Proċedura : 2015/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0143/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0143/2015

Dibattiti :

PV 12/02/2015 - 3.2
CRE 12/02/2015 - 3.2

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0037

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 149kWORD 217k
11.2.2015
PE549.936v01-00}
PE549.938v01-00}
PE549.940v01-00}
PE549.942v01-00}
PE549.944v01-00}
PE549.951v01-00} RC1
 
B8-0143/2015}
B8-0145/2015}
B8-0147/2015}
B8-0149/2015}
B8-0151/2015}
B8-0158/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0143/2015)

ECR (B8‑0145/2015)

ALDE (B8‑0147/2015)

EFDD (B8‑0149/2015)

GUE/NGL (B8‑0151/2015)

S&D (B8‑0158/2015)


dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, l-Arabja Sawdija (2015/2550(RSP))


Josef Weidenholzer, Victor Boștinaru, Elena Valenciano, Richard Howitt, Ana Gomes, Alessia Maria Mosca, Michela Giuffrida, Kashetu Kyenge, Nikos Androulakis, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Krystyna Łybacka, Vilija Blinkevičiūtė, Tonino Picula, Goffredo Maria Bettini, Neena Gill, Miroslav Poche, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă, Luigi Morgano, Marc Tarabella, Pier Antonio Panzeri, Enrico Gasbarra, Kati Piri, Nicola Caputo, Doru-Claudian Frunzulică, Biljana Borzan, Miriam Dalli, Brando Benifei f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Beatrix von Storch, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Guy Verhofstadt, Marietje Schaake, Robert Rochefort, Fernando Maura Barandiarán, Ramon Tremosa i Balcells, Ilhan Kyuchyuk, Ivo Vajgl, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Pavel Telička, Juan Carlos Girauta Vidal, Fredrick Federley, Kaja Kallas, Petras Auštrevičius, Hilde Vautmans, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Johannes Cornelis van Baalen, Izaskun Bilbao Barandica, Filiz Hyusmenova, Gérard Deprez, Louis Michel, Martina Dlabajová, Urmas Paet, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE
Javier Couso Permuy, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Kostas Chrysogonos, Curzio Maltese, Eleonora Forenza, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Michèle Rivasi, Alyn Smith, Ernest Maragall, Davor Škrlec, Judith Sargentini, Tamás Meszerics f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Piernicola Pedicini, Rosa D’Amato, Marco Valli, Eleonora Evi, Dario Tamburrano, Tiziana Beghin f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, l-Arabja Sawdija (2015/2550(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdija, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u, b’mod partikolari, dik tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq(1),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta’ Jannar 2015 tal-Kelliema tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affari jiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, fejn jappella lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu l-piena ta’ Raif Badawi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–   wara li kkunsidra l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, ratifikata mill-Arabja Sawdija fl-2009, li l-Artikolu 32(1) tagħha jiggarantixxi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, u l-Artikolu 8 jipprojbixxi t-tortura fiżika jew psikoloġika jew it-trattament krudil, degradanti, umiljanti jew inuman,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Raif Badawi, li huwa blogger u attivist tad-drittijiet tal-bniedem, ġie akkużat b'apostasija u ngħata s-sentenza mill-Qorti Kriminali ta' Ġeddah f'Mejju 2014 ta' 10 snin ħabs, 1 000 daqqa ta' frosta u multa ta' SAR 1 miljun (EUR 228 000) wara li ħoloq il-websajt “Free Saudi Liberals Network" għad-dibattitu soċjali, politiku u reliġjuż li tqieset bħala insult lill-Iżlam; billi s-sentenza tipprojbixxi wkoll lis-Sur Badawi milli juża kwalunkwe mezz tal-midja u milli jivvjaġġa barra l-pajjiż għal 10 snin wara li jinħeles mill-ħabs;

B.  billi fid-9 ta’ Jannar 2015, is-Sur Badawi rċieva l-ewwel sett ta’ 50 daqqa ta’ frosta tiegħu quddiem il-moskea al-Ġafali f’Ġeddah, li rriżulta f’feriti li tant kienu profondi li meta ttieħed fi klinika tal-ħabs għal eżami mediku, instab mit-tobba li ma kienx se jkun jiflaħ għal sett ieħor ta' daqqiet ta' frosta;

C. billi l-verdetti ġudizzjarji li jimponu piena tal-ġisem, inkluż is-swat bil-frosta, huma strettament ipprojbiti skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-Arabja Sawdija rratifikat;

