Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0123/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0123/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA

9.2.2015 - (2014/2997(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0123/2015)
PPE (B8‑0133/2015)

Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Eduard Kukan, Michael Gahler, Gunnar Hökmark, Daniel Caspary, Monica Macovei, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Monika Hohlmeier, József Nagy f'isem il-Grupp PPE
<<<Timothy Kirkhope, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2014/2997(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0123/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0123/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA

(2014/2997(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 21 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–   wara li kkunsidra l-istrumenti relevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984 u l-protokolli relevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li jiffoka fuq kummissjonijiet ta’ inkjesta b’risposta għal mudelli jew prattiki ta’ tortura jew forom oħra ta’ trattament ħażin[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE-Stati Uniti dwar l-għeluq tal-Bajja ta' Guantánamo u l-Kooperazzjoni Futura Kontra t-Terroriżmu tal-15 ta’ Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta’ Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi,

–   wara li kkunsidra l-Ordni Eżekuttiva 13491 tal-President Obama dwar l-iżgurar ta’ interrogazzjonijiet legali, iffirmata fit-22 ta’ Jannar 2009,

–   wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Obama tal-20 ta’ Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-Rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija bbażata fuq impenn favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll ir-rispett tad-dinjità umana u d-dritt internazzjonali, kif ukoll it-Trattati tal-UE;

B.  billi l-UE żviluppat politiki ta’ sigurtà interna u politiki kontra t-terroriżmu bbażati fuq il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura, u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-intelligence; billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt kif ukoll is-sorveljanza parlamentari demokratika effettiva tas-servizzi tal-intelligence huma elementi importanti ta' din il-kooperazzjoni;

C. billi huwa fundamentali li jkun hemm proċess ta' għoti ta' rendikont adegwat sabiex iċ-ċittadini jibqgħu jafdaw fl-istituzzjonijiet demokratiċi u biex id-drittijiet tal-bniedem jiġu mħarsa u promossi b'mod effettiv fi ħdan il-politiki interni u esterni tal-UE;

D. billi l-Parlament preċedentement ikkundanna l-programm ta' konsenja u ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxi mill-Istati Uniti;

E.  billi diversi Stati Membri wettqu jew qed iwettqu inkjesti dwar akkużi tal-involviment tagħhom fit-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA;

 

F.  billi fil-11 ta’ Settembru 2001, l-Istati Uniti sabet ruħha taħt attakki bla preċedent minn terroristi tal-Al-Qaeda, li qatlu aktar minn 3 000 persuna meta ajruplani ttajru fiż-żewġ torrijiet tal-World Trade Centre, fil-Pentagon u f'għalqa f’Pennsylvania;

G. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni b'saħħithom f’ħafna oqsma, abbażi tal-valuri komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi l-UE u l-Istati Uniti saħħu l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu mindu seħħew l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001;

H. billi fil-15 ta' Ġunju 2009, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika ffirmaw dikjarazzjoni konġunta dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u l-kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u r-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, billi l-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE biex xi wħud mill-priġunieri tal-Bajja ta' Guantánamo jingħataw appoġġ wara l-ħelsien kienet bil-mod u limitata;

I.   billi l-ħolqien tal-ISIS, u b'mod partikolari l-preżenza ta' bosta ċittadini Ewropej fi ħdan din l-organizzazzjoni, u r-ritorn sussegwenti tagħhom lejn pajjiżhom, ħolqu sitwazzjoni ġdida ta' periklu għas-sigurtà fl-UE;

J.   billi fit-3 ta’ Diċembru 2014, wara sitt snin ta’ investigazzjonijiet, il-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat ħareġ sommarju eżekuttiv rigward l-Istudju tal-Kumitat tal-Programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-Detenzjoni u l-Interrogazzjoni;

K. billi r-rapport tal-Kumitat tas-Senat jiġbor aktar minn 6 000 paġna iżda għadu klassifikat, u billi nħareġ sommarju ta’ 525 paġna li jikkonferma li sitt ijiem wara l-attakki ta’ 9/11 ġie ffirmat Memorandum ta’ Notifika (MON) li jawtorizza lid-Direttur tal-Intelligence Ċentrali (DCI) biex "iwettaq ħidmiet imfassla biex jaqbdu u jżommu arrestati persuni li jirrappreżentaw theddida serja u kontinwa ta' vjolenza jew mewt għall-persuni u l-interessi tal-Istati Uniti jew li qed jippjanaw attivitajiet terroristiċi";

