċembru 2014 dwar l-issuktar tal-eżekuzzjonijiet fil-Pakistan u l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 dwar iż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Pakistan u l-UE, il-Pjan ta' Impenn fuq Ħames Snin, id-Djalogu strateġiku UE-Pakistan u l-iskema GSP+ ta' preferenzi kummerċjali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal u tas-17 ta' Diċembru 2014 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward l-attakk terroristiku fuq skola f'Peshawar,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà reliġjuża u tat-twemmin, li fihom il-Kunsill saħaq fuq l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Awwissu 2011 ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Edukazzjoni dwar il-ħarsien tal-edukazzjoni matul l-emerġenzi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali u r-relazzjonijiet politiċi tal-Pakistan mal-UE(4),

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Pakistan huwa firmatarju tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi fis-16 ta' Diċembru 2014, seba' rġiel armati attakkaw Skola Pubblika tal-Armata fil-belt ta' Peshawar – li hija mdawra minn tliet naħat miż-Żoni Tribali Amministrati Federalment (FATA) – u qatlu 'l fuq minn 140 persuna, fosthom 134 tifel u tifla, u darbu kważi daqstant oħrajn;

B.  billi dan l-attakk nissel xokk kbir fil-Pakistan u lil hinn minnu, u ġie perċepit bħala l-aktar att terroristiku krudili fl-istorja tal-Pakistan, aktar u aktar għall-fatt li l-forzi militari damu tmien sigħat biex ħadu lura f'idejhom il-kontroll tal-iskola; billi ħafna studenti u membri tal-persunal tal-iskola nqatlu jew sfaw midruba matul dawk is-sigħat, u dawk li baqgħu ħajjin għadhom trawmatizzati profondament;

C. billi Malala Yousafzai, l-iżgħar persuna li qatt rebħet il-Premju Nobel għall-Paċi u rebbieħa tal-Premju Sakharov, f'Ottubru 2012 qalgħet tiri ta' arma tan-nar f'rasha minn Talibani li sparawlha talli kienet għamlet kampanja favur l-edukazzjoni tat-tfal bniet fil-Pakistan;

D. billi t-Tehrik-e-Taliban Pakistan (TTP) assumew ir-responsabbiltà għall-massakru u qalu li waħda mir-raġunijiet għala attakkaw l-iskola kienet biex jibagħtu messaġġ qawwi lis-sostenituri ta' Malala, li tippromwovi l-edukazzjoni għan-nisa u t-tfal, kif ukoll biex "jivvendikaw ruħhom" għall-kampanja tal-armata kontra l-militanti;

E.  billi minn meta bdiet l-offensiva tal-gvern kontra t-Taliban u gruppi militanti oħrajn fiż-żona FATA, waħda mill-ifqar żoni tal-Pakistan, 'il fuq minn miljun persuna ġew spostati lejn l-Afganistan jew partijiet differenti tal-Pakistan;

F.  billi l-libertà tat-twemmin u t-tolleranza reliġjuża fil-Pakistan it-tnejn huma mhedda mill-vjolenza terroristika u mill-abbuż mifrux tal-liġijiet li jikkriminalizzaw l-atti blasfemi; billi n-nisa u t-tfajliet huma esposti doppjament, kemm għall-konverżjoni sfurzata kif ukoll għal vjolenza sesswali mifruxa;

G. billi skont ir-rapport tal-Koalizzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Edukazzjoni kontra l-Attakki (GCPEA), bejn l-2009 u l-2012 saru 'l fuq minn 800 attakk fuq skejjel fil-Pakistan; billi l-militanti rreklutaw anke tfal minn skejjel u 'madrassas', xi wħud minnhom biex jikkommettu attakki suwiċida; billi, skont ir-rapport, tal-inqas 30 tifel u tifla, għexieren ta' għalliema u membri oħra tal-persunal skolastiku, inkluż ministru tal-edukazzjoni provinċjali, inqatlu f'attakki fuq skejjel u mezzi tat-trasport tal-iskejjel bejn l-2009 u l-2012;

H. billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal issuġġerixxa li l-Pakistan jistabbilixxi sistema ta' rispons rapidu kull meta jkun hemm attakki fuq istituzzjonijiet edukattivi, sabiex dawn jissewwew malajr jew jinbnew mill-ġdid u l-materjal edukattiv jiġi sostitwit sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jidħlu lura fl-iskejjel u fl-universitajiet kemm jista' jkun malajr; billi permezz ta' bidliet fil-kostituzzjoni, reċentement l-edukazzjoni obbligatorja b'xejn saret dritt fundamentali;

I.   billi ftit sigħat wara l-attakk fuq l-Iskola Pubblika tal-Armata f'Peshawar, il-Prim Ministru Nawaz Sharif neħħa l-moratorju fuq il-piena tal-mewt li kien ilu fis-seħħ għal sitt snin; billi s'issa ngħataw il-forka diversi priġunieri li kienu kkundannati għall-mewt fuq akkużi ta' terroriżmu; billi skont uffiċjali Pakistani fil-ġimgħat li ġejjin jistgħu jingħataw il-forka mal-500 persuna kkundannata għall-mewt; billi huwa stmat li fil-Pakistan hemm madwar 8 000 persuna kkundannata għall-mewt;

J.   billi fis-6 ta' Jannar 2015, b'reazzjoni għall-massakru fl-iskola, il-Parlament Pakistani għadda emenda kostituzzjonali li għas-sentejn li ġejjin lill-qrati militari tagħtihom is-setgħa li jipproċedu kontra militanti Iżlamisti, u dan jista' jwassal lill-akkużati mill-arrest għall-forka fi ftit ġimgħat; billi bħala firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Pakistan għandu l-obbligu li jieħu miżuri biex jiżgura proċessi bażiċi ġusti u ma jistax juża l-qrati militari biex jipproċedi kontra persuni ċivili meta l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