D. billi fis-6 ta’ Lulju 2014, l-avukat ta' Raif Badawi, id-difenzur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem Waleed Abu al-Khair, ingħata s-sentenza mill-Qorti Kriminali Speċjalizzata ta’ 15-il sena ħabs, li warajhom jiġu 15-il sena ta’ projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, wara li stabbilixxa l-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem “Monitor of Human Rights in Saudi Arabia”;

E.  billi l-każ tas-Sur Badawi huwa wieħed minn ħafna każijiet li fihom intużaw sentenzi ħorox u molestja kontra attivisti Sawdijin tad-drittijiet tal-bniedem u difensuri Sawdijin oħra tar-riformi ppersegwitati talli esprimew il-fehmiet tagħhom, li għadd minnhom ġew ikkundannati, taħt proċeduri li ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali ta’ proċess ġust, kif ġie konfermat mill-ex-Kummissarju Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Lulju 2014;

F.  billi l-Arabja Sawdija għandha komunità enerġetika sew ta’ attivisti online u l-ogħla għadd ta’ utenti ta’ Twitter fil-Lvant Nofsani; billi, madankollu, l-internet huwa ċċensurat b’mod qawwi, fejn eluf ta’ websajts jiġu bblukkati u l-bloggijiet u l-websajts il-ġodda jeħtieġu liċenzja mill-Ministeru tal-Informazzjoni; billi l-Arabja Sawdija tinsab fuq il-lista tal-“Għedewwa tal-Internet” tar-Reporters Without Borders (Reporters Mingħajr Fruntieri) minħabba ċ-ċensura tal-midja Sawdija u tal-internet u l-ikkastigar ta’ dawk li jikkritikaw lill-gvern jew lir-reliġjon;

G. billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma kundizzjonijiet preliminari kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter;

H. billi minkejja l-introduzzjoni ta’ xi riformi b’kawtela matul ir-renju tal-mejjet Re Abdullah, is-sistema politika u soċjali Sawdija għadha waħda profondament mhux demokratika, tagħmel lin-nisa u lill-Misilmin Xiti ċittadini tat-tieni klassi, tiddiskrimina serjament kontra l-forza tax-xogħol barranija kbira tal-pajjiż u severament trażżan il-vuċijiet tad-dissidenza;

I.   billi l-għadd u l-pass tal-eżekuzzjonijiet hija kwistjoni ta’ inkwiet serju; billi aktar minn 87 ruħ ingħataw il-mewt fl-2014, fil-parti l-kbira tagħhom permezz ta’ qtugħ ir-ras quddiem il-pubbliku; billi tal-inqas 21 ruħ ingħataw il-mewt mill-bidu tal-2015 ’il hawn; billi ġew irrappurtati 423 eżekuzzjoni bejn l-2007 u l-2012; billi l-piena tal-mewt tista’ tiġi imposta għal firxa wiesgħa ta’ offiżi;

J.   billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa attur politiku, ekonomiku, kulturali u reliġjuż influwenti fil-Lvant Nofsani u fid-dinja Iżlamika, u fundatur u membru ewlieni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u tal-Grupp G-20;

K. billi f’Novembru 2013 l-Arabja Sawdija ġiet eletta bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal perjodu ta’ tliet snin;

L.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u l-Arabja Sawdija jippreskrivu pieni kważi identiċi għal għadd kbir ta’ reati, inkluża l-piena tal-mewt għad-dagħa, il-qtil, atti ta' omosesswalità, is-serq jew it-tradiment, il-mewt permezz tat-tħaġġir għall-adulterju u l-qtugħ tal-idejn u tas-saqajn għall-brigantaġġ;

M. billi l-Arabja Sawdija taqdi rwol ewlieni fil-finanzjament, fit-tixrid u l-promozzjoni madwar id-dinja kollha ta’ interpretazzjoni partikolarment estremista tal-Iżlam; billi l-viżjoni l-aktar settarja tal-Iżlam ispirat organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huma l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u l-al-Qaeda;

N. billi l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jallegaw li huma sħab tal-Istati Membri, partikolarment fil-ġlieda dinjija kontra t-terrur; billi liġi ġdid ta’ kontra t-terroriżmu adottata f’Jannar 2014 tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu li l-espressjonijiet kollha ta’ dissidenza jew assoċjazzjonijiet indipendenti jiġu interpretati bħala reati terrroristiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-swat bil-frosta ta’ Raif Badawi bħala att krudil u xokkanti mill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu għalkollox kwalunkwe swat bil-frosta ulterjuri ta’ Raif Badawi u jeħilsuh immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, peress li hu meqjus bħala priġunier tal-kuxjenza, miżmum u mogħti sentenza għall-unika raġuni li eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżguraw li l-kundanna u s-sentenza tiegħu, inkluża l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar tiegħu, jiġu annullati;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jiżguraw li Raif Badawi jiġi mħares mit-tortura u minn trattament ħażin ieħor, u li jingħata kwalunkwe attenzjoni medika li jista' jkollu bżonn, kif ukoll aċċess immedjat u regolari għall-familja tiegħu u għall-avukati li jagħżel hu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu b’mod mingħajr kundizzjonijiet lill-avukat ta’ Raif Badawi, u lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra kollha li huma miżmuma u mogħti sentenza sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

4.  Jikkundanna bil-qawwa s-suriet kollha ta’ pieni tal-ġisem bħala trattament inaċċettabbli u degradanti kuntrarji għad-dinjità tal-bniedem u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu tas-swat bil-frosta min-naħa tal-istat, filwaqt li jappella bil-qawwa għall-abolizzjoni stretta ta' dan is-swat bil-frosta; jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura, hekk kif inhi mnaqqxa b’mod l-aktar notevoli fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-Arabja Sawdija ffirmat u rratifikat; jistieden lill-Arabja Sawdija tiffirma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

5.  Jenfasizza l-proċess ta’ riforma ġudizzjarja li daħlet għalih l-Arabja Sawdija bil-ħsieb li ssaħħaħ il-possibilità ta' protezzjoni mtejba tad-drittijiet individwali, iżda għadu mħasseb serjament minħabba s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, li għadha ssib postha fost il-pajjiżi l-aktar repressivi fid-dinja; iqis il-każ ta’ Raif Badawi bħala simbolu tal-attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u tad-dissidenza paċifika fil-pajjiż, u b’mod aktar wiesa’ huwa simbolu tal-politiki karatteristiċi tar-Renju ta’ intolleranza u interpretazzjoni estremista tal-liġi Iżlamika;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jabolixxu l-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li ġiet stabbilita fl-2008 biex tipproċessa l-każijiet tat-terroriżmu iżda kulma jmur aktar bdiet tħarrek lil dissidenti paċifiċi fuq akkużi li apparentement kienu politikament immotivati u fi proċedimenti li jiksru d-dritt fundamentali għal proċess ġust;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jippermettu l-istampa u l-midja indipendenti u jiżguraw il-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-Arabja Sawdija; jikkundanna r-repressjoni tal-attivisti u tad-dimostranti meta jagħmlu dimostrazzjoni paċifika; jenfasizza li d-difiża paċifika tad-drittijiet ġuridiċi bażiċi jew l-għemil ta’ rimarki kritiċi permezz tal-użu tal-midja soċjali huma espressjonijiet ta’ dritt indispensabbli;

8.  Ifakkar lit-tmexxija tal-Arabja Sawdija fl-impenn tagħha li “tiddefendi l-ogħla standards fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem” meta applikat b’suċċess għas-sħubija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2013;

9.  Jemmen li l-Arabja Sawdija tkun sieħba aktar kredibbli u effettiva fil-ġlieda lill-organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huwa l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) u l-al-Qaeda kieku ma kenitx twettaq prattiki anakronistiċi u estremisti, bħalma huma l-qtugħ ir-ras fil-pubbliku, it-tħaġġir u suriet oħra ta’ tortura, simili għal dawk imwettqa mill-IS;

10. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jagħtu l-appoġġ tagħhom, b’mod attiv u kreattiv, lill-gruppi tas-soċjetà ċivili u lill-individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, inkluż permezz tal-arranġament ta’ żjajjar fil-ħabsijiet, il-monitoraġġ tal-proċessi u dikjarazzjonijiet pubbliċi;

11. Jagħti istruzzjonijiet lid-Delegazzjoni tiegħu għar-Relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija biex tqajjem il-kwistjoni ta’ Raif Badawi u l-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra matul iż-żjara tagħha li se ssir fil-futur qrib fl-Arabja Sawdija u tirrapporta lura lis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem;

12. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom mal-Arabja Sawdija, b’tali mod li jippermettilha ssegwi l-interessi ekonomiċi, enerġetiċi u ta’ sigurtà tagħha, filwaqt li ma jdgħajjifx il-kredibilità tal-impenji ewlenin tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affari jiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Majestà Tiegħu ir-Re Salman bin Abdulaziz, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0207.

Avviż legali