L.  billi r-rapport isib li s-CIA utilizzat tekniki msaħħa ta’ interrogazzjoni ddikjarati illegali mill-Istati Uniti u mit-trattati internazzjonali li jipprojbixxu l-użu tat-tortura, li l-Istati Uniti hija firmatarja tagħhom;

1.  Jenfasizza l-fatt li miżuri effikaċi kontra t-terroriżmu u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji min-natura tagħhom iżda għandhom jikkumplimentaw lil xulxin u jsaħħu l-objettivi ta' xulxin; jenfasizza madankollu li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti essenzjali mis-suċċess tal-politiki b'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza barra minn hekk li l-kooperazzjoni transatlantika bbażata fuq dawn l-istess valuri kondiviżi għandha tkun prijorità ewlenija fi ħdan ir-relazzjonijiet esteri tal-UE;

2.  Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li l-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu, u l-kooperazzjoni internazzjonali bilaterali u multilaterali f'dan il-qasam, inkluż bħala parti min-NATO jew bejn is-servizzi tal-intelligence u tas-sigurtà, għandhom iseħħu f'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u permezz ta' sorveljanza demokratika u ġudizzjarja xierqa;

3.  Jenfasizza l-fatt li, fis-sitwazzjoni attwali diffiċli f'termini ta' sigurtà, il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u l-Istati Uniti b'rabta mal-ġlieda u l-għelib tat-terroriżmu hija essenzjali;

4.  Jilqa' r-rapport tal-Kumitat tas-Senat bħala pass pożittiv biex jiġi ffaċċjat pubblikament u b'mod kritiku l-programm tas-CIA dwar id-detenzjoni u l-interrogazzjoni, li juri r-rieda tas-sistema politika demokratika Amerikana, bl-appoġġ ta' membri miż-żewġ partiti politiċi tal-Kungress, li twettaq rendikont pubbliku u onest tal-programm tas-CIA;

5.  Itenni l-impenn deċiżiv tal-UE li tikkoopera mal-Istati Uniti fil-ġlieda f'livell dinji kontra t-terroriżmu, u jfakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob approċċ multilaterali, u għaljekk qed jippromwovi b'mod attiv alleanza dinjija kontra t-terroriżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, li tkun tinvolvi l-atturi internazzjonali kollha;

6.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għal prattiki ta’ tekniki msaħħa ta' interrogazzjoni, li huma pprojbiti skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali u li jiksru fost l-oħrajn id-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà, it-trattament dinjituż, il-libertà mit-tortura, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-proċess ġust, il-konsulenza legali u l-protezzjoni ugwali skont il-liġi;

7.  Jilqa’ l-ordnijiet eżekuttivi maħruġa mill-President Obama li jipprojbixxu t-tortura, jippromwovu t-trattament dinjituż tad-detenuti u jiżguraw li l-Istati Uniti tirrispetta l-liġijiet nazzjonali u internazzjonali li jipprojbixxu t-tortura u t-trattament krudili, inuman u degradanti;

8.  Jilqa’ l-passi pożittivi reċenti tal-President Obama bl-isforzi kontinwi u ripetuti tiegħu biex tingħalaq il-faċilità ta’ detenzjoni fil-bażi militari tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo, f'Kuba, u biex jiġi previst il-ħelsien tad-detenuti li ma ġewx akkużati; jenfasizza li fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-20 ta’ Jannar 2015, il-President Obama tenna d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq il-wegħda tal-kampanja tiegħu tal-2008 li jagħlaq il-ħabs fil-Bajja ta’ Guantánamo;

9.  Iqis li l-Istati Membri ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jimxu skont id-dritt internazzjonali; jenfasizza għaldaqstant li Stati Membri li jagħmlu stħarriġ indipendenti u effikaċi dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-programm tas-CIA għandhom jibbażaw l-investigazzjonijiet tagħhom fuq provi ġudizzjarji sodi u fuq ir-rispett tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, il-liġi tal-UE u dik internazzjonali, il-primat tas-sigurtà nazzjonali u s-sensittività ta' investigazzjonijiet kriminali li jaf għadhom għaddejjin;

10. Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-intelligence sigrieta u l-aġenziji tas-sigurtà tagħhom, jiżguraw skrutinju demokratiku sħiħ ta' dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa, filwaqt li jirrispettaw il-kompetenza u s-sovranità tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lin-NATO, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u ż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti.