Proċedura : 2015/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0136/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0136/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.6
CRE 12/02/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 180kWORD 246k
11.2.2015
PE549.929v01-00}
PE549.930v01-00}
PE549.931v01-00}
PE549.932v01-00}
PE549.933v01-00}
PE549.935v01-00} RC1
 
B8-0136/2015}
B8-0137/2015}
B8-0138/2015}
B8-0139/2015}
B8-0140/2015}
B8-0142/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0136/2015)

ALDE (B8‑0137/2015)

PPE (B8‑0138/2015)

Verts/ALE (B8‑0139/2015)

EFDD (B8‑0140/2015)

S&D (B8‑0142/2015)


dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Tunne Kelam, Andrej Plenković, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Barbara Matera, Davor Ivo Stier, Lara Comi, Fernando Ruas, György Hölvényi, József Nagy f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Elena Valenciano, Richard Howitt, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, Vincent Peillon, Goffredo Maria Bettini, Nikos Androulakis, Gilles Pargneaux, Tonino Picula, Kati Piri, Nicola Caputo, Alessia Maria Mosca, Andi Cristea, Simona Bonafè, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, David Martin, Arne Lietz, Zigmantas Balčytis, Brando Benifei, Javi López, István Ujhelyi, Enrique Guerrero Salom, Andrejs Mamikins, Francisco Assis, Afzal Khan, Csaba Molnár, Doru‑Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, David Campbell Bannerman, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Ilhan Kyuchyuk, Ivo Vajgl, Beatriz Becerra Basterrechea, Louis Michel, Pavel Telička, Petr Ježek, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Javier Nart, Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Marielle de Sarnez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Dita Charanzová, Izaskun Bilbao Barandica, Urmas Paet, Fernando Maura Barandiarán, José Inácio Faria f'isem il-Grupp ALDE
Alyn Smith, Judith Sargentini, Davor Škrlec, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Dario Tamburrano, Laura Agea, Eleonora Evi, Rosa D'Amato, Valentinas Mazuronis, Tiziana Beghin f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' Frar 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Da'esh threat" ("Elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh"),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria" ("Ir-reġim tat-terrur: Il-ħajja taħt l-ISIS fis-Sirja"), tal-14 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-4 ta' Frar 2015 dwar ir-rapporti perjodiċi kombinati (mit-tieni sar-raba' rapport) tal-Iraq,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani u Iraqin,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar tali ftehim(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kriżi vjolenti li għadha għaddejja fis-Sirja bħala konsegwenza u tal-vjolenza min-naħa tar-reġim ta' Assad u tal-vjolenza terroristika irriżultat f'diżastru umanitarju ta' kobor bla preċedent fl-istorja, b'aktar minn 211 500 ruħ maqtula, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili, aktar minn 7,6 miljun ruħ spostati internament, u 'l fuq minn 12,2 miljun Sirjan fi bżonn iddisprat ta' assistenza fis-Sirja; billi 212 000 ruħ għadhom assedjati – 185 000 ruħ mill-forzi tal-Gvern u 26 500 ruħ mill-forzi tal-oppożizzjoni; billi aktar minn 3,8 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom, prinċipalment lejn il-Libanu (1 160 468 rifuġjat), it-Turkija (1 623 839), il-Ġordan (621 773) u l-Eġittu/l-Afrika ta' Fuq (160 772);

B.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq ikkawżata mill-kunflitt li għaddej bħalissa u mill-vjolenza u r-repressjoni min-naħa tal-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh qed tkompli sejra għall-agħar, u billi aktar minn 5,2 miljun ruħ għandhom bżonn ta' assistenza umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spostati internament; billi hemm 3,6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-ISIL/Daesh – 2,2 miljun minnhom fi bżonn urġenti ta' għajnuna – u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi l-Iraq qed jilqa' wkoll aktar minn 233 000 rifuġjat Sirjan;

C. billi bosta rifuġjati u persuni spostati internament mhumiex irreġistrati, u b'hekk il-popolazzjonijiet mhux reġistrati huma mċaħħdin mill-għajnuna umanitarja u mill-miżuri ta' protezzjoni bażiċi li tant għandhom bżonn;