K. billi l-Pakistan reċentement irratifika sebgħa mill-aktar disa' ftehimiet internazzjonali sinifikanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li fihom firxa ta' dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, id-dritt għal proċess ġust, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni;

L.  billi r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati fir-rapport tagħha tal-4 ta' April 2013 jinkludu r-riforma tal-ordinament ġuridiku sabiex ikun żgurat li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati u s-sistema tkun effikaċi; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jiġbdu l-attenzjoni dwar il-korruzzjoni fl-ordinament ġuridiku;

M. billi l-UE u l-Pakistan approfondixxew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, pereżempju permezz tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin, imniedi fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f'Marzu 2014; billi l-għan tal-pjan ta' impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li jibni relazzjoni strateġika u jsawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

N. billi l-istabbiltà tal-Pakistan hija ta' importanza ewlenija għall-paċi fin-Nofsinhar tal-Asja u lil hinn minnu; billi l-Pakistan għandu rwol importanti fit-trawwim tal-istabbiltà fir-reġjun u jista' jiġi mistenni jmexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, bħala att orribbli u kodard, il-massakru brutali ta' tfal tal-iskola mwettaq mis-sottogrupp dissidenti ta' Taliban Pakistani, Tehreek-e-Taliban (TTP), jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-attakk fuq l-iskola f'Peshawar u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-poplu u l-awtoritajiet tal-Pakistan;

2.  Jesprimi l-impenn sħiħ tiegħu li jindirizza t-theddida tat-terroriżmu u tal-estremiżmu reliġjuż u jiddikjara li hu lest jassisti ulterjorment lill-Gvern Pakistani f'dan ir-rigward;

3.  Jistenna li l-Gvern tal-Pakistan jieħu miżuri urġenti u effikaċi, f'konformità mal-istandards tal-istat tad-dritt rikonoxxuti internazzjonalment, biex jindirizza t-theddida għas-sigurtà rappreżentata mill-gruppi militanti kollha li joperaw fil-Pakistan u fir-reġjun tal-madwar, mingħajr eċċezzjoni; jenfasizza li l-ebda forma ta' terroriżmu jew estremiżmu m'għandu jkollha l-appoġġ tal-awtoritajiet;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura s-sikurezza tal-iskejjel u jaċċerta ruħu li t-tfal, irrispettivament mill-ġeneru, ma jkunu qatt intimidati fi triqithom lejn l-iskola; jemmen li l-gvern għandu juri determinazzjoni aktar qawwija u jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiġu arrestati u mtella' l-qorti fuq akkużi ta' vjolenza l-militanti tat-TTP u oħrajn li jattakkaw l-iskejjel, u li jekk ma jagħmilx hekk il-kredibbiltà internazzjonali tiegħu tiddgħajjef;

5.  Ifakkar fl-oppożizzjoni kostanti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Prim Ministru tal-Pakistan Nawaz Sharif li jneħħi moratorju mhux uffiċjali ta' erba' snin fuq il-piena kapitali, u jappella biex dan il-moratorju jerġa' jiddaħħal minnufih;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jħalli l-liġijiet antiterroristiċi għall-atti ta' terroriżmu biss, minflok ma jużahom fil-proċedimenti ta' każijiet kriminali ordinarji; jiddeplora bil-qawwa li wieħed jirrikorri għal ġustizzja militari mgħaġġla li hija nieqsa mill-kundizzjonijiet minimi tal-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt, u jenfasizza li l-għoti fit-tul ta' preferenzi GSP+ huwa marbut mal-ilħuq ta' ċerti standards bażiċi minquxa fil-konvenzjonijiet tan-NU u tal-ILO;

7.  Jilqa' r-rieda tal-partiti politiċi tal-Pakistan li joħorġu bi pjan nazzjonali biex jindirizzaw it-terroriżmu; jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż hija kruċjali li jiġu indirizzati il-kawżi aħħarin tagħhom, fost l-oħrajn bl-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-garanzija li t-tfal bniet u subien ikollhom dritt u aċċess sikur għall-edukazzjoni; jappella għal strateġija fit-tul biex ttipprevjeni r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ fil-Pakistan u tindirizza l-"kriżi mifruxa fit-tagħlim" li l-UNESCO identifikat fil-Pakistan, b'mod partikulari billi jiżdied l-investiment f'sistema edukattiva ffinanzjata b'fondi pubbliċi u billi jiġi aċċertat li l-iskejjel reliġjużi jkollhom il-materjal li jeħtieġu biex jipprovdu edukazzjoni bilanċjata u inklużiva liż-żgħażagħ;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrispetta l-ftehimiet internazzjonali li rratifika dan l-aħħar rigward id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li lill-awtoritajiet jobbligawhom jiżguraw proċessi bażiċi ġusti filwaqt li jipprojbixxulhom li jużaw qrati militari għal proċessi ta' persuni ċivili dment li l-qrati regolari jkunu jiffunzjonaw;

9.  Jappella għal impenn internazzjonali mġedded favur il-ġlieda kontra l-finanzjament u l-isponsorizzar ta' netwerks terroristiċi;

10. Jitlob li l-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ li jindirizzaw it-theddida li jirrappreżenta t-terroriżmu u li jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissuktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0064.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0460.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0422.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0208.

Avviż legali