D. billi, bl-użu ta' vjolenza brutali u indiskriminata, l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIL/Daesh ħakmet partijiet mill-Majjistral tal-Iraq, inkluża Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-pajjiż, u billi mbagħad wettqet eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini Iraqin, imponiet interpretazzjoni riġida tax-Xarija, qerdet postijiet ta' qima u santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti, Jeżidi, Kurdi u Nsara u kkommettiet atroċitajiet barbari kontra l-popolazzjoni ċivili, b'impatt partikolari fuq in-nisa u t-tfal;

E.  billi ex membri Ba'athisti tal-persunal militari tal-armata tal-Iraq ingħaqdu mal-ISIL/Daesh, u billi l-armata stess hija infestata minn korruzzjoni u interferenza politika rampanti, fatt li jostakola r-risposta effikaċi min-naħa tal-armata għall-ISIL/Daesh;

F.  billi l-ISIL/Daesh stabbilixxa hekk imsejħa "qrati tax-Xarija" fit-territorju taħt il-kontroll tiegħu, li imponew pieni barbari, krudili u inumani fil-konfront tal-irġiel, in-nisa u t-tfal; billi l-ISIL/Daesh ippubblika kodiċi penali li jelenka d-delitti punibbli b'amputazzjoni, tħaġġir jew kruċifissjoni; billi dawk li jiġu kkastigati huma akkużati li kisru l-interpretazzjonijiet estremisti tal-grupp dwar il-liġi Iżlamika tax-Xarija, jew li huma suspettati bi żlealtà;

G. billi l-ISIL/Daesh nieda kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja, u kkommetta delitti tal-gwerra u ksur faħxi tad-dritt umanitarju internazzjonali, fosthom qtil sommarju fuq skala kbira u serq ta' persuni, fil-konfront ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata, is-serq ta' persuni, l-istupru, it-traffikar u s-sekwestru ta' nisa, l-iskjavitù ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal għal attentati suwiċida, abbużi sesswali u fiżiċi u tortura; billi l-minoranzi etniċi u reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Insara, Kurdi, Jeżidi, Turkmeni, Xabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, sfaw fil-mira tal-ISIL/Daesh;

H. billi rapport maħruġ mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-4 ta' Frar 2015 isostni li l-militanti tal-ISIL/Daesh qegħdin ibigħu t-tfal misruqa bħala skjavi sesswali u joqtlu oħrajn, inkluż billi jsallbuhom u jidfnuhom ħajjin; billi l-biċċa l-kbira tat-tfal rifuġjati u spostati ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni;

I.   billi numri kbar ta' nisa nqatlu jew insterqu mill-ISIL/Daesh fis-Sirja u l-Iraq; billi ġie rrapportat li dawk in-nisa u bniet li nħatfu ġew sottoposti għal stupru jew abbuż sesswali, imġiegħla jiżżewġu ġellieda, jew mibjugħa biex isiru skjavi sesswali; billi xi nisa nbiegħu bħala skjavi għal mhux aktar minn USD 25; billi n-nisa Jeżidi fl-Iraq huma partikolarment fil-mira; billi huwa ċar li hemm nuqqas ta' servizzi integrati fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva u fil-qasam tal-vjolenza sesswali u dik abbażi tal-ġeneru;

J.   billi nisa edukati u professjonisti, u b'mod partikolari nisa li kkontestaw bħala kandidati f'elezzjonijiet għal kariga pubblika, jidhru li huma f'riskju; billi rapporti jindikaw li tal-anqas tliet avukati nisa ngħataw il-mewt u erba' tobba nqatlu reċentement fiċ-ċentru ta' Mosul; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) huwa mistenni jippreżenta rapport li jiddokumenta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-ISIL/Daesh fl-Iraq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Marzu 2015; billi l-apostati sfaw fil-mira u ġew sottoposti għal vjolenza inumana;

K. billi l-persuni LGBT qed isofru vjolenza u qtil imwettqa mill-ISIL/Daesh, atti li qed jibqgħu għaddejjin b'impunità totali; billi s-sitwazzjoni tal-persuni LGBT fir-reġjun hija partikolarment vulnerabbli, minħabba l-appoġġ limitat mill-familja u mill-komunità u l-protezzjoni limitata mill-gvern, u billi s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati jew f'ċerti soċjetajiet ospitanti;

L.  billi l-għajnuna psikoloġika speċifika tant meħtieġa għall-vittmi tal-kunflitt, fosthom il-vittmi ta' stupri, mhijiex disponibbli;

M. billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati huma mġiegħla jsofru kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi, skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija ta' aktar minn 50 %; billi minkejja l-isforzi kbar tal-gvernijiet ikkonċernati, żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters inadegwati; billi fil-pajjiżi ospitanti żdiedu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati;

N. billi l-Lvant Nofsani nħakem minn xitwa qalila u l-UNHCR intensifika l-livell tal-assistenza tiegħu għax-xitwa billi nieda pjan għax-xitwa ta' USD 206 miljun biex jgħin lil miljuni ta' nies vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iz-zero u għal borra u riħ qawwijin; billi madwar 740 000 Iraqi spustat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata, u l-UNHRC qed jieħu passi biex jagħti għajnuna għax-xitwa lil 600 000 mill-persuni spostati fl-Iraq;

O. billi meta t-temperaturi jogħlew, jiżdied ir-riskju ta' epidemiji assoċjati ma' kundizzjonijiet sanitarji terribbli u aċċess limitat għal ilma tax-xorb sikur, partikolarment f'insedjamenti kollettivi u informali;

P.  billi l-UNICEF qiegħed jagħti assistenza għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mill-1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) f'Jannar 2015 nedew kampanja ta' għoti ta' assistenza fi flus għax-xitwa bil-għan li jagħtu JOD 14 lill-41 000 tifel u tifla rifuġjati vulnerabbli tal-kampijiet ta' Za'atari u Azraq sabiex il-familji tagħhom ikunu jistgħu jixtrulhom ħwejjeġ tax-xitwa;

Q. billi fl-1 ta' Diċembru 2014 id-WFP kien imġiegħel jissospendi temporanjament skema ta' għajnuna alimentari ta' importanza kruċjali għal aktar minn 1,7 miljun rifuġjat Sirjan minħabba kriżi internazzjonali tal-finanzjament; billi d-WFP ġabar USD 88 miljun wara appell ta' urġenza u kien kapaċi jagħti assistenza alimentari lir-rifuġjati tal-Libanu, tal-Ġordan, tal-Eġittu u tat-Turkija; billi d-WFP jistma li 2,8 miljun ruħ fl-Iraq attwalment jeħtieġu assistenza alimentari; billi d-WFP waħdu kellu bżonn urġenti ta' USD 214,5 miljun għall-operazzjonijiet tiegħu fis-Sirja u fir-reġjun, li minnhom USD 112,6 miljun kienu meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ta' assistenza alimentari għall-erba' xhur li jmiss;

R.  billi l-partijiet involuti fil-kunflitt użaw il-kastig kollettiv bħala arma tal-gwerra u serqu prodotti li ġejjin mill-għajnuna u bigħuhom illegalment, u b'hekk kisru l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

S.  billi, skont il-Kummissjoni, madwar 276 000 rifuġjat ippruvaw jidħlu fl-UE illegalment, u l-maġġoranza tagħhom qasmet il-Mediterran fi vjaġġi perikolużi; billi, skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali, kważi 2 % tar-rifuġjati għerqu matul il-vjaġġ; billi l-organizzazzjonijiet kriminali qegħdin iġorru r-rifuġjati fuq "dgħajjes fantażma" li jbaħħru sparati bla kontroll lejn l-UE bil-pilota awtomatiku; billi fid-9 ta' Diċembru 2014 f'Ġinevra saret Konferenza dwar ir-Risistemazzjoni li matulha l-gvernijiet intrabtu li jieħdu 100 000 rifuġjat Sirjan; billi skont il-UNHCR il-kontributi għadhom mhumiex se jkunu suffiċjenti biex ikopru l-ħtiġijiet ta' risistemazzjoni fir-reġjun;

T.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 3,3 biljun għall-assistenza għas-sokkors u l-irkupru favur is-Sirjani f'pajjiżhom u favur ir-rifuġjati u l-pajjiżi ospitanti; billi fl-2014 biss l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu t-tieni l-akbar donatur umanitarju lill-Iraq, b'għotja ta' EUR 163 miljun; billi l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili kien attivat fuq talba tal-Gvern tal-Iraq; billi l-UE nefqet aktar minn dak li pprevediet biex taffronta l-esiġenzi umanitarji, u billi l-fondi mwiegħda minn bosta pajjiżi li mhumiex membri tal-UE mhux dejjem ġew trasferiti fir-realtà;

U. billi, minkejja d-diversi appelli, il-komunità internazzjonali mhux qed jirnexxilha tissodisfa l-bżonnijiet tas-Sirjani u tal-Iraqini u tal-pajjiżi li jagħtu kenn lir-rifuġjati; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU qegħdin ibatu minn nuqqas ta' finanzjament, inkwantu waslu biss 39 % taż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li l-għoti ta' għajnuna ta' sokkors għadu prijorità kruċjali iżda għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fir-reġjun biex iċ-ċivili u r-rifuġjati jingħataw l-għajnuna xierqa li jeħtieġu; billi l-aġenziji tan-NU li joperaw programmi umanitarji għandhom jiggarantixxu risposta aktar integrata u aktar kosteffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet kollha kkonċernati;

V. billi l-komunità internazzjonali għandha tagħti risposta proporzjonata għall-isforzi militari, bl-iskop li ttaffi t-tbatija taċ-ċivili maqbudin fil-kunflitt; billi l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni ser ikunu meħtieġa bħala element ta' miżuri ta' wara l-kunflitt u bħala pass lejn il-bini ta' governanza inklużiva, rappreżentattiva u demokratika;

W. billi xi Stati Membri qed joffru tagħmir u għajnuna ta' taħriġ lill-forzi leġittimi tal-Iraq u lill-Peshmergas Kurdi; billi xi Stati Membri qegħdin jipparteċipaw b'mod dirett fl-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh;

1.  Jikkundanna bis-saħħa l-ksur tal-waħx, sistematiku u mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kommessi mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-qtil ta' ostaġġi, kull forma ta' vjolenza kontra l-persuni abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża jew etnika, u l-vjolenza kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jiddeplora t-twaqqif tal-hekk imsejħa "qrati tax-Xarija" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh; itenni l-kundanna assoluta tiegħu fil-konfront tat-tortura; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta' Assad, mit-terroristi tal-ISIL/Daesh u minn gruppi ġiħadisti oħra, u jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha; jikkundanna bis-saħħa l-abbużi kommessi mill-ISIL/Daesh fuq it-tfal;

2.  Jesprimi tħassib dejjem jikber dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja u fl-Iraq u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, mhux l-anqas fil-kuntest tal-ġlieda tal-ISIL/Daesh;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-gwerra li għaddejja bħalissa fis-Sirja u t-theddida reċenti maħluqa mill-ISIL/Daesh jikkostitwixxu periklu gravi għall-persuni fl-Iraq u fis-Sirja, u għal-Lvant Nofsani kollu kemm hu; jistieden lill-UE tadotta u timplimenta strateġija reġjonali komprensiva biex tirbaħ lill-ISIL/Daesh u tikkontribwixxi fl-isforzi komuni intiżi biex itaffu l-kriżi umanitarja u jtemmu l-kunflitt fis-Sirja u fl-Iraq; ifakkar li tinħtieġ risposta koerenti bil-għan li jiġu kkoordinati l-aspetti kollha tal-intervent u appoġġati l-pajjiżi ospitanti, fosthom b'assistenza tas-sigurtà, umanitarja, tal-iżvilupp u makroekonomika; ifaħħar ir-rwol tal-pajjiżi ġirien billi aċċettaw lir-rifuġjati; jenfasizza li l-UE teħtieġ strateġija li tikkomplementa l-attivitajiet tan-NU u tal-koalizzjoni kontra l-ISIL/Daesh u li għandha l-għan li tinvolvi lis-sħab reġjonali sabiex jindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, il-forniment tal-armi u l-fluss ta' ġellieda barranin transnazzjonali;

4.  Jenfasizza li diversi gruppi ta' minoranzi etniċi u reliġjużi ilhom jgħixu fil-paċi għal għexieren ta' snin fil-Lvant Nofsani;

5.  Jappoġġa l-kampanja globali kontra l-ISIL/Daesh, u jilqa' l-impenn tas-sħab fil-koalizzjoni biex jikkollaboraw bi strateġija komuni, multidimensjonali u fit-tul biex jegħlbu l-ISIL/Daesh; jappoġġa d-determinazzjoni qawwija tar-Re tal-Ġordan biex jiġġieled l-ISIL/Daesh; jilqa' t-telfa tal-ISIL/Daesh fil-belt Sirjana ta' Kobani; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza maħsuba biex tippermetti lill-pajjiżi tar-reġjun jikkumbattu l-estremiżmu vjolenti, flimkien mal-istrumenti intiżi għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, għandhom ikunu parti minn din l-istrateġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe kampanja militari intiża għal-liberazzjoni tat-territorji taħt il-kontroll tal-ISIL/Daesh għandha tosserva rigorożament id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġu evitati aktar imwiet u ma tissaħħaħx l-aġenda estremista, u sabiex jiġu evitati mewġiet ġodda ta' rifuġjati u persuni spostati internament;

6.  Jikkundanna l-użu u l-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata min-naħa tal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati, fatturi li jippermettu lill-ISIL/Daesh jiġġeneraw introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha josservaw ir-Riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw kull kummerċ, dirett jew indirett, mal-ISIL/Daesh u l-gruppi assoċjati;

7.  Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni taċ-ċivili fi ħdan strateġija reġjonali komprensiva, u l-bżonn li jinżammu separati l-isforzi umanitarji, militari u antiterroristiċi; jenfasizza l-interkonnessjoni bejn il-kunflitt u t-tbatija umanitarja u r-radikalizzazzjoni;

8.  Huwa tal-fehma li biex jiġi miġġieled it-terroriżmu ġewwa l-UE huwa kruċjali li tingħeleb it-theddida terroristika estremista li qed taqbad sew fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u lil hinn minnu, peress li l-avvanz tagħha fil-fatt jistimula r-radikalizzazzjoni mrawma internament;

9.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu mal-ISIL/Daesh fil-ġlieda tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-kumbattenti jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għal kooperazzjoni fl-UE u fuq livell internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

10. Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-UE "Elements for an EU regional strategy for Syria and Iraq as well as the Daesh threat", b'mod partikolari l-pakkett tagħha ta' EUR 1 biljun bħala "għajnuna biex jerġa' jkun hemm il-paċi u s-sigurtà li tkissru mit-terroriżmu u l-vjolenza għal wisq żmien", skont il-VP/RGħ;

11. Jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi aktar għajnuna umanitarja u assistenza lill-persuni milquta mill-kriżi fl-Iraq u s-Sirja; jistieden lill-UE tikkunsidra li tlaqqa' konferenza ta' donaturi; jilqa' l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna finanzjarja, u l-wegħdiet tagħhom għall-futur; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet u l-impenji tagħhom malajr; jappella għal żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-UE lill-programmi umanitarji tan-NU u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

12. Jenfasizza li, fid-dawl tal-iskala bla preċedent tal-kriżi, jeħtieġ tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi li tittaffa t-tbatija li qed iġarrbu miljuni ta' Sirjani u Iraqini fil-bżonn ta' prodotti u servizzi bażiċi; jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, inkluż bil-qsim tal-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha, f'konformità mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din it-tema;

13. Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw li ċ-ċivili jiġu protetti, ikollhom aċċess bla xkiel għal faċilitajiet mediċi u għajnuna umanitarja, u jkunu jistgħu jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur u dinjituż;

14. Huwa konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarji immedjati jeħtieġ ikunu parti integrali ta' strateġiji fit-tul bl-għan li tittaffa t-tbatija umana li qed joħloq il-kunflitt u jsostnu d-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati, il-persuni spustati internament u r-rifuġjati, inklużi n-nisa, bil-għan li jkunu żgurati tmexxija u parteċipazzjoni msaħħa, bl-għan li jingħataw is-setgħa ta' azzjoni li jagħżlu soluzzjonijiet dejjiema li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa u tfal li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw minnufih azzjonijiet speċifiċi biex jaffrontaw is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-bniet fl-Iraq u fis-Sirja u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, b'mod partikolari ż-żwieġ furzat tal-bniet; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, li qegħdin jintbagħtu l-ħabs, jiġu stuprati, jiġu abbużati sesswalment u jinbiegħu mill-membri tal-ISIL/Daesh;

16. Iħeġġeġ attenzjoni mġedda fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, imfassla fuq il-bżonnijiet speċifiċi ġġenerati mill-kunflitt li għaddej;

17. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fir-rigward tal-Iraq u s-Sirja;

18. Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li joperaw fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-aġenziji tan-NU, iżidu l-forniment ta' servizzi mediċi u ta' counselling, inklużi t-trattament u l-appoġġ psikoloġiċi, għal persuni spustati li ħarbu l-avvanzi tal-ISIL/Daesh, b'attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, jiġifieri s-superstiti tal-vjolenza sesswali u t-tfal; jitlob li tkun magħmula disponibbli assistenza finanzjarja u li jinħolqu programmi li jindirizzaw b'mod komprensiv il-ħtiġijiet mediċi/psikoloġiċi u soċjali tas-superstiti ta' vjolenza sesswali u sessista fl-ambitu tal-kunflitt li għaddej;

19. Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE tindirizza l-kwistjoni tal-vjaġġi – bosta drabi fatali – minn naħa għal oħra tal-Mediterran u timplimenta strateġija kkoordinata maħsuba biex issalva l-ħajjiet u biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri l-aktar milquta mill-wasla ta' migranti irregolari u persuni li jfittxu asil fi xtuthom;

20. Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod sever, tad-delitti mwettqa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu, fosthom l-użu ta' armi kimiċi u inċendjarji kontra l-popolazzjoni ċivili, id-detenzjoni arbitrarja tal-massa u l-istrateġija ta' assedju tiegħu li jħalli lill-popolazzjoni bil-ġuħ sakemm din iċċedi;

21. Jundika li r-rispons inadegwat għall-instabbiltà fis-Sirja ppermetta lill-ISIL/Daesh jżidu fis-setgħa; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-involviment li dejjem qed jikber ta' gruppi Iżlamisti estremisti u ġellieda barranin transnazzjonali fil-kunflitt fis-Sirja; jisħaq fuq il fatt li soluzzjoni dejjiema teħtieġ transizzjoni politika permezz ta' proċess politiku inklużiv, immexxi mis-Sirjani u msejjes fuq l-istqarrija ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jistieden lill-UE tieħu l-inizjattiva għal sforzi diplomatiċi għal dan il-għan; jilqa' u jappoġġa l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, u l-isforzi tiegħu biex jieqaf il-ġlied qalil fiċ-ċentri urbani, inkluża Aleppo;

22. Jistieden lill-atturi reġjonali kollha jikkontribwixxu fl-isforzi biex titrażżan it-tensjoni fl-Iraq u fis-Sirja;

23. Jistieden lill-mexxejja Iraqin il-ġodda jsarrfu f'realtà l-impenn tagħhom għal gvern inklużiv – gvern li jirrappreżenta l-interessi leġittimi u jvinċi l-esiġenzi umanitarji traġiċi tal-Iraqin kollha; jistieden lill-awtoritajiet Iraqini u lill-komunità internazzjonali jipprevjenu l-vendikazzjonijiet kontra l-popolazzjoni ċivili Sunnita meta jkunu ġew liberati ż-żoni li bħalissa jinsabu fil-kontroll tal-ISIL/Daesh; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u jsir żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

24. Jilqa' l-isforzi tal-uffiċċju tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni f'Erbil, il-belt kapitali tar-Reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq, biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun; jenfasizza li hemm bżonn tiżdied u titjieb il-koordinazzjoni bejn l-ECHO u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), sabiex il-popolazzjonijiet fil-bżonn jinqdew bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effikaċi;

25. Jilqa' t-tħabbira tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, rigward il-ftuħ ta' uffiċċju tal-UE f'Erbil u jitlob li dan il-ftuħ isir sabiex jitjiebu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni tal-UE fuq il-post, fosthom permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp; jappella għat-tisħiħ tal-uffiċċju tal-UE f'Gaziantep, it-Turkija;

26. Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIL/Daesh u gruppi terroristiċi assoċjati, u biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa;

27. Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabbiltà tad-delitti li twettqu minn kull naħa matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward, bħala pereżempju permezz tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

28. Jitlob miżuri ta' responsabbiltà ndaqs għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u aċċess għas-sostenn legali lill-vittmi kollha tal-ksur onnipreżenti; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza fundamentali li tiġi garantita l-protezzjoni taċ-ċivili li jinsabu maqbuda mill-vjolenza u ma jistgħux jaslu f'postijiet sikuri jew ma jistgħux jaċċedu għall-assistenza umanitarja li ssalva l-ħajjiet;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

Avviż legali